It-Torri Rocca

It-Torri Rocca fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ngħata l-isem għal Giustina Rocca, l-ewwel avukata mara fl-istorja, sabiex jenfasizza l-impenn tiegħu favur ugwaljanza fl-aċċess għad-dritt u għall-ġustizzja, kif ukoll l-ugwaljanza tal-opportunitajiet. Dan huwa l-ogħla binja fil-Lussemburgu, b’għoli ta’ 118‑il metru. Huwa l-aħħar żieda fil-kumpless ta’ bini tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jilqa’ d-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu.

Min kienet Rocca?

Giustina Rocca hija meqjusa l-ewwel avukata mara fl-istorja. Isimha jibqa’ mfakkar fl-istorja minħabba sentenza ta’ arbitraġġ mogħtija fit‑8 ta’ April 1500 fil-kuntest ta’ tilwima li l-eżitu tagħha kien tħalla f’idejha. Fil-qorti tal-Gvernatur Venezjan ta’ Trani, Giustina Rocca tat is-sentenza tagħha bil-lingwa vernakulari, minflok bil-Latin skont l-użanzi ta’ dak iż-żmien, bil-għan li l-pubbliku preżenti waqt l-għoti tagħha jkun jista’ jifhimha. Hija mbagħad sejħet lill-parti telliefa sabiex tħallasha l-onorarji skont l-użanza u b’hekk enfasizzat, fi żmien meta n-nisa la kellhom aċċess għall-edukazzjoni u lanqas għall-prattika tal-liġi, ir-rieda tagħha li tiġi ttrattata b’mod ugwali bħall-irġiel li kellhom tali prerogattivi.

It-Torri Rocca u r-rwol tiegħu fil-Qorti tal-Ġustizzja

Bl-għoti tal-isem ta’ Giustina Rocca lill-ogħla torri tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tfakkar l-importanza li hija tagħti lill-ugwaljanza fl-aċċess għad-dritt u għall-ġustizzja, kif ukoll l-impenn tagħha għall-ugwaljanza tal-opportunitajiet konformement mal-ġurisprudenza tagħha stess.

B’29 sular u b’għoli ta’ 118‑il metru, it-Torri Rocca huwa l-ogħla binja fil-Lussemburgu.

Bħala l-aħħar żieda fil-kumpless ta’ bini tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa jikser intenzjonalment il-kontinwità mibdija mit-torrijiet Comenius u Montesquieu billi nbena f’angolu differenti mit-tnejn l-oħra, u b’hekk joħloq “punt” arkitettoniku.

Għalkemm din hija struttura waħda, minn barra tidher li hija żewġ torrijiet konnessi. Waħda miż-żewġ faċċati hija identika għal dik tat-Torrijiet Comenius u Montesquieu li huma qrib tiegħu, għal dak li jirrigwarda l-istruttura u d-dimensjonijiet, filwaqt li l-faċċata l-oħra hija ta’ kulur iswed u għandha elevazzjoni kemxejn ogħla. B’hekk, it-torri Rocca huwa parti integrali mill-kumpless attwali u joħloq djalogu arkitettoniku mal-Palazz u mat-Torrijiet Comenius u Montesquieu.

It-Torri Rocca huwa konness mal-binjiet l-oħra tal-kumpless permezz tal-Gallerija, kif ukoll taraġ kbir li huwa simili għal dak li jgħaqqad il-Gallerija mal-Palazz.

It-Torri Rocca jibbenefika mill-iktar ċertifikazzjoni enerġetika avvanzata li hija ekwivalenti għal dik ta’ bini passiv. F’termini ta’ ħtiġijiet ta’ sħana, dawn huma 55 % inqas meta mqabbla ma’ bini ta’ riferiment u l-konsum ta’ enerġija primarja u l-emissjonijiet ta’ CO2 huma mnaqqsa b’45 %.

Bl-inawgurazzjoni tat-Torri Rocca f’Settembru 2019, id-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja issa jinsabu f’kumpless immobiljari wieħed, li jiġbor fih il-membri tal-persunal kollha kif ukoll il-Membri kollha taħt l-istess saqaf.

Illum, it-Torri Rocca fih id-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ikbar dipartiment tal-Istituzzjoni, fejn il-proċeduri ġudizzjarji u d-dokumenti jiġu interpretati u tradotti  korrettament fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Ara wkoll