Dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija sostnuta minn diversi dipartimenti amministrattivi ewlenin. Dawn id-dipartimenti jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dak kollu li għandha bżonn sabiex twettaq sew il-missjoni tagħha. Ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jieħu ħsieb it-tmexxija tagħhom, taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Struttura organizzattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja
Id-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja huma organizzati fi tliet gruppi prinċipali.
- Dipartimenti amministrattivi ta’ sostenn: Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni jamministra dawn id-dipartimenti li jiżguraw il-funzjonament intern u amministrattiv tal-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju fir-rigward tar-riżorsi umani, tal-affarijiet finanzjarji u tal-amministrazzjoni tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja.
- Dipartimenti lingwistiċi: Id-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu jamministra dawn id-dipartimenti li jiżguraw it-traduzzjoni tad-dokumenti legali u l-interpretazzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni.
- Dipartimenti għall-informazzjoni: Id-Direttorat Ġenerali għall-Informazzjoni jamministra dawn id-dipartimenti li jkopru t-teknoloġija tal-informazzjoni, il-bibljoteka tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dipartiment għall-komunikazzjoni, u ż-żjarat pubbliċi fil-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni, li jipprovdi sostenn lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet ta’ liġi komparattiva u jikkontribwixxi għat-tixrid tal-ġurisprudenza tal-Unjoni.
Id-Direttorat għall-Protokoll u għaż-Żjarat jorganizza żjarat uffiċjali u avvenimenti protokollari oħra, kif ukoll seminars u żjarat fi gruppi lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Dawn id-dipartimenti kollha jsostnu l-ħidma kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti Ġenerali.
Kull qorti għandha r-reġistru tagħha stess, li huwa l-punt ta’ kuntatt fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja għall-partijiet fil-kawżi. Ir-reġistri jiżguraw li l-kawżi jiġu ttrattati b’mod effettiv, kif ukoll li jiġu rċevuti, innotifikati u kklassifikati l-atti proċedurali kollha.
-
- BG (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- ES (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- CS (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- DA (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- DE (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- ET (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- EL (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- EN (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- FR (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- HR (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- IT (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- LV (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- LT (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- HU (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- MT (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- NL (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- PL (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- PT (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- RO (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- SK (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- SL (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- FI (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
- SV (dokument PDF, jiftaħ f’tab ġdida
-
Ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jiżgura amministrazzjoni effiċjenti u effikaċi tal-ġustizzja. Huwa jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri ġudizzjarji, miż-żamma tal-atti proċedurali sal-amministrazzjoni tal-proċessi. Huwa għandu rwol essenzjali fl-organizzazzjoni tas-seduti, fl-aġġornament tad-databases proċedurali u fil-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-partijiet f’kawża.
-
Ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jiżgura amministrazzjoni effiċjenti u effikaċi tal-ġustizzja. Huwa jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri ġudizzjarji, miż-żamma tal-atti proċedurali sal-amministrazzjoni tal-fajls. Huwa għandu rwol essenzjali fl-organizzazzjoni tas-seduti, fl-aġġornament tad-databases proċedurali u fil-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni bejn il-Qorti Ġenerali u l-partijiet f’kawża.
-
Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni jwettaq kompiti amministrattivi sabiex jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa sabiex tiffunzjona bla xkiel. Huwa jiżgura wkoll ambjent professjonali effiċjenti u sigur għall-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għall-membri tal-persunal.
-
Id-Direttorat għar-Riżorsi Umani huwa responsabbli għall-proposti dwar u għall-implimentazzjoni ta l-politika tar-riżorsi umani tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
-
Id-Direttorat għall-Baġit u għall-Affarijiet Finanzjarji huwa responsabbli għat-tħejjija u għall-amministrazzjoni tal-baġit u għaż-żamma tal-kontabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa jiżgura l-applikazzjoni korretta tar-regoli finanzjarji, bħar-Regolament Finanzjarju u bħall-prinċipji ta’ kontroll intern.
-
Id-Direttorat għall-Bini u għas-Sigurtà jamministra l-bini, il-patrimonju u s-sigurtà tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa jaħdem sabiex jiżgura s-sigurtà u ambjent professjonali effiċjenti għall-Membri, għall-persunal u għall-viżitaturi kollha.
-
Id-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu jiżgura l-ogħla livell ta’ kwalità billi jinterpreta s-seduti u jittraduċi d-dokumenti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.
