Dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-ogħla Qorti tal-Unjoni Ewropea. Il-missjoni tagħha huwa li tiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi osservat u applikat bl-istess mod madwar l-Unjoni.
Din hija waħda miż-żewġ qrati li flimkien jifformaw l-Istituzzjoni msejħa l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Hija għandha 27 Imħallef u 11‑il Avukat Ġenerali.
Hija tisma’ diversi tipi differenti ta’ kawżi. Prinċipalment tisma’ kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-Unjoni mibgħuta mill-qrati nazzjonali u kawżi mressqa mill-Kummissjoni kontra Stati Membri tal-Unjoni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Hija wkoll tisma’ appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali.
Min jaħdem fil-Qorti tal-Ġustizzja?
L-imħallfin
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha 27 Imħallef, wieħed minn kull Stat Membru tal-Unjoni.
Kull Stat Membru jaħtar l-Imħallef tiegħu stess. Ma hemm l-ebda regola dwar kif għandu jintgħażel Imħallef u kull Stat Membru jista’ jsegwi l-proċedura tiegħu stess. Madankollu, il-persuna magħżula għandha tkun indipendenti u tkun jew awtorizzata teżerċita l-ogħla funzjonijiet ġudizzjarji fl-Istat Membru li jinnominahom, jew tkun espert irrikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni. Kumitat speċjali jeżamina l-kandidati sabiex jiżgura ruħu li jkunu kapaċi jaqdu r-rwol ta’ Mħallef jew ta’ Avukat Ġenerali. Dan jissejjaħ il-Kumitat 255, li jissemma wara l-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li stabbilixxih. L-Imħallfin imbagħad jinħatru uffiċjalment mill-Istati Membri kollha li jaġixxu flimkien.
L-Imħallfin jinħatru għal perijodu ta’ sitt snin. Dan jista’ jiġġedded.
Kont taf?
L-Imħallef li ilu l-iktar fil-kariga tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-President attwali, Koen Lenaerts, li nħatar għall-ewwel darba fl‑2003.
L-Imħallfin jeleġġu President u Viċi President għal perijodu ta’ tliet snin.
Il-President attwali, Koen Lenaerts, ġie elett għall-ewwel darba fl‑2015.

Kemm‑il Imħallef jittrattaw kawża?
Mhux l-Imħallfin kollha jisimgħu kull kawża. Kull kawża tiġi assenjata lil Awla waħda. In-numru ta’ Mħallfin jirrifletti l-importanza jew il-kumplessità tal-kawża.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha Awli ta’
- 15‑il Imħallef, magħrufa bl-isem tal-Awla Manja
- 5 Imħallfin
- 3 Imħallfin
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiltaqa’ wkoll f’Seduta Plenarja ta’ 27 Imħallef. Dan ikun il-każ biss għal kawżi ta’ importanza eċċezzjonali.
L-Awla Manja tiġi ppresjeduta mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jagħmlu parti minnha wkoll il-Viċi President, flimkien ma’ 3 Presidenti ta’ Awla b’5 Imħallfin. L‑10 Imħallfin li jifdal jintgħażlu skont sistema stabbilita ta’ rotazzjoni sabiex jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tal-kawżi.
L-Awla Manja tintuża f’kawżi partikolarment kumplessi jew importanti għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, jew meta Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni jitolbu dan.
Il-kawżi l-oħra jiġu ttrattati minn Awli bi tliet jew ħames Imħallfin. Il-Presidenti ta’ Awla b’ħames Imħallfin għandhom jiġu eletti għal tliet snin u dawk ta’ Awla bi tliet Imħallfin għal sena.
Madwar 45 % tal-kawżi jinstemgħu minn Awli bi 3 Imħallfin. Madwar 40 % tal-kawżi jinstemgħu minn Awla b’5 Imħallfin u madwar 10 % tal-kawżi jinstemgħu mill-Awla Manja.
L-Avukati Ġenerali
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi assistita wkoll minn 11‑il Avukat Ġenerali. Dawn jinħatru bl-istess mod bħall-Imħallfin.
Kont taf?
Peress li hemm inqas Avukati Ġenerali milli hemm Stati Membri, mhux kull pajjiż jista jaħtar Avukat Ġenerali fl-istess ħin. Il-ħames l-ikbar Stati Membri, Spanja, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Polonja, kollha għandhom id-dritt permanenti li jaħtru Avukat Ġenerali. Is-sitt pożizzjonijiet l-oħra huma suġġetti għal rotazzjoni fost it‑22 Stat Membru l-ieħor. Kull Stat Membru jaħtar Avukat Ġenerali għal perijodu wieħed ta’ sitt snin. Id-dritt li jinħatar Avukat Ġenerali mbagħad jgħaddi lill-Istat Membru li jmiss fil-lista. Din l-ordni tiġi ddeterminata mill-ordni alfabetiku tal-isem tal-Istat Membru fil-lingwa tiegħu stess.
