Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea
X’inhu n-NĠUE?
In-NĠUE huwa kompost minn:
- il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
- il-Qrati Kostituzzjonali u Supremi tal-Istati Membri tal-Unjoni
- il-Qrati Kostituzzjonali u Supremi ta’ ċerti pajjiżi terzi
- qrati osservaturi bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Dan inħoloq fis‑27 ta’ Marzu 2017, is‑60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma, it-trattati li jikkostitwixxu l-KEE u l-Euratom.
In-NĠUE jippermetti djalogu informali kostanti bejn l-ogħla qrati Ewropej, li jikkomplementa d-djalogu formali tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Din il-kooperazzjoni tippromwovi l-fehim u r-rispett reċiproku u, barra minn hekk, ittejjeb il-kwalità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Dan huwa mezz ta’ komunikazzjoni u kollaborazzjoni sabiex jiġu żgurati l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-dritt tal-Unjoni. Għal dan l-għan, permezz tan-NĠUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni lill-qrati tan-network dwar l-iktar deċiżjonijiet importanti tagħha. Huwa jipprovdi wkoll bullettin ta’ kull xahar li jinkludi dettalji dwar is-sentenzi, il-konklużjonijiet u s-seduti futuri f’tali kawżi. Barra minn hekk, flimkien man-Network Ewropew ta’ Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), in-NĠUE jikkontribwixxi għal għadd ta’ taħriġ dwar id-dritt tal-Unjoni għall-qrati kostituzzjonali u supremi nazzjonali.
Barra minn hekk, in-NĠUE stabbilixxa wkoll gruppi ta’ ħidma dwar suġġetti bħar-riċerka legali, it-terminoloġija u l-innovazzjoni.
Sabiex jiffaċilita din il-kollaborazzjoni, in-NĠUE stabbilixxa pjattaforma privata fejn il-qrati membri jistgħu jiskambjaw informazzjoni.
Informazzjoni pubblika min-NĠUE
Wara s-suċċess tat-tnedija inizjali tan-NĠUE u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni li seħħet, il-Qrati Membri ddeċidew li jiftħu d-dokumenti mhux kunfidenzjali kollha għall-pubbliku.
Din l-informazzjoni issa hija parti mit-taqsima “Riżorsi legali” ta’ dan is-sit internet.
Huwa jinkludi:
- deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, magħżula mill-qrati NĠUE minħabba r-rilevanza tagħhom għad-dritt tal-Unjoni
- materjal ta’ riċerka u pedagoġiku mħejji mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħal noti ta’ riċerka, dokumenti tematiċi dwar il-ġurisprudenza fuq id-dritt tal-Unjoni jew għodod ta’ monitoraġġ legali
