Il-Qorti tal-Ġustizzja – x’inhi l-proċedura

It-trattament tal-kawżi fil-Qorti tal-Ġustizzja huwa rregolat mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mir-Regoli tal-Proċedura.

Il-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi żewġ partijiet bażiċi, magħrufa bħala l-fażi bil-miktub u l-fażi orali. Hemm differenzi żgħar fil-mod kif it-talbiet għal deċiżjoni preliminari u r-rikorsi diretti jew l-appelli jiġu ttrattati fil-bidu, iżda l-elementi prinċipali tal-proċedura huma l-istess.

Matul il-fażi bil-miktub, il-partijiet jiskambjaw l-argumenti u l-kummenti bil-miktub. Il-fażi orali tibda bis-seduta u tispiċċa bil-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Il-kawżi ġeneralment jingħalqu b’sentenza. Kemm is-seduta kif ukoll l-għoti tas-sentenza huma pubbliċi, u wħud jixxandru fis-sit internet.

Bħala medja, il-kawżi jieħdu bejn 16 u 18‑il xahar mill-bidu sat-tmiem.

L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regoli tal-Proċedura u d-dokumenti uffiċjali

Il-prinċipji essenzjali li jirregolaw il-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja huma stabbiliti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Regoli ddettaljati jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura. Dawn ir-regoli huma kkomplementati minn dokumenti u deċiżjonijiet uffiċjali oħra.

Issib dawn id-dokumenti kollha fil-paġna tagħna dwar it-Testi Proċedurali.

Dan li ġej huwa gwida qasira dwar il-funzjonament tal-proċedura. Jekk inti tkun involut f’kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk jogħġbok aqra r-Regoli tal-Proċedura sħaħ.

Tressiq tal-kawża

Il-kawżi jitressqu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan id-dipartimenti huwa l-punt ta’ kuntatt għall-partijiet fil-kawża u għall-imħallfin nazzjonali u huwa responsabbli għall-amministrazzjoni proċedurali tal-kawżi.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari joriġinaw direttament mill-qorti nazzjonali li tkun qed tisma’ l-kawża. Il-kawżi l-oħra kollha jitressqu minn avukati li jaġixxu f’isem ir-rikorrent, il-parti li tixtieq tibda l-kawża.

Il-lingwa tal-kawża

Karatteristika importanti tal-proċedura hija l-lingwa tal-kawża.

Il-fatt li tista’ tressaq kawża quddiem qorti b’lingwa li tifhem u li tkun tista’ taqra s-sentenzi ta’ qorti huwa element fundamentali tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja taħdem fl‑24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Il-kawżi jistgħu jitressqu fi kwalunkwe waħda minn dawn il-lingwi. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-Qorti tal-Ġustizzja taħdem internament biss fi ftit lingwi, prinċipalment il-Franċiż. Madankollu, kull komunikazzjoni mal-partijiet issir fil-lingwa tal-kawża.

Din il-lingwa tiġi ddeterminata fil-mument li fih il-kawża tasal fil-Qorti tal-Ġustizzja.

Għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-lingwa tal-kawża tkun dik tal-qorti nazzjonali li tagħmel id-domandi preliminari.

Fir-rikorsi diretti, il-lingwa tal-kawża tkun il-lingwa magħżula mir-rikorrent. Jekk il-konvenut ikun Stat Membru tal-Unjoni, din għandha tkun waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat.

Fil-kuntest ta’ appell, il-lingwa tal-kawża tkun dik li fiha tkun ingħatat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija l-unika qorti fid-dinja li taħdem b’daqstant lingwi.

L-ewwel passi u l-proċedura bil-miktub

Talbiet għal deċiżjoni preliminari

Id-dipartiment tat-traduzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jittraduċi t-talba tal-qorti nazzjonali. Ir-Reġistru mbagħad jinnotifika uffiċjalment lill-partijiet involuti fil-kawża nazzjonali, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

It-talba tal-qorti nazzjonali tiġi ppubblikata fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Il-partijiet fil-kawża nazzjonali, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni li jqisu li jkollhom interess partikolari fil-kawża jistgħu mbagħad jagħmlu osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien xahrejn u għaxart ijiem min-notifika. Dawn l-osservazzjonijiet ma jkunux dokumenti pubbliċi f’dan l-istadju. Wara l-għeluq tal-kawża, sakemm l-awtur ma joġġezzjonax, dawn l-osservazzjonijiet jiġu ppubblikati fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Rikorsi diretti u Appelli

Meta tasal kawża, ir-Reġistru għandu jassenjalha numru tal-kawża u jniżżilha fir-Reġistru. Ir-rikors sħiħ għandu jiġi nnotifikat lill-konvenut(i). Huma jkollhom terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem għall-preżentata tar-risposta tagħhom.

