Statistika ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja

Ara l-istatistika ddettaljata tal-Qorti tal-Ġustizzja PDF 

Ħarsa ġenerali qasira lejn ix‑xejriet prinċipali fl‑istatistika tas‑sena li għaddiet

Minn Marc-André Gaudissart Assistent Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Preċedentement inkluża fit-test innifsu tar-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea І Attività ġudizzjarja, din il-kontribuzzjoni għandha l-għan, bħal kull sena, li tipprovdi ħarsa ġenerali qasira tax-xejriet prinċipali li jirriżultaw mill-qari tal-istatistika ġudizzjarja tas-sena li għaddiet. Din tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett, l-oriġini u n-natura tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2022 u tagħti xi punti ewlenin fil-qari tal-informazzjoni dwar il-kawżi magħluqa mill-qorti.

Filwaqt li s-sena li għaddiet intemmet, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, b’evalwazzjoni pjuttost pożittiva peress li n-numru ta’ kawżi magħluqa qabeż in-numru ta’ kawżi mressqa, li kellu tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-sena preċedenti, dik is-sena kienet ikkaratterizzata wkoll minn żieda fit-tul medju tat-trattament tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari, li jqajmu kwistjonijiet dejjem iktar kumplessi u, xi drabi, ta’ natura sensittiva ħafna. Huwa f’dan il-kuntest li għandha titqiegħed it-talba leġiżlattiva mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, fit‑30 ta’ Novembru 2022, sabiex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli u sabiex isir, favur il-Qorti Ġenerali, trasferiment parzjali tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-domandi preliminari sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet imressqa mill-qrati nazzjonali, skont l-Artikolu 267 TFUE, f’oqsma speċifiċi stabbiliti fl-Istatut.

Il‑kawżi mressqa

Kif għadu kif ġie rrilevat, in-numru ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2022 (806 kawżi) juri tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-sena preċedenti, fejn 838 kawża ġdida kienu ġew irreġistrati mir-Reġistru. Dan it-tnaqqis jikkonċerna kemm it-talbiet għal deċiżjoni preliminari kif ukoll l-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali, iżda huwa ta’ portata limitata u, fuq kollox, ma jaffettwax fundamentalment it-tqassim tal-kontenzjuż skont it-tip tal-kawża, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari u l-appelli dejjem jirrappreżentaw, waħedhom, iktar minn 90 % tal-kawżi kollha mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (bi, rispettivament, 546 talba għal deċiżjoni preliminari ġdida u 209 appelli, il-kategoriji kollha flimkien, din il-perċentwali kienet saħansitra tammonta għal 93 % fl‑2022).

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri, is-sehem meħud mir-rikorsi diretti fil-kawżi mressqa fl‑2022 (4.60 %) jidher relattivament żgħir, anki jekk in-numru ta’ dawn ir-rikorsi (37) kellu, is-sena l-oħra, żieda żgħira meta mqabbel mas-sena preċedenti li fiha kienu laħqu livell minimu storiku (b’29 kawża ġdida biss). Fost ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati fl‑2022, għandu jissemma, b’mod iktar partikolari, l-ewwel rikors ippreżentat kontra Stat terz, ir-Renju Unit, abbażi tal-Artikolu 87(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika [1][2].