L-Avukati Ġenerali għandhom rwol speċjali ħafna. Kuntrarjament għall-Imħallfin, huma ma jaqtgħux il-kawża.
Qabel ma l-Imħallfin jaqtgħu kawża, l-Avukat Ġenerali jippreżenta “konklużjonijiet” indipendenti lill-Imħallfin. Dawn il-konklużjonijiet jeżaminaw il-kawża u jipproponu kif il-problemi mqajma mill-kawża jkunu jistgħu jiġu solvuti.
L-Avukati Ġenerali ma jkunux parti minn kull kawża. Huma jkunu kkonċernati biss meta kawża tqajjem punti ta’ liġi ġodda u meta konklużjonijiet ikunu utli.
L-Imħallfin jistgħu jaqtgħu l-kawża kif jixtiequ u ma humiex marbuta li jsegwu l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
Fi kwalunkwe każ, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali għenu l-proċess deċiżjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja billi tawha l-benefiċċju ta’ perspettiva indipendenti oħra.
Ir-Reġistratur
Ir-Reġistratur għandu rwol doppju. Huwa responsabbli għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, iżda jaqdi wkoll il-funzjonijiet ta’ Segretarju Ġenerali tal-Istituzzjoni.
Bħala Segretarju Ġenerali, ir-Reġistratur huwa responsabbli għal diversi oqsma, taħt l-awtorità tal-President.
Ir-Reġistratur huwa responsabbli wkoll għat-tħejjija u għan-negozjar tal-baġit annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja u sabiex jiżgura li l-fondi jintefqu sew.
Huwa jirrappreżenta lill-Istituzzjoni fil-kooperazzjoni tagħha ma’ diversi istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni u jinteraġġixxi ma’ firxa ta’ partijiet ikkonċernati esterni oħra.
Ir-Reġistratur jiġi elett mill-Imħallfin u mill-Avukati Ġenerali għal perijodu ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded.
Kont taf?
Ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-iktar li dam fil-kariga kien Albert van Houtte, l-ewwel Reġistratur, li għamel kważi 29 sena f’din il-pożizzjoni, minn Marzu 1953 sa Frar 1982. Fil-bidu, meta l-Istituzzjoni kienet għadha ta’ daqs relattivament żgħir, is-sostenn ġudizzjarju kien il-prijorità ewlenija tar-Reġistratur. Hekk kif l-Istituzzjoni kibret, ir-rwol tar-Reġistratur evolva wkoll, billi progressivament assuma iktar responsabbiltajiet bħala Segretarju Ġenerali.
Ir-Reġistratur attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa Alfredo Calot Escobar, li ilu f’din il-kariga sa mill‑2010.
Membri tal-Persunal
Il-Qorti tal-Ġustizzja bħalissa timpjega ftit iktar minn 2 300 membru tal-persunal.
Il-parti l-kbira tal-membri tal-persunal huma uffiċjali tal-Unjoni, magħżula permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni rigoruża. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha membri tal-persunal minn kull Stat Membru tal-Unjoni.
Madwar nofs il-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja kollha jaħdmu fi ħdan Id-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu, inkarigat li jiżgura li x-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun disponibbli fl‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni.
Għal iktar informazzjoni dwar ix-xogħol tal-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-paġni tagħna ddedikati għal kull wieħed mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħna.
Għal iktar informazzjoni dwar kif tista’ tapplika sabiex taħdem mal-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-paġni tagħna dwar l-impjiegi.
X’tip ta’ kawżi tisma’ l-Qorti tal-Ġustizzja?
Il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi interpretat u applikat bl-istess mod madwar l-Unjoni. Hija tagħmel dan billi tisma’ kawżi li fihom il-partijiet ikollhom fehmiet diverġenti dwar dak imfisser mil-liġi jew kif ikollha tiġi applikata. Il-parti l-kbira tal-kawżi tagħha jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qrati nazzjonali. Dawn il-kawżi jissejħu talbiet għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, uħud minn dawn il-kawżi jiġu direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u jissejħu “rikorsi diretti”.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari
Id-dritt tal-Unjoni huwa parti mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni. Dan ifisser li d-dritt tal-Unjoni jista’ jintuża direttament quddiem il-qrati nazzjonali tal-Unjoni. Il-qrati nazzjonali ikunu għalhekk f’pożizzjoni li japplikaw direttament id-dritt tal-Unjoni. Din hija xi ħaġa li tissejjaħ l-“effett dirett” tad-dritt tal-Unjoni.
