Dwar il-Qorti Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali hija l-qorti inferjuri minn fost iż-żewġ Qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Hija għandha 54 Imħallef, 2 minn kull Stat Membru.
Il-missjoni ewlenija tagħha hija li tittratta l-kawżi kollha mressqa minn individwi, kumpanniji u organizzazzjonijiet li jikkontestaw atti jew deċiżjonijiet ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni. Permezz ta’ dawn il-kawżi, il-Qorti Ġenerali tiżgura li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni josservaw il-liġi.
Hija għandha wkoll tirrispondi għal ċerti domandi magħmula mill-qrati nazzjonali.
Min jaħdem fil-Qorti Ġenerali?
L-Imħallfin
Il-Qorti Ġenerali għandha 54 Imħallef, 2 minn kull Stat Membru.
Kull Stat Membru għandu jaħtar l-Imħallef tiegħu stess. Ma hemm l-ebda regola dwar kif għandu jintgħażel Imħallef u kull Stat Membru jista’ jsegwi l-proċedura tiegħu stess. Madankollu, il-persuna magħżula għandha tkun indipendenti u kkwalifikata sabiex teżerċita l-ogħla funzjonijiet ġudizzjarji. Kumitat speċjali jeżamina l-kandidati sabiex jiżgura ruħu li jkunu kapaċi jaqdu r-rwol ta’ Mħallef. Dan jissejjaħ il-Kumitat 255, li jissemma wara l-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li stabbilixxih. L-Imħallfin imbagħad jinħatru uffiċjalment mill-Istati Membri kollha li jaġixxu flimkien.
L-Imħallfin jinħatru għal perijodu ta’ sitt snin. Dan jista’ jiġġedded.
Kont taf?
L-Imħallef li ilu l-iktar fil-kariga tal-Qorti Ġenerali huwa Marc Jaeger, mil-Lussemburgu, li nħatar għall-ewwel darba fl‑1996. Huwa eżerċita wkoll il-funzjonijiet ta’ President tal-Qorti Ġenerali għal 12‑il sena, minn Settembru 2007 sa Settembru 2019.
L-Imħallfin jeleġġu President u Viċi President għal perijodu ta’ tliet snin.
Il-President attwali huwa Marc van der Woude, elett għall-ewwel darba fl‑2019.

Avukati Ġenerali
Għall-kuntrarju tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex Avukati Ġenerali permanenti. Madankollu, huwa possibbli għal Imħallef li jeżerċita r-rwol ta’ Avukat Ġenerali.
Fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, żewġ Imħallfin jiġu eletti minn fost l-Imħallfin sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali. Huma jiġu eletti għal mandat ta’ tliet snin. L-Avukat Ġenerali dejjem jinstema’ fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, iżda jippreżenta l-konklużjonijiet biss meta kawża tqajjem punti ta’ liġi ġodda u jkun utli li jkun hemm konklużjonijiet.
F’rikorsi diretti, il-missjoni tal-Avukat Ġenerali tista’ wkoll, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tiġi assenjata lil Imħallef. Madankollu, dan rarament iseħħ. Kien biss f’numru żgħir ta’ kawżi, fl-ewwel snin tal-istorja tal-Qorti Ġenerali fil-bidu tas-snin 90, li sar użu minn din il-possibbiltà.
Kemm‑il Imħallef jittrattaw kawża?
Mhux l-Imħallfin kollha jittrattaw kull kawża. Kull kawża tiġi assenjata lil Awla waħda.
Il-Qorti Ġenerali għandha 10 Awli li jistgħu jittrattaw kawżi bi 3 jew b’5 Imħallfin. Hemm ukoll Awla Manja ta’ 15‑il Imħallef u Awla Intermedja ta’ 9 Mħallfin.
In-numru ta’ Mħallfin jirrifletti l-importanza jew il-kumplessità tal-kawża.
Il-parti l-kbira tal-kawżi jinstemgħu minn Awli bi 3 Imħallfin. F’każijiet rari, il-kawżi assenjati lil Awla kkostitwita minn 3 Imħallfin jistgħu jinstemgħu u jiġu deċiżi mill-Imħallef Relatur bħala Mħallef uniku. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jinstemgħu minn 5 Imħallfin.
