Il-Qorti Ġenerali – x’inhi l-proċedura
Il-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali huma rregolati mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
Il-proċedura tal-Qorti Ġenerali tinkludi żewġ partijiet bażiċi, magħrufa bħala l-fażi bil-miktub u l-fażi orali.
Matul il-fażi bil-miktub, il-partijiet jiskambjaw l-argumenti bil-miktub. Il-fażi orali ġeneralment tinkludi seduta u, fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali kif meħtieġ. Il-kawżi ġeneralment jingħalqu b’sentenza. Dawn jistgħu wkoll jiġu deċiżi permezz ta’ digriet. Kemm is-seduta kif ukoll l-għoti tas-sentenza huma pubbliċi. Ċerti sentenzi u konklużjonijiet jixxandru fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Bħala medja, il-kawżi jieħdu madwar 20 xahar mill-bidu sat-tmiem.
L-Istatut, ir-Regoli tal-Proċedura u t-testi uffiċjali
Il-prinċipji essenzjali li jirregolaw il-proċedura tal-Qorti Ġenerali huma stabbiliti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Regoli ddettaljati jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura u fid-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implimentazzjoni tagħhom. Dawn ir-regoli huma kkomplementati minn deċiżjonijiet u testi uffiċjali oħra.
Issib dawn id-dokumenti kollha fil-paġna tagħna dwar it-Testi Proċedurali.
Dan li ġej huwa gwida qasira dwar il-funzjonament tal-proċedura. Jekk tressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk jogħġbok aqra r-Regoli tal-Proċedura sħaħ.
Tressiq tal-kawża
Il-kawżi jitressqu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Dan id-dipartimenti huwa l-punt ta’ kuntatt għall-partijiet fil-kawża u għall-imħallfin nazzjonali u huwa responsabbli għall-amministrazzjoni proċedurali tal-kawżi.
Il-kawżi għandhom jitressqu minn avukati li jaġixxu f’isem ir-rikorrent, il-parti li tixtieq tibda l-kawża. L-avukat li jressaq il-kawża għandu jkun awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE.
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali ġew ittrasferiti lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja. It-talbiet kollha għal deċiżjoni preliminari għandhom l-ewwel jintbagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-lingwa tal-kawża
Karatteristika importanti tal-proċedura hija l-lingwa tal-kawża.
Il-fatt li tista’ tressaq kawża quddiem qorti b’lingwa li tifhem u li tkun tista’ taqra s-sentenzi huwa element fundamentali tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt.
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali taħdem fl‑24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Il-kawżi jistgħu jitressqu fi kwalunkwe waħda minn dawn il-lingwi u kull komunikazzjoni mal-partijiet tkun fil-lingwa tal-kawża.
Din il-lingwa tiġi ddeterminata fil-mument li fih il-kawża tasal fil-Qorti Ġenerali.
Fir-rikorsi diretti, il-lingwa tal-kawża tkun il-lingwa magħżula mir-rikorrent. Jekk il-konvenut ikun Stat Membru, din għandha tkun waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat.
Fil-kawżi dwar il-proprjetà intellettwali, ir-rikorrent jista’ jagħżel il-lingwa tal-kawża. Madankollu, jekk din il-lingwa tkun differenti minn dik użata quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, il-partijiet fil-każ quddiem il-Bord tal-Appell jistgħu jopponuha. Huma jistgħu għalhekk jitolbu li l-lingwa tinbidel għal dik użata quddiem il-Bord tal-Appell.
Għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-lingwa tal-kawża tkun dik tal-qorti nazzjonali li tkun għamlet id-domandi preliminari.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija l-unika qorti fid-dinja li taħdem b’daqstant lingwi.
L-ewwel passi u l-proċedura bil-miktub
Rikorsi diretti
Meta l-kawża tasal, ir-Reġistru jħejji sunt tal-allegazzjonijiet u tal-argumenti tar-rikorrent. Dan jiġi tradott fit‑23 lingwa uffiċjali l-oħra kollha tal-Unjoni u jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Ir-rikors sħiħ għandu jiġi nnotifikat lill-konvenut(i). Huma jkollhom terminu ta’ xahrejn sabiex jippreżentaw ir-risposta tagħhom.
Kull persuna li turi interess ġuridiku fis-soluzzjoni tat-tilwima tista’ tintervjeni wkoll. L-interventi għandhom isiru insostenn ta’ waħda mill-partijiet. Ma huwiex possibbli li jsiru osservazzjonijiet ġenerali. Dan isir permezz ta’ nota ta’ intervent. Il-partijiet fil-kawża jistgħu jirrispondu għal din.
Fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali, ikun hemm biss skambju wieħed ta’ argumenti bil-miktub. F’kawżi oħra, jista’ jkun hemm it-tieni sensiela ta’ argumenti bil-miktub, magħrufa bħala replika u kontroreplika. Ir-replika hija l-possibbiltà għall-appellant li jirrispondi għall-argumenti tal-konvenut. Il-kontroreplika tagħti lill-konvenut il-possibbiltà li jwieġeb.
Bħala prinċipju, dawn id-dokumenti ma jkunux disponibbli għall-pubbliku.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari
Id-dipartiment tat-traduzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jittraduċi t-talba tal-qorti nazzjonali. Ir-Reġistru mbagħad jinnotifika uffiċjalment lill-partijiet involuti fil-kawża nazzjonali. Huwa jibgħat ukoll kopja tat-talba lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
It-talba tal-qorti nazzjonali tiġi ppubblikata fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Jiġi ppubblikat avviż dwar il-kawża f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-partijiet fil-kawża nazzjonali, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni li jqisu li jkollhom interess partikolari fil-kawża jistgħu mbagħad jagħmlu osservazzjonijiet lill-Qorti Ġenerali. Dawn l-osservazzjonijiet ma jkunux dokumenti pubbliċi f’dan l-istadju. Wara l-għeluq tal-kawża, sakemm ma ssirx oġġezzjoni, dawn l-osservazzjonijiet jiġu ppubblikati fid-database tal-ġurisprudenza.
Assenjazzjoni ta’ Awla u ta’ Mħallef Relatur
Fl-istess ħin, il-President jassenja l-kawża lil Awla, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji. Fil-kawżi dwar il-proprjetà intellettwali u dwar il-membri tal-persunal, il-President jieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċjalizzazzjonijiet differenti tal-Awli. Jinħatar Imħallef Relatur. Dan ikun l-Imħallef li jkun ser isegwi l-iktar mill-qrib il-kawża u li jkun ser jipprepara l-abbozz tas-sentenza.
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali huma assenjati lil waħda minn żewġ Awli speċjalizzati. Dawn il-kawżi jinstemgħu minn 5 Imħallfin. Il-konklużjonijiet jingħataw mill-Avukat Ġenerali mill-Awla speċjalizzata l-oħra.
Rapport preliminari
Wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, il-partijiet jistgħu jitolbu li tinżamm seduta.
L-Imħallef Relatur ifassal rapport preliminari li jistabbilixxi l-fatti u l-argumenti tal-partijiet kollha kkonċernati kif ukoll l-ewwel analiżi tal-kwistjonijiet imqajma. Dan ma jkunx dokument pubbliku.
Abbażi ta’ dan ir-rapport, l-Awla li tkun qed tisma’ l-kawża tiddeċiedi li tavvanza l-kawża b’Awla ta’ 3 Imħallfin. Jekk tipproponi li jiżdied in-numru, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk dan ikollux isir. L-Awla għandha tiddeċiedi wkoll jekk tkunx meħtieġa seduta.
Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li żżomm seduta, il-President tal-Awla għandu jiffissa data u l-partijiet jiġu informati b’dan.
Miżuri ta’ organizzazzjoni u miżuri istruttorji
Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi wkoll jekk tkunx meħtieġa informazzjoni addizzjonali qabel ma tinqata’ l-kawża. Dawn jissejħu “miżuri ta’ organizzazzjoni u miżuri istruttorji”. L-iktar komuni fost dawn huma li l-partijiet jintalbu jwieġbu mistoqsijiet bil-miktub qabel is-seduta jew waqt is-seduta, jew li jipproduċu ċerti dokumenti.
Is-seduta
Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li żżomm seduta għal rikors dirett, qabel ma tinżamm seduta, l-Imħallef Relatur jista’ jħejji dokument imsejjaħ “Rapport għas-Seduta”. Dan id-dokument jistabbilixxi l-fatti tal-kawża u l-argumenti tal-partijiet u tal-intervenjenti. Dan ikun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-jum tas-seduta, fil-lingwa tal-kawża.
Is-seduta tinżamm fl-awli tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu. Din tista’ wkoll tinżamm permezz ta’ videokonferenza f’ċirkustanzi eċċezzjonali. L-avukati u r-rappreżentanti tal-partijiet jintervjenu u jiddibattu l-kawża quddiem l-Imħallfin. L-Imħallfin jistgħu jagħmlu mistoqsijiet jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.
Din is-seduta tkun pubblika.
Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali
Jekk intalab li jsiru l-konklużjonijiet fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, dawn għandhom jiġu ppreżentati wara s-seduta. L-Avukat Ġenerali jħejji l-konklużjonijiet għall-kawża u jaqrahom f’seduta pubblika. Ċerti konklużjonijiet jixxandru wkoll b’mod dirett fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-konklużjonijiet janalizzaw il-kawża u jipproponu soluzzjoni għall-problemi mqajma sabiex jgħinu lill-Qorti Ġenerali. Madankollu, dawn l-opinjonijiet ma humiex vinkolanti.
