Impjiegi fil-Qorti tal-Ġustizzja
L-aċċess għall-parti l-kbira tal-pożizzjonijiet fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jsir permezz tal-kompetizzjonijiet ġenerali organizzati mill-EPSO. Madankollu, hemm ukoll ħafna opportunitajiet għall-membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt. Il-pożizzjonijiet huma kklassifikati bħala “grupp ta’ funzjonijiet”, b’għażla varjata ta’ rwoli disponibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippubblika regolarment opportunitajiet ta’ impjieg u numru ta’ sejħiet permanenti għal kandidaturi għal tipi differenti ta’ rwoli.
Bħala persuna li timpjega, il-Qorti tal-Ġustizzja hija impenjata bis-sħiħ li tippromwovi ambjent inklużiv u ddiversifikat, fejn il-multilingwiżmu, il-kollaborazzjoni u l-perspettivi differenti jiġu ċċelebrati. Il-Qorti tal-Ġustizzja tgħożż il-kontribuzzjonijiet uniċi tal-individwi minn kull sfond, filwaqt li tippromwovi l-ugwaljanza u l-opportunitajiet għal kulħadd.
Il-Qorti tal-Ġustizzja toffri opportunitajiet professjonali ta’ sfida kif ukoll salarji u benefiċċji kompetittivi (inklużi l-allowances ta’ espatrijazzjoni, tad-dar u għall-wild dipendenti). Il-Qorti tal-Ġustizzja toffri wkoll opportunitajiet ta’ xogħol mid-dar u firxa wiesgħa ta’ taħriġ sabiex jiġu żviluppati l-kompetenzi tal-persunal tagħha.
Il-parti l-kbira tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi rreklutata mil-listi ta’ riżerva tal-kompetizzjonijiet ġenerali organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal. Dan huwa l-persunal permanenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrekluta wkoll membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt permezz ta’ sejħiet għal kandidaturi.
Membri tal-persunal temporanju u bil-kuntratt
Il-membri tal-persunal temporanju spiss jiġu impjegati f’pożizzjonijiet irriżervati għall-persunal permanenti, iżda li għalihom ma jkun hemm l-ebda persunal permanenti disponibbli. Ir-rwoli tagħhom fl-aħħar mill-aħħar jimtlew minn min jgħaddi mill-kompetizzjonijiet. Jistgħu jiġu impjegati wkoll għal missjonijiet limitati fiż-żmien li jeħtieġu profil speċifiku. Għal dawn l-impjiegi, it-tul massimu ta’ impjieg huwa ta’ sitt snin.
Il-pożizzjonijiet fl-Uffiċċji tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja jimtlew ukoll minn membri tal-persunal bil-kuntratt għal perijodu temporanju. Dawn il-kuntratti jkunu limitati għat-tul tal-mandat tal-Membru iżda jistgħu jiġġeddu.
Il-membri tal-persunal awżiljarji bil-kuntratt jiġu impjegati sabiex jissostitwixxu uffiċjali assenti matul perijodu estiż. Huma jistgħu jiġu impjegati wkoll sabiex isaħħu dipartiment meta dan jiffaċċja żieda fix-xogħol.
Gruppi ta’ funzjonijiet
Il-membri tal-persunal huma maqsuma f’kategoriji, imsejħa “gruppi ta’ funzjonijiet”. Dawn il-kategoriji għandhom ismijiet differenti skont jekk tkunx pożizzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju jew bil-kuntratt. Kull kategorija tkopri tipi differenti ta’ pożizzjonijiet, li wħud minnhom jiġu rreklutati iktar ta’ spiss mill-Qorti tal-Ġustizzja minn oħrajn.
- Il-grupp ta’ funzjonijiet AD (membri tal-persunal temporanju)/il-grupp ta’ funzjonijiet IV (membri tal-persunal bil-kuntratt) ikopri pożizzjonijiet li jitolbu diploma universitarju jew ekwivalenti. F’dan il-grupp ta’ funzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ħafna drabi tirrekluta référendaires, li jaħdmu f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Imħallfin u mal-Avukati Ġenerali fuq il-kawżi, mal-amministraturi ġuristi, il-ġuristi lingwisti, l-interpreti u l-ispeċjalisti fit-teknoloġiji tal-informazzjoni.
- Il-grupp ta’ funzjonijiet AST/il-grupp ta’ funzjonijiet III jkopri l-assistenti amministrattivi, lingwistiċi u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni. L-applikanti jkunu jeħtieġu mill-inqas livell ta’ edukazzjoni postsekondarju jew sekondarju flimkien ma’ esperjenza professjonali ta’ tliet snin.
- Il-grupp ta’ funzjonijiet AST/SC/il-grupp ta’ funzjonijiet II ikopri dawk li jwettqu xogħol tal-uffiċċju u kompiti amministrattivi, bħas-segretarji. L-applikanti jkunu jeħtieġu mill-inqas livell ta’ edukazzjoni postsekondarju jew sekondarju flimkien ma’ esperjenza professjonali ta’ tliet snin.
- Il-grupp ta’ funzjonijiet I (membri tal-persunal bil-kuntratt biss) ikopri l-membri tal-persunal li jwettqu kompiti manwali u kompiti ta’ servizz ta’ sostenn amministrattiv. Dawn jistgħu jkunu sewwieqa u ħaddiema manwali li jikkontribwixxu għall-manutenzjoni tal-bini u tat-tagħmir tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Applikazzjoni għal opportunitajiet ta’ impjieg
Hemm żewġ modi kif wieħed japplika għal impjieg fil-Qorti tal-Ġustizzja:
- Tista’ twieġeb għal sejħa speċifika għal kandidaturi għal impjieg speċifiku meta dan ikun disponibbli.
- Tista’ twieġeb għas-sejħiet permanenti għal kandidaturi tagħna. Ċerti profili huma ta’ spiss meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex jiġi żgurat li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha riżerva wiesgħa ta’ kandidati għal dawn l-impjiegi, għandna sensiela ta’ sejħiet permanenti għal kandidaturi li jippermettu lill-kandidati jippreżentaw il-kandidatura tagħhom fi kwalunkwe mument. Fil-każ ta’ pożizzjoni vakanti għal wieħed minn dawn il-profili, il-lista ta’ kandidati l-iktar adatti tiġi kkonsultata.
Il-lista sħiħa ta’ pożizzjonijiet u ta’ profili hija inkluża fil-paġna tagħna għal opportunitajiet ta’ impjieg.
Tista’ ssib ukoll opportunitajiet ta’ impjieg għal pożizzjonijiet permanenti u temporanji għall-istituzzjonijiet u għall-aġenziji kollha tal-Unjoni fis-sit tal-karrieri tal-Unjoni. Dan jinkludi r-rwoli ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt jew temporanji, stages u kollokamenti.
Għal iktar informazzjoni dwar kif nipproċessaw id-data personali ppreżentata matul il-proċess tal-kandidatura, ara l-politika tagħna dwar il-protezzjoni tad-data.