Ir-Reġistru jipprepara wkoll sunt tat-talbiet u tal-argumenti tar-rikorrent. Dan is-sunt għandu jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u fid-database tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Sussegwentement jista’ jkun hemm it-tieni sensiela ta’ argumenti bil-miktub, magħrufa bħala replika u kontroreplika. Fl-appelli, dan jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-President. Ir-replika hija l-possibbiltà għall-appellant li jirrispondi għall-argumenti tal-konvenut. Il-kontroreplika tagħti lill-konvenut il-possibbiltà li jwieġeb.

Dawn id-dokumenti ma humiex disponibbli għall-pubbliku.

Assenjazzjoni ta’ Mħallef u ta’ Avukat Ġenerali

Fl-istess ħin, il-President jassenja l-kawża lil Imħallef, magħruf bħala Mħallef Relatur. Huwa dan l-Imħallef li jkun ser isegwi l-iktar mill-qrib il-kawża u li jkun ser jipprepara l-abbozz ta’ sentenza.

L-Avukat Ġenerali Ewlieni jassenja l-kawża lil Avukat Ġenerali li jkun ser isegwi wkoll il-kawża.

Rapport preliminari u assenjazzjoni ta’ kawża lil Awla

Wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, il-Qorti tal-Ġustizzja tistaqsi lill-partijiet jekk ikunux jixtiequ li tinżamm seduta.

L-Imħallef Relatur ifassal rapport preliminari li jistabbilixxi l-fatti u l-argumenti tal-partijiet kollha kkonċernati. Dan ma huwiex dokument pubbliku.

Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport u mill-perspettiva tal-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kemm‑il Imħallef ikollhom jisimgħu l-kawża u jekk tkunx meħtieġa seduta u/jew konklużjonijiet ta’ Avukat Ġenerali.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li żżomm seduta, il-President tal-Awla li lilha tkun ġiet assenjata l-kawża għandu jiffissa data.

Miżuri ta’ organizzazzjoni u miżuri istruttorji

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wkoll jekk tkunx meħtieġa informazzjoni addizzjonali qabel ma tinqata’ l-kawża. Dawn il-miżuri jissejħu “miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji”. L-iktar komuni fost dawn il-miżuri hija li l-partijiet jintalbu jwieġbu mistoqsijiet waqt is-seduta. Dan jista’ jinvolvi wkoll il-kisba ta’ provi minn xhieda jew esperti.

Is-seduta

Is-seduta tinżamm fl-awli tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu. Dawn jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ videokonferenza f’ċirkustanzi eċċezzjonali. L-avukati u r-rappreżentanti tal-partijiet jintervjenu u jargumentaw il-kawża quddiem l-Imħallfin u l-Avukat Ġenerali. L-Imħallfin u l-Avukat Ġenerali jistgħu jagħmlu mistoqsijiet jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

Din is-seduta tkun pubblika. Ċerti seduti jixxandru fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja titlob li jsiru l-konklużjonijiet, dawn normalment jiġu ppreżentati ftit xhur wara s-seduta. L-Avukat Ġenerali jħejji l-konklużjonijiet għall-kawża u jaqrahom f’seduta pubblika. Din tixxandar ukoll b’mod dirett permezz tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-konklużjonijiet janalizzaw il-kawża u jipproponu soluzzjoni għall-problemi mqajma.

Il-konklużjonijiet jiġu ppubblikati fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Dawn iġibu fit-tmiem il-fażi orali tal-proċedura.

Deliberazzjonijiet u abbozzar tas-sentenza

L-Imħallef Relatur iħejji abbozz ta’ sentenza filwaqt li jqis dak kollu li jkun intqal matul il-proċedura kollha.