Jekk ma jkunx ċar kif id-dritt tal-Unjoni ikollu jiġi interpretat f’kawża, l-imħallfin nazzjonali jistgħu jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jkunu jistgħu għalhekk jiċċaraw x’ikun imfisser minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew anki jekk tkun valida. Dan jippermettilhom japplikaw id-dritt tal-Unjoni u jiddeċiedu jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prattiki nazzjonali jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni.
Kwalunkwe qorti indipendenti fl-Unjoni tista’ tagħmel dawn id-domandi jekk ikun meħtieġ.
Il-qrati nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu appellati, għandhom jagħmlu dawn id-domandi jekk ir-risposta ma tkunx ċara u jekk ir-risposta tkun neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża.
Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad teżamina dawn id-domandi.
Hija tisma’ l-perspettivi li ġejjin:
- tal-partijiet ikkonċernati mill-kawża nazzjonali
- ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni li jixtieq ikun involut fil-kawża, spiss, pereżempju, il-pajjiż minn fejn tiġi l-kawża
- tal-Kummissjoni u ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni li jkunu jixtiequ jagħtu l-fehma tagħhom
Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad tagħti sentenza. Is-sentenza tagħti risposti lill-qorti nazzjonali għad-domandi li hija tkun għamlet. Dan imbagħad jippermetti lill-qorti nazzjonali taqta’ definittivament il-kawża.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt tal-Unjoni hija definittiva u vinkolanti. Il-qorti nazzjonali għandha timxi mar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja. Qrati nazzjonali oħra madwar l-Unjoni jridu huma wkoll jimxu ma’ din is-sentenza jekk ikollhom kawżi simili.
B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw li fl-Unjoni tiġi applikata interpretazzjoni waħda tad-dritt tal-Unjoni.
Ħafna mill-prinċipji l-iktar importanti tad-dritt tal-Unjoni ġew deċiżi permezz ta’ din it-tip ta’ kawża. Il-parti l-kbira tal-kawżi ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja (iktar minn 60 %) huma talbiet għal deċiżjoni preliminari.
Il-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi jinstemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-kawżi li jikkonċernaw il-VAT, l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, id-dwana, id-dazji tas-sisa jew il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija, u l-kumpens għall-passiġġieri tal-ajru, jinstemgħu mill-Qorti Ġenerali.
Rikorsi diretti
Rikorsi diretti huma kawżi li jaslu direttament għand il-Qorti tal-Ġustizzja. Huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri li jistgħu jressqu dawn il-kawżi direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
F’ċerti ċirkustanzi, huwa possibbli għaċ-ċittadini jew għall-kumpanniji li jressqu kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Għal iktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara l-paġna tagħna dwar il-Qorti Ġenerali.
Hemm tipi differenti ta’ rikorsi diretti. L-iktar komuni huma r-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u r-rikorsi għal annullament.
Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
Magħrufa bħala rikors għal ksur, dawn il-kawżi jitressqu kontra Stat Membru tal-Unjoni għal nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni.
Huwa possibbli għal Stat Membru li jressaq rikors kontra Stat ieħor, iżda kawżi bħal dawn huma rari.
Il-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi jitressqu mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni regolarment tosserva lill-Istati Membri sabiex tara jekk jikkonformawx ruħhom mad-dritt tal-Unjoni. Hija tagħmel dan direttament hija stess, iżda ssegwi wkoll l-ilmenti li tirċievi miċ-ċittadini.
Jekk il-Kummissjoni tqis li Stat Membru ma jikkonformax ruħu mal-liġi, hija tibda proċedura formali kontra dak l-Istat Membru. Din il-proċedura għandha tliet stadji. Fl-ewwel żewġ stadji, l-Istat Membru jiġi mwissi dwar il-problema potenzjali u jingħata l-opportunità li jikkoreġiha. Jekk l-Istat Membru jonqos milli jagħmel dan jew jekk il-Kummissjoni ma taqbilx mar-risposta, hija tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jiksirx il-liġi.
F’dawn l-aħħar snin, dawn il-kawżi jirrappreżentaw inqas minn 5 % tal-kawżi kollha mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
F’ċerti każijiet, meta Stat Membru ma jkunx adotta leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jimplimenta ċerti liġijiet tal-Unjoni, l-hekk imsejħa Direttivi, dan jista’ jwassal għal multa immedjata.
F’każijiet oħra, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Stat Membru jkun kiser id-dritt tal-Unjoni, dan l-Istat Membru għandu jieħu miżuri sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Jekk Stat Membru jinjora s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista’ tressaq kawża oħra. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni għat-tieni darba kontra Stat Membru, hija tista’ timponi multi. Dawn jistgħu jkunu kemm ta’ ammont fiss għal aġir fil-passat, kif ukoll multa akkumulata perjodikament sakemm l-Istat Membru jikkonforma ruħu.
