Statistika ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja - 2023
Ħarsa ġenerali fil-qosor tax-xejriet prinċipali fl-istatistika tas-sena li għaddiet
Minn Marc-André Gaudissart, Assistent Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja
Din il-kontribuzzjoni, li preċedentement kienet inkluża fit-test innifsu tar-rapport annwali tal-Istituzzjoni, għandha l-għan, bħal kull sena, li tipprovdi ħarsa ġenerali fil-qosor tax-xejriet prinċipali li jirriżultaw mill-qari tal-istatistika ġudizzjarja tas-sena li għaddiet. Hija tħares lejn is-suġġett, l-oriġini u n-natura tal-kawżi ġodda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2023 u tagħti xi ċifri ewlenin għall-kawżi magħluqa mill-qorti matul din l-istess sena.
I. Il‑kawżi ġodda
Bejn wieħed u ieħor, in-numru ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2023 jinsab eżattament fil-medja tal-aħħar tliet snin peress li bi 821 kawża, in-numru ta’ kawżi ġodda fl‑2023 huwa ogħla bi 15‑il kawża min-numru ta’ kawżi ġodda fl‑2022 (806 kawżi) u inqas bi 17‑il kawża min-numru ta’ kawżi ġodda fl‑2021 (838 kawża). It-tqassim tal-kontenzjuż skont in-natura tal-kawżi huwa, ukoll, globalment simili għal dak tas-snin preċedenti – ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari u l-appelli dejjem jirrappreżentaw, waħedhom, iktar minn 90 % tal-kawżi kollha mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (bi, rispettivament, 518‑il talba għal deċiżjoni preliminari ġdida u 231 appell, appelli għal miżuri provviżorji jew appelli fuq intervent) – iżda, dak li l-iktar ser jiġbed l-attenzjoni tal-qarrej, hija ż-żieda fin-numru ta’ rikorsi diretti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2023.
Filwaqt li dan in-numru kien laħaq livell minimu storiku fl‑2021, b’29 kawża ġdida biss, dan fil-fatt żdied għal 60 kawża fl‑2023, jiġifieri iktar mid-doppju. Din iż-żieda hija spjegata kemm miż-żieda fin-numru ta’ rikorsi għal annullament (8 rikorsi ppreżentati fl‑2023, meta mqabbel ma’ 2 biss fl‑2022, peress li Stat Membru (il-Polonja), waħdu, ippreżenta 7 rikorsi s-sena l-oħra kontra atti adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-oqsma tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-effiċjenza enerġetika) kif ukoll miż-żieda fin-numru ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet, fl‑2023, li tibda diversi proċeduri ta’ ksur paralleli marbuta mal-assenza ta’ traspożizzjoni jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri meħuda minn ċerti Stati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom bis-saħħa tat-Trattati. Parti rilevanti ta’ dawn il-kawżi tirrigwarda wkoll il-qasam tal-ambjent (il-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ sorveljanza tal-ispeċi aljeni invażivi, il-promozzjoni tal-użu ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli, it-trattament tal-ilma urban mormi u t-trattament tal-iskart …), iżda diversi minnhom jikkonċernaw ukoll l-oqsma iktar klassiċi tal-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija, tat-trasport, tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-suq uniku diġitali jew ukoll il-miżuri li għandhom jiġu implimentati sabiex jiġu protetti b’mod effettiv lill-informaturi [1].
Fil-qasam tad-deċiżjonijiet preliminari, ma hijiex sorpriża – fid-dawl tal-kuntest ġeopolitiku ġenerali u tal-għadd kbir ta’ kunflitti armati fuq l-għatba tal-Unjoni – fil-qasam tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2023 kienu l-iktar għoljin (82 talba għal deċiżjoni preliminari), numru minnhom kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-regoli dwar id-dritt għall-ażil u s-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Bħal fl‑2022, diversi domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja s-sena li għaddiet kienu jirrigwardaw l-oqsma tat-tassazzjoni, tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tat-trasport (bi, rispettivament, 53, 52 u 40 talba għal deċiżjoni preliminari), filwaqt li l-appelli ppreżentati fl‑2023 mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali essenzjalment kienu jirrigwardaw l-oqsma tal-proprjetà intellettwali, tal-kompetizzjoni, tal-għajnuna mill-Istat u tas-servizz pubbliku. Minkejja li jitfaċċaw oqsma ġodda ta’ kontenzjuż, dawn l-oqsma fil-fatt dejjem jirrappreżentaw l-parti l-kbira tal-attività tal-Qorti Ġenerali.
Għal dak li jirrigwarda l-oriġini ġeografika tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2023, għandu jiġi osservat li l-qrati tal-Istati Membri kollha, mingħajr eċċezzjoni, indirizzaw lill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-sena li għaddiet, u dan jixhed il-vitalità tad-djalogu “minn qorti għal qorti” stabbilit mit-Trattati. Bħal fis-snin preċedenti, il-qrati Ġermaniżi dejjem jokkupaw l-ewwel post fil-“klassifikazzjoni ġeografika” tar-rinviji (b’94 talba għal deċiżjoni preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2023), iżda din id-darba huma segwiti, mhux iktar mill-qrati Taljani, iżda mill-qrati Bulgari u Pollakki li adixxew lill-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, 51 u 48 darba matul is-sena li għaddiet. Fir-rigward tal-Polonja, in-numru ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula fl‑2023 jikkostitwixxi l-ogħla numru wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea, 20 sena ilu, filwaqt li n-numru ta’ rinviji magħmula mill-qrati Bulgari fl‑2023 joqrob, min-naħa tiegħu, lejn in-numru rekord ta’ rinviji magħmula minn dawn il-qrati fl‑2021 (58 talba).