Il-konklużjonijiet huma ppubblikati fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Dawn iġibu fit-tmiem il-fażi orali tal-proċedura.
Deliberazzjonijiet u abbozzar tas-sentenza
L-Imħallef Relatur iħejji abbozz ta’ sentenza filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni dak kollu li jkun intqal matul il-proċedura kollha.
Dan l-abbozz ta’ sentenza jikkostitwixxi l-punt tat-tluq għad-diskussjoni bejn l-Imħallfin, magħrufa bħala deliberazzjoni. L-Avukati Ġenerali ma jipparteċipawx fid-deliberazzjoni.
Id-deliberazzjoni tkun kunfidenzjali u ssir mingħajr assistenti jew interpreti. Għalhekk, l-Imħallfin għandhom jiddeliberaw b’lingwa komuni. Tradizzjonalment, din tkun il-Franċiż.
Abbażi ta’ dawn id-diskussjonijiet, l-Imħallfin jilħqu kunsens dwar sentenza waħda. Jekk ikun meħtieġ, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza. Ma jkun hemm l-ebda opinjonijiet diverġenti jew sentenzi maħruġa minn minoranza ta’ Imħallfin. Ir-riżultat ta’ kwalunkwe votazzjoni ma jsirx pubbliku.
Sentenzi
Is-sentenzi mbagħad jiġu tradotti. Għal iktar informazzjoni dwar liema sentenzi jiġu tradotti u b’liema lingwi ara l-politika tagħna dwar il-multilingwiżmu. Is-sentenzi kollha jkunu disponibbli tal-inqas fil-lingwa tal-kawża u fil-lingwa li biha jkunu ġew abbozzati, jiġifieri l-Franċiż.
Is-sentenzi jingħataw f’seduta bil-miftuħ. Ċerti sentenzi jixxandru b’mod dirett fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja..
Is-sentenzi jkunu disponibbli fid-database tal-ġurisprudenza tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-jum li tingħata s-sentenza.
Il-parti l-kbira tas-sentenzi jiġu ppubblikati wkoll fil-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa r-reġistru uffiċjali tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal iktar informazzjoni ara l-paġna tagħna dwar il-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Tipi speċifiċi ta’ proċeduri
Il-Qorti Ġenerali għandha wkoll ċerti tipi speċifiċi ta’ proċedura sabiex tgħinha tittratta b’mod effettiv sitwazzjonijiet differenti.
Il-proċedura mħaffa
Il-proċedura mħaffa tippermetti lill-Qorti Ġenerali taqta’ malajr kawżi urġenti ħafna. Għal dan l-għan it-termini ta’ żmien għal kull parti tal-proċedura jitnaqqsu kemm jista’ jkun. Dawn il-kawżi jingħataw ukoll prijorità.
Il-partijiet jew il-qorti nazzjonali jistgħu jitolbu din il-proċedura. Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi jekk tilqax it-talba.
Il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi wkoll li tagħmel dan mingħajr mal-partijiet jitolbu dan.
Talbiet għal miżuri provviżorji
It-tressiq tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ma jissospendix l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata.
Madankollu, parti tista’ titlob lill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ proċedura speċifika, li tissospendi l-att ikkontestat sakemm il-kawża tinqata’.
Sabiex tingħata tali sospensjoni, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet.
- Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, ir-rikorrent għandu jidher li jkollu argument tal-inqas raġonevoli sabiex jikkontesta l-att inkwistjoni.
- Jekk id-deċiżjoni ma tiġix sospiża b’urġenza, ir-rikorrent isofri dannu gravi u irreparabbli.
- Is-sospensjoni għandha tkun fl-ibbilanċjar tal-interessi tal-partijiet kollha involuti u tal-interess pubbliku.
Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta’ digriet tal-President jew tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali. Huma bl-ebda mod ma jaqtgħu l-mertu tal-kawża. Din il-kwistjoni tiġi deċiża sussegwentement mill-Qorti Ġenerali.
Dawn id-digrieti jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
X’inhuma l-ispejjeż involuti?
Il-Qorti Ġenerali ma timponix tariffi sabiex tressaq kawża.
Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tħallasx lill-avukati li jkunu ġew imqabbda mill-partijiet. Bħala prinċipju, il-parti li titlef il-kawża tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha jew għal parti mill-ispejjeż tal-parti li tirbaħ. Meta jqumu kwistjonijiet dwar l-ammonti preċiżi li jkollhom jitħallsu, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu deċiżjoni. L-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom stess.
Jekk parti ma tkunx tiflaħ tħallas għal avukat, tista’ tapplika għal għajnuna legali. Għal iktar informazzjoni dwar dan, ara l-paġna tagħna dwar l-għajnuna legali.