Il-Presidenti tal-Awli jiġu eletti minn fost l-Imħallfin għal perijodu ta’ tliet snin.
L-Awli kollha jistgħu jittrattaw rikors għal annullament. Madankollu, il-kawżi ta’ proprjetà intellettwali jiġu assenjati lil Awli speċifiċi, kif ukoll il-kawżi tal-membri tal-persunal. Din l-ispeċjalizzazzjoni tgħin sabiex jiġi żgurat l-iktar trattament effiċjenti tal-kawżi.
Hemm ukoll żewġ Awli speċjalizzati li jisimgħu t-talbiet għal deċiżjoni preliminari ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali. Kull Awla għandha 6 Imħallfin, wieħed minnhom elett bħala Avukat Ġenerali. Il-konklużjonijiet jingħataw mill-Avukat Ġenerali mill-Awla speċjalizzata l-oħra.
Ir-Reġistratur u r-Reġistru
Il-Qorti Ġenerali għandha r-Reġistru tagħha stess, li jamministra l-kawżi.
Ir-Reġistratur huwa responsabbli għar-Reġistru. Ir-Reġistratur jiġi elett mill-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali għal perijodu ta’ sitt snin. L-istess bħal fil-każ tal-Imħallfin, dan il-mandat jista’ jiġġedded. Ir-Reġistratur attwali huwa Vittorio Di Bucci, elett għall-ewwel darba fl‑2023.
Il-Qorti Ġenerali tirrikorri wkoll għad-dipartimenti l-oħra tal-Istituzzjoni.
X’kawżi tisma’ l-Qorti Ġenerali?
Il-Qorti Ġenerali tista’ tisma’ diversi tipi ta’ kawżi. Il-parti l-kbira tal-kawżi tagħha huma dawk imressqa minn individwi u impriżi kontra deċiżjonijiet u atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni.
Rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi
Il-Qorti Ġenerali tittratta l-kawżi kollha mressqa minn individwi, minn kumpanniji jew minn organizzazzjonijiet li jikkontestaw atti jew deċiżjonijiet ta’ korpi tal-Unjoni. Sabiex ikunu ammissibbli, l-att ikkontestat għandu:
- ikun indirizzat direttament lill-persuna. Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-assi ta’ persuna jew ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni li timponi multa fuq kumpannija; jew
- ikun att regolatorju li jaffettwa direttament lil dik il-persuna u li ma jeħtieġ l-ebda miżura ta’ implimentazzjoni addizzjonali sabiex jidħol fis-seħħ; jew
- ikun jikkonċerna direttament u individwalment is-sitwazzjoni legali tal-persuna li tkun qed tressaq il-kawża.
“Inċidenza diretta u individwali” għandha tifsira speċifika ħafna fid-dritt tal-Unjoni. Din tfisser li għalkemm id-deċiżjoni ma tindikax direttament il-persuna, tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha minħabba ċerti karatteristiċi li jikkaratterizzawha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra.
Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li d-deċiżjoni tkun żbaljata, hija tista’ tannullaha. Dan ifisser li d-deċiżjoni qatt ma tkun eżistiet. L-istituzzjoni jew il-korp li jkun ħa d-deċiżjoni għandu għalhekk jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jaffaċċja l-konsegwenzi tas-sentenza.
Fil-kawżi li jirrigwardaw multa, pereżempju fil-kawżi tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali għandha “ġurisdizzjoni sħiħa”. Dan ifisser li jekk hija tikkonstata żbalji fid-deċiżjoni, iżda mhux biżżejjed sabiex tannulla d-deċiżjoni kollha, hija tista’ taġġusta l-ammont tal-multa. Hija tista’ tiddeċiedi wkoll li żżid il-multa.
Rikorsi għal annullament ippreżentati mill-Istati Membri
Il-Qorti Ġenerali tisma’ kawżi mressqa minn Stat Membru kontra l-Kummissjoni.
