Maria José Costeira
Viċi Presidenta
Bijografija
Imwielda fl‑1967 f’Porto (il-Portugall), Maria José Costeira kisbet diploma fid-dritt mill-Fakultà tal-Liġi tal-Universidade de Coimbra (l-Università ta’ Coimbra, il-Portugall) fl‑1991 u segwiet, fl-2001, studji postuniversitarji fid-dritt tal-proprjetà intellettwali fil-Fakultà tal-Liġi tal-Universidade de Lisboa (l‑Università ta’ Lisbona, il-Portugall).
Avukata staġista mal-Kamra tal-Avukati ta’ Coimbra (il-Portugall) mill‑1991 sal‑1992, hija daħlet fiċ‑Centro de Estudos Judiciários (l-Iskola Nazzjonali tal-Maġistratura, il-Portugall) bħala uffiċjal ġudizzjarju staġista fl‑1992. Innominata mħallef fl‑1995, hija serviet fil-kariga mat-Tribunal Judicial da Comarca de Cascais (il-Qorti Distrettwali ta’ Cascais, il-Portugall), mat-Tribunal Judicial da Comarca de Ferreira do Zêzere (il-Qorti Distrettwali ta’ Ferreira do Zêzere, il-Portugall) u mat-Tribunal da Pequena Instância Criminal de Lisboa (il-Qorti Kriminali ta’ Lisbona, il-Portugall) mill‑1995 sal‑1997, mat‑Tribunal do Comércio da Comarca de Lisboa (il-Qorti Kummerċjali ta’ Lisbona, il-Portugall) mill‑1999 sal‑2016, kif ukoll mat-Tribunal da Relação de Coimbra (il-Qorti tal-Appell ta’ Coimbra, il‑Portugall) fl‑2016. L-attività tagħha fi ħdan il-ġudikatura ma kinitx limitata għat-trattament tal‑kawżi iżda kienet ikkaratterizzata wkoll mill-parteċipazzjoni tagħha fir-rappreżentanza tal-korp tal‑ġudikatura, fil-kwalità tagħha, mill‑2012 sal‑2015, ta’ segretarju ġenerali tal-assoċjazzjoni tal‑imħallfin Portugiżi, assoċjazzjoni li hija sussegwentement ippresjediet sal‑2016.
M. J. Costeira għallmet, bħala professoressa mistiedna, id-dritt tal-proprjetà industrijali, id-dritt tal‑kompetizzjoni u d-dritt kummerċjali fil-Fakultà tal-Liġi tal-Universidade de Lisboa (l-Università ta’ Lisbona), tal-Universidade de Coimbra (l-Università ta’ Coimbra), tal-Universidade Nova de Lisboa (l‑Università Ġdida ta’ Lisbona, il-Portugall), tal-Universidade Católica Portuguesa (l‑Università Kattolika Portugiża, il-Portugall), fi ħdan l-Escola de Direito da Universidade do Minho (l-Iskola tad-Dritt fl-Università ta’ Minho, il-Portugall) kif ukoll fiċ-Centro de Estudos Judiciários (l-Iskola Nazzjonali tal-Maġistratura), mill‑2003.
Hija nħatret Imħallef fil-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Settembru 2016, fejn M. J. Costeira ġiet fdata minn sħaba l-Imħallfin il-kariga ta’ Presidenta ta’ Awla mit‑30 ta’ Settembru 2019 sal‑31 ta’ Awwissu 2025. Hija ġiet eletta Viċi Presidenta tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Settembru 2026.
Affiljazzjonijiet ma’ fondazzjonijiet, organi jew stabbilimenti fl-oqsma legali, kulturali, artistiċi, soċjali, sportivi jew tal-karità
Membru tal-Kumitat Editorjali ta’ Newsletter ġuridika editjata miċ-Centro de Estudos Judiciários
