Qarrej tal-provi/verifikatur lingwistiku
Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-lingwa u l-armonizzazzjoni tad-dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qarrejja tal-provi/verifikaturi lingwistiċi huma responsabbli għall-korrezzjoni tipografika u għall-verifika lingwistika ta’ ċerti dokumenti tradotti mill-ġuristi lingwisti u mit-tradutturi freelance. Dawn ikunu essenzjalment dokumenti maħsuba biex jiġu ppubblikati jew imxerrda b’mod wiesa’.
It-testi kkonċernati (prinċipalment is-sentenzi, id-digrieti, il-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali u s-sunti tad-deċiżjonijiet) għandhom jiġu vverifikati bir-reqqa sabiex jirrispettaw fil-punti kollha ir-regoli li jirregolaw l-użu tal-lingwa u l-prattiki ddefiniti fi ħdan id-diviżjonijiet lingwistiċi, id-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu (DĠM) u l-Qorti tal-Ġustizzja kollha kemm hi. F’dan ir-rigward, il-qarrejja tal-provi/verifikaturi lingwistiċi jikkontribwixxu għall-iżvilupp tar-regoli interni u interistituzzjonali ta’ abbozzar.
Madankollu, xogħolhom imur lil hinn minn dan il-kuntest dejjaq sabiex jinkludi pariri dwar l-abbozzar, verifika tal-kompletezza tad-dokumenti, u monitoraġġ tal-iżviluppi lingwistiċi fuq livell nazzjonali.
Huma jikkontribwixxu wkoll għat-taħriġ ta’ kollegi ġodda, kemm jekk ikunu qarrejja tal-provi/verifikaturi lingwistiċi kemm jekk ikunu ġuristi lingwisti.
Bħall-persunal kollu, il-qarrejja tal-provi/verifikaturi lingwistiċi qegħdin jużaw iktar u iktar l-għodda informatiċi.
Il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-aċċess għall-professjoni ta’ qarrej tal-provi/verifikatur lingwistiku huma indikati fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet u tal-postijiet battala ppubblikati fis-sit EPSO jew fis-sit Curia.
Ara wkoll
>
