Ismijiet tal-kawżi u taċ-ċitazzjonijiet
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha metodu speċifiku sabiex tiċċita l-ġurisprudenza tagħha. Dan il-metodu għandu l-għan li jiżgura l-aċċessibbiltà, in-newtralità u l-preċiżjoni taċ-ċitazzjonijiet. Huwa jagħmel użu minn żewġ sistemi ewlenin: identifikaturi uniċi sabiex issir distinzjoni bejn deċiżjonijiet legali u ismijiet fittizji għal kawżi anonimizzati.
Kif jiġu komposti l-ismijiet tal-kawżi
In-numru tal-kawża
Il-kawżi kollha għandhom numru uniku.
Huwa magħmul minn
- ittra li tindika il-Qorti li qed tisma’ l-kawża:
- “C” għall-Qorti tal-Ġustizzja (minn “Cour de Justice”, l-isem Franċiż tagħha)
- “T” għall-Qorti Ġenerali (minn “Tribunal”, l-isem Franċiż tagħha)
- “F” għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fis-seħħ mill‑2005 sal‑2016 (minn “Fonction publique”, Franċiż għas-“Servizz Pubbliku”).
- sing
- numru li jindika n-numru tal-kawża dik is-sena f’dik il-Qorti
- sbarra
- żewġ numri li jindikaw is-sena tal-kawża
Il-Kawża C‑250/25 hija għalhekk il‑250 kawża li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2025.
Suffissi li jindikaw proċeduri speċifiċi
Ċerti proċeduri speċifiċi jiġu identifikati permezz ta’ ittra direttament wara n-numru. L-iktar komuni huma dawn li ġejjin:
- P – appell (mill-Franċiż pourvoi)
- PPU – proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (mit-traduzzjoni bil-Franċiż ta’ din il-proċedura jiġifieri procédure préjudicielle d’urgence)
- AJ – talba għal għajnuna legali (mill-Franċiż aide juridictionnelle)
- R – talba għal miżuri provviżorji (mill-Franċiż procédure de référé)
- DEP – proċedura dwar l-ispejjeż (mill-Franċiż dépens)
Lista sħiħa ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet tinsab fl-Anness I tad-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implimentazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
Isem il-kawża
In-numru jiġi segwit bl-isem tal-kawża. Fir-rikorsi diretti u fl-appelli, dan ikun isem il-partijiet, sakemm ma jkunx intalab li l-kawża tiġi anonimizzata jew li titħalla barra data personali.
Fil-kuntest ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja issa tapplika sistema ta’ ismijiet fittizji fil-kawżi li jinvolvu individwi. Din is-sistema ilha fis-seħħ minn Jannar 2023.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-kawżi anonimizzati, il-memorizzazzjoni tal-ismijiet tal-kawżi u ċ-ċitazzjoni tagħhom fil-ġurisprudenza u f’referenzi oħra.
L-ismijiet fittizji jiġu assenjati lil:
- kawżi li jikkonċernaw proċeduri bejn persuni fiżiċi (li l-ismijiet tagħhom ġew issostitwiti b’inizjali mill‑1 ta’ Lulju 2018 għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data)
- kawżi li jinvolvu proċeduri bejn persuni fiżiċi u entitajiet ġuridiċi, bħal kumpaniji, li ma jkollhomx isem distintiv
Dawn ma jiġux assenjati għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari meta l-isem tal-persuna ġuridika jkun suffiċjentement distintiv. F’dan il-każ, l-isem tal-persuna ġuridika jservi bħala l-isem tal-kawża.
L-ismijiet fittizji jkunu ismijiet ineżistenti. Dawn ma jikkorrispondux għall-ismijiet reali tal-partijiet. Dawn jiġu ssuġġeriti minn ġeneratur awtomatiku tal-ismijiet għall-kompjuter li jaqsam il-kliem f’sillabi u jikkombinahom b’mod każwali.
Ċitazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni
Il-metodu ta’ ċitazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jinkludi
- id-data tad-deċiżjoni
- l-isem tal-kawża
- in-numru tal-kawża assenjat mill-Qorti
- ECLI (ara hawn taħt)
Dan il-metodu
- ittejjeb l-aċċessibbiltà tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji: kull ċitazzjoni jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiġi identifikata deċiżjoni
- tipprevedi newtralità lingwistika ikbar: il-format huwa koerenti fil-lingwi kollha, li jfisser li għandhom jiġu tradotti inqas elementi
- tippermetti ż-żieda awtomatika ta’ hyperlinks mal-ECLI tad-deċiżjoni u mal-punt rilevanti tad-deċiżjoni
ECLI
Il-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-Identifikatur Ewropew tal-Ġurisprudenza (“ECLI”) sabiex tiċċita s-sentenzi tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja assenjat ECLI għad-deċiżjonijiet kollha mogħtija mill-qrati tal-Unjoni sa mill‑1954, inklużi l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
Is-sistema ECLI tipprovdi referenzi ċari u konsistenti għall-ġurisprudenza nazzjonali u Ewropea. Hija tiffaċilita l-konsultazzjoni u ċ-ċitazzjoni ta’ deċiżjonijiet legali madwar l-Unjoni.
L-ECLI fih il-prefiss “ECLI”, flimkien ma’ erba’ elementi obbligatorji:
- il-kodiċi tal-qorti: l-Istat Membru tal-qorti kkonċernata, jew EU meta tkun involuta Qorti tal-Unjoni.
- abbrevjazzjoni tal-qorti: il-qorti li tkun tat is-sentenza.
- is-sena: is-sena li fiha tkun ingħatat id-deċiżjoni.
- in-numru ordinali: identifikatur uniku b’massimu ta’ 25 karattru alfanumeriku, ifformat minn kull Stat Membru jew ġurisdizzjoni tal-Unjoni.
Il-komponenti differenti tal-ECLI jkunu separati minn żewġ punti (“:”).
Bħala eżempju, nieħdu s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03). L-ECLI tagħha huwa EU:C:2005:446. Din hija komposta minn:
- “EU” = deċiżjoni meħuda minn waħda mill-Qrati tal-Unjoni
- “C” = deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
- “2005” = deċiżjoni mogħtija fl‑2005
- “446” = l‑446 ECLI assenjat għal dik is-sena
Meta tiċċita deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Ġenerali jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-prefiss ECLI qabel dawn l-4 elementi jista’ jitħalla barra.
