Bibljoteka

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tilqa’ l-iktar bibljoteka tad-dritt estiża fl-Ewropa. Din tinġabar skrupolożament sabiex issostni l-ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja u sabiex tipprovdi lill-utenti informazzjoni awtorevoli u aġġornata dwar l-aspetti kollha tad-dritt tal-Unjoni.

Il-kollezzjoni

Il-Bibljoteka attwalment għandha iktar minn 290 000 ktieb u hija abbonata għal madwar 1 000 rivista. Il-kollezzjoni tagħha għandha wkoll għadd kbir ta’ gazzetti uffiċjali, atti parlamentari u rivisti uffiċjali oħra.

Il-kollezzjoni tal-Bibljoteka tkopri l-oqsma tematiċi li ġejjin:

Dritt

  • dritt tal-Unjoni
  • dritt internazzjonali
  • dritt komparattiv
  • dritt nazzjonali
  • teorija ġenerali tad-dritt

Oqsma oħra

  • ekonomija
  • politika
  • xjenzi soċjali u amministrattivi
  • xjenza tal-bibljoteki

Il-Bibljoteka tospita wkoll ġabra wiesgħa ta’ dizzjunarji monolingwi u multilingwi.

Il-katalogu

Il-katalogu tal-bibljoteka huwa wieħed mill-iktar riżorsi kompleti u komprensivi tad-dritt tal-Unjoni madwar id-dinja. Attwalment, il-katalogu jinkludi madwar 360 000 daħla bibljografika, b’iktar minn 80 000 daħla li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni. Huwa qiegħed jiżdied b’rata ta’ iktar minn 20 000 daħla fis-sena.

Kull meta jkun possibbli, il-Bibljoteka tal-Qorti tal-Ġustizzja tikseb il-pubblikazzjonijiet legali kollha li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. L-akkwisti l-ġodda kollha tal-Bibljoteka jiġu eżaminati sabiex jiġu identifikati

  • artikli dwar id-dritt tal-Unjoni u oqsma oħra ta’ interess għall-ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja
  • noti dwar sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali

L-artikli u n-noti magħżula mbagħad jiġu indiċjati u kkatalogati.

Il-katalogu tal-Bibljoteka huwa wieħed diġitali aċċessibbli permezz tal-pjattaforma Curius. Tista’ tuża l-katalogu sabiex twettaq tfittxija bijografika online dwar id-dritt tal-Unjoni u oqsma oħra koperti mill-Bibljoteka. Huwa aċċessibbli kemm fis-sala tal-qari tal-Bibljoteka kif ukoll online.

Żjarat tal-Bibljoteka

Il-Bibljoteka hija aċċessibbli għall-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għall-prattikanti tal-liġi, għall-professuri universitarji u għall-istudenti postuniversitarji. Għal iktar informazzjoni, ara l-paġna tagħna dwar Żjarat tal-Bibljoteka.