Kemm jekk b’talba għal deċiżjoni preliminari jekk permezz ta’ rikors dirett jew ta’ appell, il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2022 kienu jirrigwardaw, għal darba oħra, firxa ta’ suġġetti estremament wiesgħa. Bi ftit inqas minn mitt kawża (95), l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja kien dejjem jokkupa post predominanti fl-attività tal-qorti, bl-istess mod bħall-kontenzjuż dwar it-tassazzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur jew il-protezzjoni tad-data personali, b’diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-aħħar qasam intiżi li jiġu ppreċiżati iktar il-parametri tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data [3]. Preċedentement, in-numru ta’ kawżi li jaqgħu fil-qasam tal-proprjetà intellettwali kien jinsab f’livell pjuttost għoli, iżda dan għall-kuntrarju naqas ħafna matul is-sena li għaddiet peress li minn 83 kawża ġdida fl‑2021 għadda għal 49 kawża biss fl‑2022, filwaqt li f’oqsma oħra, iktar klassiċi, qegħdin nassistu għall-kuntrarju għal żieda qawwija fin-numru ta’ kawżi ġodda. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-kawżi marbuta mal-erba’ libertajiet fundamentali, iżda wkoll tal-kawżi mressqa fl-oqsma tal-agrikoltura, tal-kompetizzjoni u tal-kuntratti pubbliċi, kif ukoll fil-qasam tas-servizz pubbliku.

Għal dak li jirrigwarda l-oriġini ġeografika tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-sena li għaddiet, għandha tiġi rrilevata stabbiltà relattiva meta mqabbla mas-sena preċedenti. Bħal fl‑2021, il-Ġermanja, l-Italja u l-Bulgarija kienu għadhom jinsabu f’ras il-klassifika “ġeografika” tar-rinviji (bi, rispettivament, 98, 63 u 43 talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2022), iżda l-aħħar Stat kien segwit mill-qrib minn Spanja u mill-Polonja, li l-qrati tagħhom indirizzaw lill-Qorti tal-Ġustizzja 41 u 39 darba matul l-istess sena. Permezz ta’ 34 kawża, in-numru ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qrati Awstrijaċi baqa’ pjuttost qrib il-livell tas-sena preċedenti (37 talba fl‑2021), filwaqt li flimkien ma’, rispettivament, 28, 29 jew 30 talba, il-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Rumanija u tal-Belġju jibqgħu korrispondenti regolari tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, wieħed jinnota żieda sinjifikattiva fin-numru ta’ rinviji magħmula mill-qrati Portugiżi, peress li dawn tal-aħħar indirizzaw lill-Qorti tal-Ġustizzja 28 darba fl‑2022 (meta mqabbla ma’ 20 rinviju fl‑2021).

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kontenzjuż urġenti għandu jiġi nnotat tnaqqis sinjifikattiv fin-numru ta’ talbiet għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza. Filwaqt li dan in-numru kien laħaq l-ogħla livell fl‑2021 (b’mhux inqas minn 90 talba), huwa niżel għal 54 talba matul is-sena li għaddiet. L-ebda talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa ma tat lok għall-bidu effettiv ta’ din il-proċedura fl‑2022, filwaqt li l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari nbdiet seba’ darbiet f’kawżi li kienu jirrigwardaw kemm l-interpretazzjoni tar-regoli dwar l-għoti jew l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali kif ukoll dawk li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili jew f’materji kriminali u li jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jew l-implimentazzjoni tal-prinċipju “ne bis in idem” stabbilit fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.

Il‑kawżi magħluqa

Jekk in-numru ta’ kawżi mressqa fl‑2022 naqas ftit, in-numru ta’ kawżi magħluqa mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-sena li għaddiet evolva, min-naħa tiegħu, bil-kontra peress li, minn 772 kawża fl‑2021, in-numru ta’ kawżi magħluqa mill-Qorti tal-Ġustizzja għadda għal 808 kawża fl‑2022. Dan huwa, ċertament, riżultat eċċellenti peress li bl-eċċezzjoni tas-sena 2019, li matulha l-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet mhux inqas minn 865 kawża, il-livell tat-800 kawża magħluqa f’sena qatt ma kien inqabeż.

