Iko Nõmm
Imħallef
Bijografija
Imwieled fl‑1977 f’Tallinn (l-Estonja), Iko Nõmm kiseb mit-Tartu Ülikool (l-Università ta’ Tartu, l-Estonja) diploma fid-dritt fl‑2001 u master fid-dritt fl‑2007. Huwa wettaq studji ta’ dottorat fid-dritt fit-Tartu Ülikool (l-Università ta’ Tartu), li fi tmiemhom huwa ddefenda t-teżi fid-dritt fl‑2013.
Huwa beda l-karriera professjonali tiegħu bħala konsulent fit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja) mill‑2001 sal‑2002 u ngħaqad, bħala uffiċjal ġudizzjarju stagiaire, mal-Harju Maakohtu (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju, l-Estonja). I. Nõmm hemmhekk eżerċita l-funzjonijiet ta’ mħallef mill‑2002 sal‑2007, qabel ma serva, mill‑2007 sal‑2019, fit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn). Huwa nħatar imħallef stagiaire fir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) mill‑2015 sal‑2016 u ġie kkollokat mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala maġistrat nazzjonali, mill‑2017 sal‑2018.
I. Nõmm iddedika ruħu wkoll għat-tagħlim bħala lettur fit-Tartu Ülikool mill‑2014 sal‑2019 u fid-dipartiment tat-taħriġ ta’ Riigikohus (il-Qorti Suprema) mill‑2015 sal‑2019. Barra minn hekk, huwa pprovda taħriġ mal-assoċjazzjoni tal-Kamra tal-Avukati Estonjana mill‑2015 sal‑2019 u serva fil-kumitat għall-eżami tal-imħallfin Estonjani bejn l‑2018 u l‑2019. Bejn l‑2015 u l‑2019, huwa kien membru tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni għall-għoti ta’ warrant ta’ avukat mill-Kamra tal-Avukati Estonjana.
I. Nõmm inħatar Imħallef fil-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Settembru 2019.
Affiljazzjonijiet ma’ fondazzjonijiet, organi jew stabbilimenti fl-oqsma legali, kulturali, artistiċi, soċjali, sportivi jew tal-karità
Membru tal-Eesti Kohtunike Ühing
