Jan Passer
President tal-Għaxar Awla
Bijografija
Imwieled fl-1974 fi Praga (iċ-Ċekoslovakkja), Jan Passer studja fl-Univerzita Karlova (l-Università Karlu, ir-Repubblika Ċeka) u hemm kiseb il-lawrea fid-dritt li kkompleta, fl-2000, b’master fid-dritt mill-iStockholms universitet (l-Università ta’ Stokkolma, l-Isvezja). Fl-2007, huwa sostna teżi tad-dottorat fl-Università Karlu.
Mill-1997, huwa eżerċita attivitajiet ġudizzjarji f’pajjiż twelidu, l-ewwel bħala awditur tal-ġustizzja fil-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), pożizzjoni li okkupa sal-2001, imbagħad bħala mħallef fl-Obvodní soud pro Prahu 2 (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga 2, ir-Repubblika Ċeka), mill-2001 sal-2005. Mill-2005 sal-2016, huwa kien imħallef fin-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka).
L-esperjenza miksuba tul il-prattika wasslet lil Jan Passer jgħallem bħala kap tal-kors fid-dritt tal-Unjoni, fost suġġetti oħra, fl-Univerzita Karlova mill-2001 sal-2003, fil-Masarykova univerzita (l-Università Masaryk, ir-Repubblika Ċeka) mill-2006 sal-2016 kif ukoll fl-Univerzita Palackého v Olomouci (l-Università Palacký ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka) mill-2014 sal-2016. Din il-perizja wasslitu wkoll jgħallem id-dritt, mill-2001 sal-2016, fl-Akkademja tal-Ġustizzja tar-Repubblika Ċeka.
Jan Passer ġie nnominat Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fid‑19 ta’ Settembru 2016. Huwa eżerċita hemm għal erba’ snin, qabel ma ġie nnominat, fis‑6 ta’ Ottubru 2020, Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja, fejn jeżerċita minn dakinhar il-mandat tiegħu.
Inkarigi, pożizzjonijiet jew funzjonijiet mhux remunerati
Membru fundatur taċ-Česká společnost pro evropské a srovnávací právo