F’ċerti ċirkustanzi, hija tisma’ wkoll kawżi mressqa minn Stat Membru kontra l-Kunsill. Dawn ikunu b’mod partikolari kawżi li jinvolvu atti li jimplikaw
- għajnuna mill-Istat
- kwistjonijiet kummerċjali u ta’ antidumping
- atti oħra li għalihom il-Kunsill jeżerċita setgħat ta’ implimentazzjoni
Talbiet għal deċiżjoni preliminari
Id-dritt tal-Unjoni huwa parti mid-dritt nazzjonali ta’ kull pajjiż tal-Unjoni. Dan ifisser li d-dritt tal-Unjoni jista’ jintuża direttament quddiem il-qrati nazzjonali tal-Unjoni. Il-qrati nazzjonali huma għalhekk f’pożizzjoni li japplikaw direttament id-dritt tal-Unjoni. Din hija xi ħaġa li tissejjaħ l-“effett dirett” tad-dritt tal-Unjoni.
Jekk ma jkunx ċar kif id-dritt tal-Unjoni ikollu jiġi interpretat f’kawża, l-imħallfin nazzjonali jistgħu jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jkunu jistgħu għalhekk jiċċaraw x’inhu mfisser minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew anki jekk tkunx valida. Dan jippermettilhom japplikaw id-dritt tal-Unjoni u jiddeċiedu jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prattiki nazzjonali jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni.
Kwalunkwe qorti indipendenti fl-Unjoni tista’ tagħmel dawn id-domandi jekk ikun meħtieġ.
Il-qrati nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu appellati, għandhom jagħmlu dawn id-domandi jekk ir-risposta ma tkunx ċara u jekk ir-risposta tkun neċessarja sabiex tinqata’ l-kawża.
It-talbiet kollha għal deċiżjoni preliminari jitressqu inizjalment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-parti l-kbira tagħhom jinstemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-kawżi jiġu ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali meta dawn jikkonċernaw
- VAT
- dwana, dazji tas-sisa jew klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija
- skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra
- kumpens għall-passiġġieri
sakemm ma jinvolvux deċiżjoni ta’ prinċipju li tkun tista’ taffettwa l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.
Ladarba tingħata risposta għad-domandi, il-kawża tmur lura għand il-qorti nazzjonali sabiex din taqta’ l-kawża definittivament.
Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar id-dritt tal-Unjoni tista’ tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja meta tikkonstata li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Inkella, din tkun definittiva u vinkolanti. Il-qorti nazzjonali għandha timxi mar-risposta tal-Qorti Ġenerali. Qrati nazzjonali oħra madwar l-Unjoni jridu huma wkoll jimxu ma’ din is-sentenza jekk ikollhom kawżi simili.
Rikorsi għal nuqqas li tittieħed azzjoni
Dawn il-kawżi huma simili għar-rikorsi għal annullament. Madankollu, minflok ma jitressqu meta istituzzjoni tkun ħadet deċiżjoni, dawn jitressqu meta istituzzjoni, aġenzija jew korp ikunu naqsu milli jieħdu deċiżjoni. Dawn il-kawżi jistgħu jitressqu biss kontra l-korp tal-Unjoni li jkun intalab jaġixxi u jkun obbligat li jagħmel dan.
Dawn il-kawżi huma rari.
Bħal fil-każ ta’ rikorsi għal annullament, il-Qorti Ġenerali hija responsabbli għall-kawżi mressqa minn persuni. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija responsabbli għall-kawżi mressqa mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Jekk jogħġbok innota li filwaqt li ċ-ċittadini jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tressaq kawża kontra l-Istat Membru. F’tali ċirkustanzi, ma jkunx possibbli li titressaq kawża għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-Kummissjoni.
Kawżi dwar il-proprjetà intellettwali
L-Unjoni għandha s-sistema tagħha stess ta’ trade marks u ta’ disinni. Dawn jeżistu parallelament mat-trade marks nazzjonali. Trade mark tal-Unjoni hija valida għall-Unjoni kollha.
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jamministra din is-sistema u jiddeċiedi jekk it-trade marks u d-disinni tal-Unjoni jkunux jistgħu jiġu rreġistrati. L-EUIPO għandu proċedura ta’ appell interna tiegħu stess b’Bord tal-Appell li jeżamina l-kontestazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet inizjali.
Appelli kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Appell tal-EUIPO jiġu ttrattati mill-Qorti Ġenerali.
Madwar 25 % tal-kawżi kollha tal-Qorti Ġenerali huma kawżi ta’ proprjetà intellettwali.