Peress li jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari u l-appelli jikkostitwixxu, mingħajr sorpriża, il-parti l-kbira tal-kawżi magħluqa mill-qorti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet mhux inqas minn 564 talba għal deċiżjoni preliminari u 196 appell fl‑2022. Matul is-sena li għaddiet, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ntalbet tagħti deċiżjoni wkoll dwar diversi rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew għal annullament importanti li fosthom hemm, b’mod partikolari, ir-rikorsi ppreżentati, rispettivament, mill-Ungerija u mir-Repubblika tal-Polonja kontra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni [4]. F’seduta plenarja, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ċaħdet il-motivi invokati minn dawn iż-żewġ Stati kontra r-Regolament iċċitat iktar ’il fuq u, għaldaqstant, ivvalidat ir-rabta stabbilita minn dan tal-aħħar bejn l-osservanza tal-Istat tad-dritt u l-eżekuzzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni, konformement mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba [5].

Fuq nota differenti, wieħed għandu josserva wkoll id-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-talba għal opinjoni mressqa mir-Renju tal-Belġju dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 19 TUE u 344 TFUE, tal-abbozz tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija modernizzat. Fl-opinjoni tagħha, mogħtija fis‑16 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) iddikjarat din it-talba inammissibbli minħabba n-natura prematura tagħha, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex biżżejjed elementi dwar il-kontenut tal-ftehim previst, u, b’mod partikolari, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26 tiegħu dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bejn investitur u parti kontraenti, sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dan tal-aħħar mat-Trattati [6].

Għalkemm in-numru totali ta’ sentenzi, opinjonijiet u digrieti adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-sena li għaddiet (732) kien kemxejn ogħla min-numru tas-sena preċedenti (708), dak li għall-kuntrarju ser jiġbed l-attenzjoni tal-qarrej, hija l-parti iktar sinjifikattiva meħuda mid-digrieti ta’ natura ġudizzjarja, b’mod partikolari fil-qasam tal-appelli. Filwaqt li din il-parti kienet tammonta għal 37 % tal-appelli magħluqa fl‑2020 u għal 47 % fl‑2021, din kienet tammonta għal kważi 57 % fl‑2022, jiġifieri perċentwali ferm ogħla mill-perċentwali tal-appelli rregolati permezz ta’ sentenza. Diversi fatturi jispjegaw din iż-żieda. Din tirrigwarda, minn naħa, l-attività sostnuta tal-Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli li, mill-ġdid, tat deċiżjoni fuq numru kbir ta’ appelli ppreżentati minn deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea [7] u, min-naħa l-oħra, użu ikbar tal-possibbiltajiet offruti mill-Artikoli 181 u 182 tar-Regoli tal-Proċedura. Filwaqt li dan l-aħħar artikolu kien ġie applikat għal darba waħda biss, fl‑2019, mhux inqas minn sitt kawżi ġew fil-fatt magħluqa abbażi tal-Artikolu 182 fl‑2022 [8].

L-użu ikbar ta’ digrieti fir-rigward tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari jew tal-appelli jispjega, parzjalment, element ieħor li jikkaratterizza s-sena li għaddiet, marbut man-numru kbir ta’ kawżi magħluqa mill-awli bi tliet Imħallfin. Fl‑2022, dawn il-kawżi kienu jirrappreżentaw fil-fatt iktar minn 50 % tal-kawżi kollha magħluqa mill-Qorti tal-Ġustizzja (meta mqabbla ma’ 36 % għall-kawżi magħluqa mill-awli b’ħames Imħallfin). Bħala paragun, dawn iċ-ċifri kienu, fis-sena preċedenti, 45 % tat-total għall-awli bi tliet Imħallfin u għal 40 % għall-awli b’ħames Imħallfin.

Jista’ jiġi osservat żvilupp simili fir-rigward tal-kawżi ttrattati mill-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li fl‑2022 ġew ippreżentati numru kbir ta’ appelli minn deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jiċħdu talba għal intervent jew kontra deċiżjonijiet meħuda minn din tal-aħħar skont l-Artikoli 278 jew 279 TFUE, il-Viċi President, responsabbli għat-trattament ta’ dawn l-appelli, wassal biex jagħti numru għoli ta’ deċiżjonijiet fl‑2022. In-numru tad-digrieti tagħha kien għalhekk darbtejn ogħla milli matul is-sena preċedenti.

Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-kawżi magħluqa mill-Awla Manja, is-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata minn stabbiltà kbira. B’77 kawża magħluqa minn dan il-kulleġġ ġudikanti fl‑2022, il-Qorti tal-Ġustizzja baqgħet fil-medja tal-erba’ snin preċedenti, peress li n-numru ta’ kawżi magħluqa mill-Awla Manja, permezz ta’ sentenza jew permezz ta’ digriet, ivarja bejn 70 u 83 kawża.

It-tnaqqis tat-tul medju tat-trattament tal-kawżi huwa konsegwenza oħra, loġika, tal-użu ikbar għad-digrieti peress li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali, jew mingħajr fażi bil-miktub tal-proċedura, fuq il-kawżi mressqa quddiemha. Fl‑2022, it-tul medju tat-trattament tal-kawżi, meta wieħed iqis il-kawżi kollha, kien għalhekk jammonta għal 16.4 xhur, jiġifieri tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-sena preċedenti (16.6 xhur fl‑2021).

Analiżi iktar dettaljata tad-data statistika turi madankollu evalwazzjoni iktar kontrastanti peress li, għalkemm it-tul medju tat-trattament tal-appelli naqas ħafna, minn 15.1 xahar fl‑2021 għal 11.9 xhur fl‑2022, hija għall-kuntrarju kompliet tiżdied fil-qasam ta’ rikorsi diretti u, fuq kollox, fil-qasam tad-domandi preliminari. Filwaqt li t-tul medju tat-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari kien fil-fatt ta’ 15‑il xahar fl‑2016 u ta’ 15.5 xhur fl‑2019, dan għadda, progressivament, għal 15.9 xhur fl‑2020, 16.7 xhur fl‑2021 u 17.3 xhur fl‑2022. Tali żieda toriġina mill-kumplessità dejjem tikber tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jeħtieġu eżami dejjem iktar dettaljat tad-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju, iżda hija tikkostitwixxi raġuni ta’ tħassib għall-qorti peress li t-tul tat-trattament tal-kawżi minn din tal-aħħar jiżdied mat-tul tal-proċedura nazzjonali. Kull żieda fit-tul tat-trattament tal-kawżi mill-Qorti tal-Ġustizzja ikollha għalhekk riperkussjoni immedjata fuq it-tul globali tal-istanza quddiem il-qorti tar-rinviju u fuq il-possibbiltà, għal din tal-aħħar, li taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Dan il-fattur, fost oħrajn, huwa l-oriġini tat-talba leġiżlattiva msemmija fil-linji li ġejjin.

Il‑kawżi pendenti

Fil‑31 ta’ Diċembru 2022, 1 111‑il kawża kienu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġifieri, tnejn inqas, mill-istess numru ta’ kawżi bħal dak li kienet adita bih fil‑31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti (1 113‑il kawża). Il-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi kienu jikkonsistu, minn naħa, f’talbiet għal deċiżjoni preliminari (774 kawża) u, min-naħa l-oħra, f’appelli (259 kawża).

Sabiex tkun tista’ tkompli tittratta dawn il-kawżi b’mod sodisfaċenti u f’termini raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja, fit‑30 ta’ Novembru 2022, għalhekk indirizzat lil-leġiżlatur tal-Unjoni talba intiża li jiġi emendat il-Protokoll (Nru 3) dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din it-talba għandha għan doppju.

Hija intiża, minn naħa, li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli, imsemmi fl-Artikolu 58a tal-Istatut, għall-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell indipendenti ta’ sitt korpi jew organi tal-Unjoni li kienu fis-seħħ meta daħal fis-seħħ il-mekkaniżmu ċċitat iktar ’il fuq fl‑1 ta’ Mejju 2019 iżda li għadhom ma jissemmewx fl-Artikolu 58a tal-Istatut [9] kif ukoll l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija skont l-Artikolu 272 TFUE.

