Protezzjoni tad-data fil-kawżi
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tipproċessa d-data personali kemm fil-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha kif ukoll f’dawk il-funzjonijiet tagħha li ma jkunux ġudizzjarji. Fl-attivitajiet kollha tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi proċeduri speċifiċi u tikkonforma ruħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.
Funzjonijiet ġudizzjarji
Meta jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom jiġbru u jipproċessaw data personali sabiex jiżguraw l-iżvolġiment xieraq tal-proċeduri ġudizzjarji, jikkomunikaw l-atti proċedurali lill-partijiet ikkonċernati u jippubblikaw informazzjoni dwar kawżi pendenti jew magħluqa.
Dawn l-attivitajiet huma ggwidati minn rekwiżiti proċedurali speċifiċi li jirrispettaw il-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ qorti bil-miftuħ. Tista’ ssib informazzjoni ddettaljata dwar il-proċeduri taż-żewġ Qrati fil-paġni li ġejjin:
Pubblikazzjoni tal-ismijiet u informazzjoni oħra fil-proċeduri
L-informazzjoni dwar il-proċeduri ġudizzjarji, inklużi l-ismijiet u informazzjoni oħra, ippubblikata online tista’ tiġi indiċjata u tkun aċċessibbli permezz ta’ muturi ta’ tfittxija. F’dan ir-rigward, il-persuni involuti f’kawża għandhom jeżaminaw bir-reqqa l-linji gwida tal-Qrati dwar it-talba għall-ommissjoni tad-data tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji
- Għoti tal-anonimat fil-proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
- Ommissjoni ta’ data fil-konfront tal-pubbliku fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea
Kif tagħmel talba għall-ommissjoni ta’ data f’kawża
It-talbiet għall-ommissjoni ta’ data personali għandhom jitressqu quddiem il-Qorti kompetenti skont ir-regoli proċedurali applikabbli.
It-talbiet fil-kuntest ta’ kawżi pendenti għandhom isiru skont ir-regoli dwar il-komunikazzjoni mar-Reġistri matul il-proċeduri, kif deskritti fil-paġni li ġejjin:
- Preżentata ta’ dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
- Preżentata ta’ dokumenti quddiem il-Qorti Ġenerali
Talbiet li ma jkunux jikkonċernaw kawżi pendenti jistgħu jsiru bil-posta jew bil-posta elettronika. Id-dettalji ta’ kuntatt tar-Reġistri ta’ kull Qorti jinsabu fil-paġni rispettivi tagħhom:
Trattament ta’ talbiet u lmenti
Meta r-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali jkun responsabbli għal attività ta’ pproċessar ta’ data, pereżempju minħabba l-obbligi tagħhom bħala responsabbli għall-pubblikazzjonijiet tal-Qrati, inklużi deċiżjonijiet ġudizzjarji, huma għandhom jagħtu deċiżjoni fuq talba f’terminu ta’ xahrejn. In-nuqqas ta’ tweġiba f’dak il-limitu ta’ żmien għandu jitqies li jkun ċaħda impliċita tat-talba.
Ilment kontra d-deċiżjoni tar-Reġistratur jista’ jitressaq fi żmien xahrejn quddiem kumitat maħtur fil-Qorti tal-Ġustizzja jew fil-Qorti Ġenerali, responsabbli għall-iżgurar tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.
Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li fihom tista’ ssir talba jew ilment fi
- Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Ottubru 2019 li tistabbilixxi mekkaniżmu intern ta’ superviżjoni fil-qasam tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Qorti tal-Ġustizzja li taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħha
- Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Ottubru 2019 li tistabbilixxi mekkaniżmu intern ta’ superviżjoni fil-qasam tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Qorti Ġenerali li taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħha
Il-kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar l-ilment fi żmien erba’ xhur. Fin-nuqqas ta’ risposta wara dan it-terminu, dan ifisser li d-deċiżjoni tar-Reġistratur tkun ġiet ikkonfermata. Dawn il-kumitati jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar deċiżjonijiet adottati mir-reġistratur ta’ waħda mill-Qrati biss meta jkunu l-kontrolluri responsabbli tad-data inkwistjoni. It-tressiq ta’ lment quddiem kumitat ma għandux jikkostitwixxi rimedju kontra deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali.
Funzjonijiet mhux ġudizzjarji
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ wkoll tintalab tipproċessa data personali meta taġixxi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet mhux ġudizzjarji tagħha, pereżempju fil-kuntest tal-attivitajiet amministrattivi tagħha.
Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) għandu jiżgura li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonforma ruħha mar-Regolament (UE) 2018/1725 fil-qasam tal-funzjonijiet tiegħu. Dan ir-Regolament jirregola l-protezzjoni tad-data personali pproċessata mill-istituzzjonijiet u mill-aġenziji tal-Unjoni. L-UPD jagħti pariri wkoll lill-kontrolluri tad-data tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.
Jekk ikollok xi mistoqsijiet dwar l-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-attivitajiet mhux ġudizzjarji tal-Istituzzjoni jew mal-użu tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tuża l-formola ta’ kuntatt sabiex tikkuntattja lill-UPD.
Reġistru ċentrali tal-attivitajiet ta’ pproċessar
L-UPD iżomm reġistru għall-ipproċessar ta’ data personali kollha. Dan ikun fih, b’mod partikolari, informazzjoni dwar il-kontrollur tad-data, is-suġġett tad-data u l-għan tal-ipproċessar.
Tista’ tikkonsulta ir-reġistru ċentrali tal-attivitajiet ta’ pproċessar online.
Drittijiet tas-suġġetti tad-data
Is-suġġetti tad-data għandhom drittijiet skont id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, dawn id-drittijiet jinkludu
- id-dritt li jintalab aċċess għad-data mill-kontrollur tad-data
- id-dritt li tinkiseb ir-rettifika jew it-tħassir tad-data
- id-dritt li jiġi ristrett l-ipproċessar tad-data
- taħt ċerti kundizzjonijiet, id-dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar tad-data abbażi tas-sitwazzjoni partikolari tas-suġġett tad-data
F’każijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti drittijiet. Dawn ir-restrizzjonijiet ġew stabbiliti f’Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑2019 u huma suġġetti għal monitoraġġ u eżami mill-ġdid regolari. Kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġu ristretti d-drittijiet tas-suġġetti tad-data għandha tkun meħtieġa u proporzjonata għall-każ speċifiku. Tali sitwazzjonijiet jinkludu
- matul verifiki, investigazzjonijiet, awditi jew proċeduri interni oħra
- meta tintbagħat informazzjoni lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
- f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet u aġenziji oħra tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi, u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali
- meta d-dipartimenti amministrattivi jittrattaw kawżi ġudizzjarji li jinvolvu lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala parti
Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) huwa awtorità indipendenti li jieħu ħsieb tal-protezzjoni tad-data fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja meta taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħha.
Jekk tqis li d-data tiegħek ġiet ipproċessata b’mod żbaljat skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, tista’ tressaq ilment quddiem l-EDPS.
