Il-futur tal-multilingwiżmu
Il-multilingwiżmu għandu bħala għan li jkun ta’ servizz għaċ-ċittadin, u bla dubju jagħtih vantaġġi. Ir-relazzjoni bejn spejjeż u benefiċċji tal-multilingwiżmu fl-Unjoni Ewropea jibqa’ pożittiv, tarah minn fejn tarah. Il-benefiċċju huwa magħruf anki jekk jistax jitkejjel: dan jirrigwarda b’mod partikolari l-possibbiltà li wieħed jindirizza ruħu lill-istituzzjonijiet fil-lingwa tiegħu stess, li jkollu aċċess għal-liġijiet kollha tal-Unjoni f’din l-istess lingwa, id-dritt li jiġu ssalvagwardati u promossi l-lingwi nazzjonali kollha, flimkien mal-kultura, mal-valuri u mat-tradizzjonijiet tal-Istati Membri. L-ispiża tista’ titkejjel iżda hija madankollu kontroversjali; għandha titrażżan kemm jista’ jkun, filwaqt li tinżamm il-kwalità.
L-għodod ta’ għajnuna għall-multilingwiżmu, li qegħdin jiżviluppaw sew teknoloġikament, jippermettu żieda sinifikattiva fil-produttività u kif ukoll armonizzazzjoni tax-xogħol. Pereżempju, it-traduzzjoni awtomatika newronali, l-għodod post redazzjonali tat-traduzzjoni, l-għodod ta’ rikonoxximent vokali, il-possibilitajiet ta’ interpretazzjoni mill-bogħod, huma mezzi li jgħinu lid-dipartimenti b’mod effettiv. Il-professjonijiet ma baqgħux eżattament l-istess bħal ftit snin ilu u qegħdin jinbidlu b’ritmu mgħaġġel.
Id-dipartimenti lingwistiċi jippruvaw jadottaw il-bidla u l-iżviluppi teknoloġiċi, inkluża dejjem iktar l-intelliġenza artifiċjali, sabiex jagħmlu l-aħjar użu minnhom fi kwalunkwe mument, mingħajr ma jnaqqsu l-kwalità, li fl-assenza tagħha r-rekwiżit tal-multilingwiżmu jitlef il-leġittimità tiegħu.
B’hekk, kompiti li qabel kienu twal u fastidjużi issa saru semiawtomatizzati, sabiex il-professjonist dejjem ikun jista’ jiddedika ruħu għall-kompiti sostanzjali li l-magna ma tkunx tista’ twettaq sew. Ir-riflessjonijiet li jmissu mad-dritt u mal-lingwa huma delikati u jinvolvu neċessarjament speċjalista. Il-ġurista lingwista jew interpretu professjonali issa jinsab fiċ-ċentru ta’ ambjent “imkabbar”: it-teknoloġija sservi u huwa jużaha b’attenzjoni u b’responsabbiltà, sabiex jiżgura l-aħjar kwalità ta’ xogħlu, bl-aħjar prezz, dejjem għall-benefiċċju taċ-ċittadini.