Dan l-abbozz ta’ sentenza jikkostitwixxi l-punt tat-tluq għal diskussjoni bejn l-Imħallfin, magħrufa bħala deliberazzjoni. L-Avukati Ġenerali ma jipparteċipawx fid-deliberazzjoni.

Id-deliberazzjoni tkun kunfidenzjali u ssir mingħajr assistenti jew interpreti. Għalhekk, l-Imħallfin għandhom jiddeliberaw b’lingwa komuni. Tradizzjonalment, din tkun il-Franċiż.

Abbażi ta’ dawn id-diskussjonijiet, l-Imħallfin jilħqu kunsens fuq test uniku. Jekk ikun meħtieġ, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza. Ma hemm l-ebda opinjonijiet diverġenti jew sentenzi maħruġa minn minoranza ta’ Imħallfin. Ir-riżultat ta’ kwalunkwe votazzjoni ma jsirx pubbliku.

Sentenzi

Imbagħad, fil-parti l-kbira tal-każijiet, is-sentenzi jiġu tradotti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Għal iktar informazzjoni, ara l-politika tagħna dwar il-multilingwiżmu.

Is-sentenzi jingħataw f’seduta bil-miftuħ. Din tkun pubblika u tixxandar b’mod dirett permezz tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Is-sentenzi jsiru disponibbli fid-database tal-ġurisprudenza tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-jum tal-għoti tas-sentenza.

Il-parti l-kbira tas-sentenzi jiġu ppubblikati wkoll fil-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa r-reġistru uffiċjali tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal iktar informazzjoni, ara l-paġna tagħna dwar il-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Tipi speċifiċi ta’ proċeduri

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll ċerti tipi speċifiċi ta’ proċedura sabiex tgħinha tittratta b’mod effettiv sitwazzjonijiet differenti.

Il-proċedura ssemplifikata

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrikorri għal proċedura ssemplifikata jekk domanda ta’ qorti nazzjonali tkun identika għal domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà rrispondiet għaliha jew jekk ir-risposta tkun ċara. F’każijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta tagħha permezz ta’ digriet motivat, billi tirreferi għas-sentenzi preċedenti tagħha.

Il-proċedura mħaffa

Il-proċedura mħaffa tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ malajr kawżi urġenti ħafna. Għal dan l-għan, it-termini ta’ żmien għal kull parti tal-proċedura jitnaqqsu kemm jista’ jkun. Dawn il-kawżi jingħataw ukoll prijorità.

Il-partijiet (fir-rikorsi diretti u fl-appelli) jew il-qorti nazzjonali (fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari) jistgħu jitolbu din il-proċedura. Il-President jiddeċiedi jekk jilqax it-talba. Huwa jista’ jiddeċiedi wkoll li japplika din il-proċedura minn jeddu.

Il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (PPU)

Bl-użu ta’ din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti sentenzi fi żmien qasir ħafna. Tista’ tintuża biss fil-kuntest ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali, kif ukoll viżi, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu tal-persuni). Din il-proċedura tintuża l-iktar f’każijiet li jikkonċernaw l-awtorità tal-ġenituri jew il-kustodja ta’ minuri ta’ età żgħar, jew f’każijiet fejn persuna tkun f’detenzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja taħtar Awli speċjalizzati b’ħames Imħallfin sabiex jisimgħu dawn il-kawżi. It-termini kollha jitnaqqsu sostanzjalment. L-aċċess għall-proċedura bil-miktub huwa limitat, u l-parti l-kbira tal-partijiet jipparteċipaw biss fis-seduta.

Talbiet għal miżuri provviżorji

Jekk parti ssofri dannu gravi u irreparabbli qabel it-tmiem tal-kawża, hija tista’ titlob is-sospensjoni tal-att li hija tikkontesta sakemm il-kawża tinqata’.

X’inhuma l-ispejjeż involuti?

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma timponix tariffi sabiex tressaq kawża.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tħallasx lill-avukati li jkunu ġew imqabbda mill-partijiet.

Jekk parti ma tkunx tiflaħ tħallas għal avukat, tista’ tapplika għal għajnuna legali. Għal iktar informazzjoni dwar dan, ara l-paġna tagħna dwar l-għajnuna legali.

Ara wkoll