Reklutaġġ

Ir-reklutaġġ fi ħdan id-dipartiment lingwistiku tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttorat Ġenerali tal-Multilingwiżmu (DĠM), bħad-dipartimenti kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, isir essenzjalment permezz ta’ kompetizzjonijiet ġenerali organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO). Dan il-prinċipju japplika għall-professjonijiet kollha. Il-kompetizzjonijiet jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet tagħhom u jinkludu testijiet ta’ tipi differenti.

Eċċezzjonalment, meta kompetizzjoni ġenerali ma tkunx possibbli, tista’ tissejjaħ kompetizzjoni interna.

Il-proċeduri tal-għażla tal-persunal temporanju jikkomplementaw b’mod utli l-kompetizzjonijiet, b’mod partikolari biex jissodisfaw il-ħtiġijiet prevedibbli ta’ sostituzzjoni (leave tal-maternità, tal-ġenituri u tal-familja, eċċ.) u limitati fiż-żmien. L-istituzzjonijiet differenti jaqsmu xi listi ta’ kandidati u għodod, li jirrappreżentaw għajnuna siewja għall-għażla ta’ persunal temporanju. B’hekk il-“listi CAST”, amministrati mill-EPSO, jippermettu li jinstabu kandidati li jkunu jistgħu jiġu rreklutati malajr bħala membri tal-persunal bil-kuntratt jew temporanji fl-oqsma tat-traduzzjoni legali, tal-korrezzjoni tipografika, tal-verifika lingwistika u tas-segretarjat. Xi interpreti jistgħu wkoll jiġu rreklutati bħala persunal temporanju. Il-kandidati jintgħażlu minn fost l-interpreti akkreditati fil-lista komuni miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Id-database interistituzzjonali “EU CV online” min-naħa tagħha tiċċentralizza l-applikazzjonijiet li tkun irċeviet bi tweġiba għal sejħa permanenti għal applikazzjonijiet jew sejħa speċifika għal espressjoni ta’ interess, kif ukoll applikazzjonijiet spontanji.

> > Links utli:

EPSO

CURIA | Xogħol