Il-Binja Themis

Il-binja Themis fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ngħatat l-isem Themis, l-alla Griega tal-Ġustizzja u s-simbolu tad-dritt, tal-ekwilibriju u tal-awtorità ġudizzjarja, kif ukoll l-ispirazzjoni tal-logo tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mill‑1952. Il-bini, oriġinarjament magħruf bħala l-Anness C, ġie inawgurat fl‑1994 u issa jilqa’ l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali, l-uffiċċji tagħhom u l-Awla Prinċipali tagħha.

Min kienet Themis?

Bint Uranus u Gaia, li jirrappreżentaw rispettivament is-sema u l-art, Themis hija meqjusa, fil-mitoloġija Griega, l-alla tal-Ġustizzja. Mart u konsulent ta’ Zeus, hija tpoġġi fuq il-lemin tiegħu u tikkontribwixxi għaż-żamma tal-ordni stabbilit. Allegorija tal-Ġustizzja onnipreżenti, Themis tiġi ġeneralment irrappreżentata bl-attributi tagħha, li huma l-miżien u x-xabla, xi drabi b’għata fuq għajnejha bħala sinjal ta’ imparzjalità. Il-miżien, simbolu tal-ordni soċjali, tal-ekwilibriju u tal-armonija, jikkuntrasta max-xabla, li tirrappreżenta s-sentenza u l-awtorità ġudizzjarja, u li tagħti, permezz tax-xafra li taqta’ minn żewġ naħat u li għalhekk tista’ tissanzjona lil kull parti, saħħa eżekuttiva lid-deċiżjonijiet tagħha. Themis b’hekk saret l-immaġni universali tal-Ġustizzja.

Il-binja Themis u r-rwol tagħha fil-Qorti tal-Ġustizzja

L-isem Themis jevoka d-deċiżjoni tal-ewwel Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta ġie stabbilit is-siġill tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ispirati mit-tradizzjonijiet kulturali komuni tagħhom, dawn il-Membri integraw il-miżien u x-xabla ta’ Themis fil-logo tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar fl‑1952.

Il-binja, it-tielet u l-aħħar estensjoni fost l-ewwel sensiela ta’ estensjonijiet tal-Palazz, ġiet inawgurata fl‑1994. B’differenza miż-żewġ estensjonijiet preċedenti, din il-binja qatt ma kienet ingħatat isem u għaddiet iktar minn 25 sena magħrufa bħala l-“Anness C”, qabel ma ngħatat l-isem “Themis” fl‑2022.

Bil-forma ta’ kubu tagħha, din il-binja tikkompleta s-sensiela ta’ binjiet mibnija f’livell inferjuri għall-Palazz. Hija għandha, fil-faċċata tan-Nofsinhar tagħha, rotunda semiċirkulari li fiha s-sala fejn jinżammu d-deliberazzjonijiet wara l-Awla Prinċipali tal-Qorti Ġenerali. Bħall-binjiet Erasmus u Thomas More, il-faċċata tal-binja Themis hija wkoll tal-granit bi struttura ta’ aluminju u ħġieġ, u hija mżewqa b’kolonni ta’ granit roża.

Minbarra l-Awla Prinċipali tal-Qorti Ġenerali, Themis tilqa’ fiha l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali u l-uffiċċji tagħhom.

Ara wkoll