Kawżi li jikkonċernaw il-membri tal-persunal
Jekk impjegat tal-Unjoni jkollu tilwima dwar l-impjieg tiegħu mal-persuna li timpjegah (istituzzjoni, aġenzija tal-Unjoni, eċċ.), il-Qorti Ġenerali tisma’ r-rikors kontra d-deċiżjoni amministrattiva definittiva.
F’każijiet bħal dawn, hija taġixxi bl-istess mod bħall-qrati/tribunali industrijali fis-sistemi legali nazzjonali.
Kawżi għad-danni
Il-Qorti Ġenerali tittratta t-talbiet għal kumpens għad-dannu kkawżat mill-atti illegali tal-istituzzjonijiet u ta’ korpi oħra tal-Unjoni.
Kuntratti speċifiċi
Il-kuntratti bejn l-Unjoni u l-kumpanniji jew l-individwi xi drabi jkun fihom klawżoli speċifiċi li jindikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tintalab tisma’ kwalunkwe kawża li tirriżulta minn tilwima fil-qafas tal-kuntratt. Klawżoli bħal dawn huma komuni fil-kuntratti.
Dawn il-kawżi jinstemgħu mill-Qorti Ġenerali.
Appelli mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali
Bħal fis-sistemi legali kollha, hemm mekkaniżmu li jippermetti li deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jiġu appellati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
L-appelli jistgħu jiġu ppreżentati biss fuq punti ta’ liġi, u mhux fuq il-mod kif il-Qorti Ġenerali tkun stabbilixxiet u evalwat il-fatti tal-kawża.
F’ċerti tipi ta’ kawżi, il-Qorti Ġenerali diġà taġixxi bħala qorti tal-appell. Ħafna aġenziji u korpi tal-Unjoni li jieħdu deċiżjonijiet, pereżempju l-EUIPO jew l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, għandhom Bord tal-Appell indipendenti. F’każijiet bħal dawn, il-Bord tal-Appell tal-aġenzija stess ikun diġà eżamina d-deċiżjoni inizjali qabel ma l-kawża titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizzaha fil-kuntest ta’ proċedura speċifika. L-appell jiġi ammess meta jqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
L-appelli għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel li-appell isir u tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew taqta’ l-kawża hija stess jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni mill-ġdid.
Madwar 25 % tad-deċiżjonijiet kollha jiġu appellati. Minn dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla biss 25 %. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla biss 6 % tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali.
Id-deċiżjonijiet mogħtija fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jistgħux jiġu appellati. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina mill-ġdid il-kawża meta tikkonstata li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.
Kif taħdem il-proċedura?
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
Il-proċedura tinkludi żewġ partijiet bażiċi, magħrufa bħala l-fażi bil-miktub u l-fażi orali.
Fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-proċedura hija l-istess bħal dik quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-kawżi l-oħra jibdew bil-preżentata ta’ rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Din għandha tiġi ffirmata minn avukat awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru.
Il-partijiet għandhom jippreżentaw l-argumenti tagħhom lill-Qorti Ġenerali bil-miktub. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u persuni oħra li jkollhom interess dirett fis-soluzzjoni tat-tilwima jistgħu wkoll jintervjenu sabiex isostnu lil waħda mill-partijiet. Din hija l-fażi bil-miktub tal-proċedura.
F’ħafna kawżi tinżamm ukoll seduta. Is-seduti huma pubbliċi u l-iktar importanti jistgħu jixxandru fis-sit internet tagħna. Għal iktar informazzjoni dwar is-seduti, ara l-paġni tagħna dwar l-istreaming u kif wieħed jista’ jattendi għal seduta. Din hija l-fażi orali tal-proċedura.
Ladarba tintemm il-fażi orali, l-Imħallfin jiddeliberaw u jieħdu d-deċiżjoni tagħhom.
Is-sentenza mbagħad tingħata f’seduta bil-miftuħ u xi wħud jixxandru direttament fis-sit internet tagħna.
Bħala medja, il-kawżi jieħdu madwar 20 xahar mill-bidu sat-tmiem.
Għal iktar informazzjoni, ara l-paġna tagħna dwar il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.
