Terminologu u dokumentalista
It-terminologi u d-dokumentalisti li jifformaw din id-diviżjoni jiżguraw il-pretrattament terminoloġiku u dokumentali ta’ parti mid-dokumenti li għandhom jiġu tradotti u jwettqu riċerki fuq talba. Huma jikkontribwixxu għad-definizzjoni u t-tmexxija tal-proġetti terminoloġiċi, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-ġuristi lingwisti. Huma jipparteċipaw fit-twettiq u fit-tisħiħ tal-iskedi terminoloġiċi kif ukoll fil-kontroll tal-kwalità tagħhom sabiex jiġu ttrasferiti lejn id-databases terminoloġiċi tal-Unjoni, imsejħa IATE, li l-aċċess għaliha huwa miftuħ għall-pubbliku.
IATE tipproponi skedi terminoloġiċi (multilingwi u multisistemi) żviluppati wara r-riċerki mwettqa sabiex jinstabu soluzzjonijiet għal problemi ta’ komprensjoni, ta’ abbozzar u ta’ traduzzjoni. Skeda terminoloġika tista’ tkun ta’ għajnuna siewja għall-ġuristi lingwisti, għall-interpreti jew għal kull min jintalab jikteb jew jaqra dokument legali.
It-terminologi u d-dokumentalisti jsostnu lill-ġuristi lingwisti fix-xogħol tagħhom billi jwettqu, fuq talba, riċerki terminoloġiċi u dokumentali li minnhom tibbenefika l-istituzzjoni prinċipalment fil-kuntest tat-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, dawn l-istess persuni jipproponu firxa ta’ taħriġ dwar it-terminoloġija kif ukoll dwar ir-riżorsi lingwistiċi u terminoloġiċi jew dwar it-tekniki ta’ riċerka dokumentali, u jikkoordinaw it-talbiet li joriġinaw mill-uffiċċju tal-imħallfin fil-kuntest tal-eżami lingwistiku kkomparat ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
Il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-aċċess għall-professjoni ta’ terminologu jew dokumentalista huma indikati fl-avviżi ta’ kompetizzjoni u ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikati fis-sit EPSO jew fis-sit Curia.
Ara wkoll
>
