Il-multilingwiżmu fil-qalba tal-proċeduri

Is-sistema multilingwi tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fuq id-determinazzjoni ta’ lingwa tal-kawża għal kull kawża. F’kull tip ta’ proċedura (proċedura għal deċiżjoni preliminari, rikors dirett, appell), hija l-lingwa li biha jiġi redatt l-att promotur (att li jibda l-proċedura: talba għal deċiżjoni preliminari, rikors, appell) li tiddetermina l-lingwa tal-kawża. Hemm eċċezzjoni waħda biss: il-proċedura ta’ opinjoni, peress li l-lingwi uffiċjali kollha hawn ikunu lingwa tal-kawża.

Kull waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tista’ għalhekk tkun lingwa tal-kawża. Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, pereżempju, l-att promotur (jew is-sunt tiegħu) jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali kollha. Sussegwentement, il-multilingwiżmu ma jiġix applikat matul il-proċedura kollha (fażi bil-miktub u wara l-fażi orali) b’mod sħiħ (ħlief fil-proċedura ta’ opinjoni), iżda skont il-lingwa tal-kawża, il-kwalità u l-għarfien lingwistiku tal-intervenjenti fil-proċedura kif ukoll skont il-membri tal-kulleġġ ġudikanti (awla ta’ qorti li tifforma l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta taqta’ kawża li titressaq quddiemha).

Matul il-fażi bil-miktub, in-noti skambjati jiġu bħala prinċipju redatti mill-awturi tagħhom fil-lingwa tal-kawża. L-Istati Membri jintervjenu fil-lingwa uffiċjali tagħhom jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tagħhom u l-kitbiet tagħhom jiġu tradotti mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn il-lingwa tal-kawża. Fil-każijiet kollha, l-atti proċedurali jiġu tradotti lejn il-lingwa tad-deliberazzjonijiet, illum il-Franċiż, sabiex il-kulleġġ ġudikanti jkun jista’ jsir jaf xi jkun qiegħed jintqal.

Fil-fażi orali, jiġifieri matul is-seduti, japplika l-istess prinċipju: il-lingwa li fiha tinżamm is-seduta hija l-lingwa tal-kawża. Madankollu, is-seduta tlaqqa’ flimkien atturi (partijiet, Imħallfin, Avukat Ġenerali, rappreżentanti tal-Istati Membri, eċċ.) b’lingwa materna differenti. L-interpretazzjoni minħabba f’hekk tkun neċessarja. Hija tiġi dejjem żgurata minn u lejn il-lingwa tal-kawża, lejn il-lingwa tad-deliberazzjoni u lejn il-lingwa tal-Istati Membri li jkunu indikaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-seduta. Hija tista’ tiġi żgurata wkoll minn u lejn il-lingwa ta’ membru wieħed jew iktar tal-kulleġġ ġudikanti. Id-determinazzjoni tal-lingwi li l-interpretazzjoni minnhom u lejhom tiġi żgurata waqt is-seduta b’hekk tirrispondi għal kunsiderazzjonijiet prattiċi ħafna. Hija biss il-proċedura ta’ opinjoni li tinvolvi interpretazzjoni minn u lejn il-lingwi kollha.

Numru kbir ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jagħtu lok għall-intervent ta’ Avukat Ġenerali, li jippreżenta konklużjonijiet għall-benefiċċju tal-kulleġġ ġudikanti. Fil-prattika, dawn jiġu redatti u mbagħad jinqraw f’seduta pubblika f’waħda mis-sitt lingwi l-iktar koperti mid-dipartimenti. Dawn jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha u ppubblikati flimkien mad-deċiżjoni fil-Ġabra tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-fażi ta’ deliberazzjoni bħala prinċipju tinżamm b’lingwa waħda, attwalment il-Franċiż, li warajha d-deċiżjoni li ttemm l-istanza tiġi ffirmata fil-lingwa tal-kawża mill-kulleġġ ġudikanti. Hija tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha fil-kuntest tat-tixrid multilingwi tal-ġurisprudenza.