Rikorsi għal annullament
Dawn huma kawżi mressqa bil-għan li jintalab l-annullament ta’ liġi jew ta’ deċiżjoni tal-Unjoni. Il-kawża titressaq kontra l-istituzzjoni, l-aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor tal-Unjoni li jkun ħa d-deċiżjoni jew adotta l-liġi.
Jekk il-kawża titressaq minn Stat Membru kontra liġijiet adottati mill-Parlament Ewropew u/jew mill-Kunsill, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni. Eċċezzjoni għal din ir-regola hija prevista meta Stat Membru jikkontesta deċiżjoni tal-Kunsill fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ta’ miżuri antidumping u ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn il-kawżi għandhom jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tisma’ wkoll kawżi mressqa minn istituzzjoni kontra oħra.
Il-kawżi l-oħra kollha, b’mod partikolari dawk imressqa minn ċittadini, kumpanniji jew organizzazzjonijiet oħra, jinstemgħu mill-Qorti Ġenerali. Għal iktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara l-paġna tagħna dwar il-Qorti Ġenerali.
Rikorsi għal nuqqas li tittieħed azzjoni
Dawn il-kawżi huma simili għar-rikorsi għal annullament. Madankollu, minflok ma jitressqu meta istituzzjoni tkun ħadet deċiżjoni, dawn jitressqu meta istituzzjoni, aġenzija jew korp ikunu naqqsu milli jieħdu deċiżjoni. Dawn il-kawżi jistgħu jitressqu biss meta l-istituzzjoni tkun intalbet taġixxi u hija obbligata li tagħmel dan.
Dawn il-kawżi huma rari ħafna.
Bħal fil-każ ta’ rikorsi għal annullament, il-Qorti tal-Ġustizzja hija responsabbli għall-kawżi mressqa mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali hija responsabbli għall-kawżi mressqa minn persuni.
Jekk jogħġbok innota li filwaqt li ċ-ċittadini jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tressaq kawża kontra l-Istat Membru. F’tali ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li titressaq kawża għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-Kummissjoni.
Appelli
Bħal fis-sistemi legali kollha, hemm mekkaniżmu li jippermetti li ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jiġu appellati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
L-appelli jistgħu jiġu ppreżentati biss fuq punti ta’ liġi, u mhux fuq il-mod kif il-Qorti Ġenerali tkun stabbilixxiet u evalwat il-fatti tal-kawża.
F’ċerti tipi ta’ kawżi, il-Qorti Ġenerali diġà taġixxi bħala qorti tal-appell. Ħafna aġenziji u korpi tal-Unjoni li jieħdu deċiżjonijiet, pereżempju l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea jew l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, għandhom Bord tal-Appell indipendenti. F’każijiet bħal dawn, il-Bord tal-Appell tal-aġenzija stess ikun diġà eżamina d-deċiżjoni inizjali qabel ma l-kawża titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizzaha fil-kuntest ta’ proċedura speċifika. L-appell huwa ammess meta jqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
L-appelli kollha għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-appell, hija tista’ jew taqta’ l-kawża hija stess jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni mill-ġdid. L-appelli jintlaqgħu f’madwar 25 % tal-kawżi.
Madwar kwart tal-kawżi kollha fil-Qorti tal-Ġustizzja huma appelli.
Kif taħdem il-proċedura?
Il-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja hija rregolata mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli tal-Proċedura tagħha.
Il-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi żewġ partijiet bażiċi, magħrufa bħala l-fażi bil-miktub u l-fażi orali.
Il-partijiet għandhom jippreżentaw l-argumenti tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-miktub. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu wkoll jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din hija l-fażi bil-miktub tal-proċedura.
F’ħafna kawżi tinżamm ukoll seduta. Is-seduti huma pubbliċi u l-iktar importanti jixxandru fis-sit internet tagħna. Għal iktar informazzjoni dwar is-seduti, ara l-paġni tagħna dwar l-istreaming u kif wieħed jista’ jattendi għal seduta. Ftit xhur wara s-seduta, l-Avukat Ġenerali jagħti l-konklużjonijiet tiegħu jekk dawn ikunu ntalbu. Din hija l-fażi orali tal-proċedura.
Ladarba tintemm il-fażi orali, l-Imħallfin jiddeliberaw u jieħdu d-deċiżjoni tagħhom.
Is-sentenza mbagħad tingħata f’seduta bil-miftuħ.
Bħala medja, il-kawżi jieħdu bejn 16 u 18‑il xahar mill-bidu sat-tmiem.
Għal iktar informazzjoni, ara l-paġna tagħna dwar il-Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