-
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tipprovdi interpretazzjoni f’ħin reali waqt is-seduti permezz tad-Direttorat tagħha għall-Interpretazzjoni. It-timijiet tal-interpretazzjoni jiġu stabbiliti skont il-lingwa tal-kawża, l-Istati Membri kkonċernati u l-ħtiġijiet tal-Membri jew tal-viżitaturi. Dan jiżgura li ċ-ċittadini kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkollhom aċċess ugwali għall-ġustizzja, irrispettivament mil-lingwa tagħhom.
-
Id-dipartiment għat-traduzzjoni ġuridika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jamministra t-traduzzjonijiet fl‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni. Il-ġuristi lingwisti tagħha jipproduċu kull sena kważi 1.3 miljun paġna ta’ testi ġuridiċi kumplessi.
-
Id-Direttorat Ġenerali għall-Informazzjoni jiġbor flimkien id-dipartimenti kollha responsabbli għall-amministrazzjoni u għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
-
Id-Direttorat għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiżviluppa u jamministra s-sistemi tal-informazzjoni tiegħu, jimplimenta l-istrateġija tat-teknoloġiji tal-informazzjoni tiegħu u jieħu ħsieb l-attivitajiet tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, is-servizzi tas-sigurtà u s-servizzi multimedjali tiegħu.
-
Id-Direttorat għall-Bibljoteka jamministra kemm il-bibljoteka fiżika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kollezzjoni virtwali u online tagħha li qed dejjem tiżdied. Huwa jamministra l-katalogu tal-Bibljoteka. Huwa jippubblika wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jilqa’ lill-viżitaturi esterni tal-Bibljoteka.
-
Id-Direttorat għall-Komunikazzjoni jamministra l-komunikazzjonijiet interni u esterni kollha, kif ukoll l-avvenimenti u l-attivitajiet ta’ informazzjoni, għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa fuq quddiem nett tal-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja favur it-trasparenza.
-
Id-Direttorat għall-Protokoll u għaż-Żjarat jamministra l-avvenimenti u l-attivitajiet uffiċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan jinkludi t-tim responsabbli għall-Protokoll, id-Diviżjoni għas-Seminars u għaż-Żjarat, kif ukoll taqsima li tamministra x-xogħlijiet tal-arti fdati fil-kustodja jew imsellfa lill-Qorti tal-Ġustizzja.
-
Id-Direttorat għar-Riċerka u għad-Dokumentazzjoni jipprovdi għarfien espert fid-dritt komparattiv u analiżi ta’ kwalità għolja tal-ġurisprudenza sabiex issostni l-ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa jipprovdi analiżi preliminari tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari u tal-appelli, ifassal noti ta’ riċerka u jipprovdi sunti tal-iktar sentenzi importanti. Huwa jżomm id-data li tinsab fid-databases tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiffaċilita t-tfittxija legali. Huwa wkoll jieħu ħsieb il-monitoraġġ tal-iżviluppi fid-dritt tal-Unjoni, nazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll jikkoordina n-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea.
-
Id-Diviżjoni għall-Proġetti u għall-Koordinazzjoni Terminoloġika tamministra t-terminoloġija legali multilingwi kkomparata mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
-
Il-Konsulent Legali għall-Affarijiet Amministrattivi jipprovdi pariri legali lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-funzjonament amministrattiv tagħha. Huwa jirrappreżenta wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja f’tilwim dwar il-membri tal-persunal u fi proċeduri ġudizzjarji oħra.
-
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) jiżgura li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkonforma ruħha mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fl-attivitajiet mhux ġudizzjarji tagħha u jipprovdi gwida indipendenti dwar ir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tad-data. L-UPD iżomm ir-reġistru pubbliku tal-attivitajiet ta’ pproċessar tad-data u jista’ jiġi kkuntattjat fil-każ ta’ mistoqsijiet dwar ipproċessar mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ data personali.
-
L-Awditur Intern huwa rwol indipendenti responsabbli għall-verifika tal-funzjonament xieraq tas-sistemi ta’ implimentazzjoni tal-baġit u tal-proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa jippromwovi ġestjoni finanzjarja korretta u jgħin lill-Qorti tal-Ġustizzja tilħaq l-għanijiet tagħha billi jipprovdi assigurazzjonijiet u pariri indipendenti, oġġettivi u bbażati fuq ġestjoni tar-riskju.