Min-naħa l-oħra, din hija intiża biex tiġi sfruttata l-possibbiltà offruta mill-Artikolu 256(3) TFUE billi jsir, favur il-Qorti Ġenerali, trasferiment parzjali tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-domandi preliminari f’sitt oqsma speċifiċi indikati b’isimhom: is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, id-dazji tas-sisa, il-kodiċi doganali u l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, il-kumpens u l-assistenza tal-passiġġieri, kif ukoll l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra.

Evidentement, dan it-trasferiment tal-kompetenza jibqa’ bla ħsara għall-possibbiltà, għall-Qorti Ġenerali, li tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk tqis li din il-kawża tkun teħtieġ deċiżjoni ta’ prinċipju li tkun tista’ taffettwa l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, kif barra minn hekk jipprevedi espressament it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(3) TFUE, iżda għandu madankollu jwassal għal tnaqqis sinjifikattiv tal-piż tax-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja (u jippermettilha tikkonċentra fuq il-kawżi l-oħra tagħha) sa fejn il-kawżi mressqa quddiem il-qorti fl-oqsma msemmija iktar ’il fuq jirrappreżentaw, attwalment, madwar 20 % tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari kollha.


[1]     ĠU L 29, tal-31 ta’ Jannar 2020, p. 7.

[2]     Kawża C‑516/22, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, li fiha l-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lir-Renju Unit li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattati u l-Ftehim dwar il-ħruġ minħabba sentenza tal-Qorti Suprema ta’ dak l-Istat li tordna l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li fil-fehma tal-Kummissjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, u sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Suprema tar-Renju Unit kellha tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-istennija tal-eżitu tal-proċedura pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni jew tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni ta’ validità, skont l-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ.

[3]     Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, tal‑4 ta’ Mejju 2016, p. 1, rettifika fil-ĠU L 127, tat‑23 ta’ Mejju 2018, p. 2).

[4]     ĠU L 433I, tat‑22 ta’ Diċembru 2020, p. 1, rettifika fil-ĠU L 373, tal‑21 ta’ Ottubru 2021, p. 94.

[5]     Sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022 fil-kawżi L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97), u Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98).

[6]     Opinjoni 1/20 (Trattat tal-Karta tal-Enerġija Modernizzata) tas‑16 ta’ Ġunju 2022 (EU:C:2022:485).

[7]     Fl‑2022, ġew adottati 41 digriet mill-Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli. F’żewġ kawżi (C-801/21 P, EUIPO vs Indo European Foods, u C-337/22 P, EUIPO vs Nowhere), l-appell ġie ammess u għalhekk il-proċedura tkompli, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu V tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

[8]     Dawn huma, rispettivament, il-Kawżi C‑663/20 P, SRB vs Hypo Vorarlberg Bank u C‑664/20 P, SRB vs Portigon u Il‑Kummissjoni, magħluqa permezz ta’ digrieti tat‑3 ta’ Marzu 2022 (EU:C:2022:162 u EU:C:2022:161); il-Kawżi magħquda C‑313/21 P u C‑314/21 P, Il‑Kunsill vs FI u Il‑Kummissjoni vs FI, magħluqa permezz ta’ digriet tat22 ta’ Diċembru 2022 (EU:C:2022:1045); kif ukoll il-Kawżi magħquda C‑341/21 P u C‑357/21 P, Il‑Kummissjoni vs KM u Il‑Kunsill vs KM, magħluqa wkoll b’digriet tat‑22 ta’ Diċembru 2022 (EU:C:2022:1042).

[9]   Dawn huma, rispettivament, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji.


L-istatistika ġudizzjarja ta' bosta snin preċedenti, jistgħu jiġu wkoll ikkonsultati fis-sit Curia, fil-parti "Storika".