Konstatazzjoni simili tista’ ssir fir-rigward tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li joriġinaw mir-Rumanija. B’mhux inqas minn 40 talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2023, il-qrati Rumeni fil-fatt wettqu numru għoli ta’ rinviji li jfakkar, huwa wkoll, l-ogħla livell li ntlaħaq fl-2019, sena li matulha kienu tressqu 49 talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Id-domandi magħmula mill-qrati Rumeni fl‑2023 jirrigwardaw oqsma differenti ħafna bħall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ kejbils tal-fibri ottiċi, is-sigurtà tal-ikel, il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti fil-kuntratti ta’ kreditu ddenominati f’munita barranija, id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż mediċi sostnuti fi Stat Membru differenti mill-Istat ta’ affiljazzjoni jew inkella r-relazzjoni delikata bejn l-istandards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipji ta’ supremazija, ta’ unità u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.
Fir-rigward tal-kontenzjuż ta’ urġenza, għandu jiġi nnotat li, bħal fl‑2022, it-talbiet għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura ta’ urġenza kienu ferm inqas numerużi mill‑2021. Filwaqt li matul dik is-sena, mhux inqas minn 90 talba kienu fil-fatt ġew ifformulati, bit-tipi kollha ta’ kawżi kkunsidrati flimkien, fl‑2023 tressqu 41 talba għal proċedura mħaffa. Ebda kawża ma ġiet issottomessa mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-proċedura mħaffa, filwaqt li l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari nbdiet darbtejn fl‑2023 f’kawżi li jikkonċernaw, rispettivament, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [2], u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE, tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 u tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni [3].
Min-naħa l-oħra, fil-qasam tal-appelli, qed nassistu għall-fenomenu oppost. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl‑2021, kienet ġiet adita b’9 appelli għal miżuri provviżorji jew fuq intervent, hija ġiet adita bi 18‑il appell ta’ din in-natura fl‑2023, jiġifieri d-doppju.
II. Il‑kawżi magħluqa
Bħal fil-każ tal-kawżi ġodda, in-numru ta’ kawżi magħluqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2023 jinsab fil-medja tal-aħħar tliet snin. Matul is-sena li għaddiet, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt għalqet 783 kawża fl‑2023, meta fl‑2021 kienet għalqet 771 kawża u fl‑2022 kienet għalqet 808 kawżi. Riflessjoni fidila tas-sehem li jirrappreżentaw fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari u l-appelli jikkostitwixxu, mingħajr sorpriża, il-parti l-kbira tal-kawżi magħluqa mill-qorti fl‑2023.
Jekk jiġi eżaminat iktar mill-qrib il-mod ta’ għeluq tal-kawżi matul is-sena li għaddiet, għandu jiġi osservat li dan huwa wkoll qrib ħafna tal-mod ta’ għeluq tal-kawżi fl‑2022. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet fil-fatt adottat dik is-sena 466 sentenza u 265 digriet, ta’ kull tip, in-numru ta’ sentenzi u ta’ digrieti jammonta rispettivament għal 469 u 253 fl‑2023, jiġifieri numru kważi identiku għal dak tas-sena preċedenti. Din il-konstatazzjoni tgħodd ukoll għad-digrieti ta’ natura ġudizzjarja li jtemmu l-istanza, minbarra d-digrieti ta’ tħassir, li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni jew li jintbagħtu lura quddiem il-Qorti Ġenerali. In-numru tagħhom kien jammonta, rispettivament, għal 167 fl‑2022 u 163 fl‑2023, iżda t-tqassim ta’ dawn id-digrieti min-natura tagħhom huwa kemxejn differenti.
Filwaqt li fl‑2022, 12.7 % tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari kienu ngħalqu permezz ta’ digriet adottat jew abbażi tal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jew abbażi tal-Artikolu 99 ta’ dawn ir-Regoli, jew inkella abbażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien, din il-perċentwali tiżdied is-sena l-oħra għal 14.6 %. Fir-rigward tal-appelli, min-naħa l-oħra, il-perċentwali tal-kawżi magħluqa permezz ta’ digriet skont l-Artikoli 181 jew 182 tar-Regoli tal-Proċedura tonqos peress li naqset minn 56.8 % fl‑2022 għal 45.9 % fl‑2023. Din il-varjazzjoni hija spjegata mill-għeluq, fl‑2023, ta’ numru ikbar ta’ appelli permezz ta’ sentenza, fejn diversi kawżi kumplessi kienu jeħtieġu seduta u/jew il-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
Għalkemm l-appelli taw lok, is-sena l-oħra, għal numru ta’ sentenzi ikbar milli fl‑2022, dan ma jimplikax, madankollu, li n-numru ta’ annullamenti tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali qed jiżdied. F’dawn l-aħħar snin, qed tiġi osservata fil-fatt stabbiltà kbira fil-livell tas-sens tal-għeluq tal-appelli, irrispettivament mill-mod ta’ għeluq użat. Mill‑201 appell magħluqa fl‑2023, 37 wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u 10 minnhom biss taw lok li jintbagħtu lura quddiem il-Qorti Ġenerali. Hawnhekk ukoll, iċ-ċifri huma pjuttost paragunabbli ma’ dawk tas-sena preċedenti peress li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali ġew annullati 39 darba fl‑2022 (minn total ta’ 196 appell magħluq) u l-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali biss f’9 każijiet.
Bħal fl‑2022, il-kawżi magħluqa mill-awli bi tliet Imħallfin – inkluża l-Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli – jirrappreżentaw iktar minn nofs il-kawżi magħluqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2023 (minbarra d-digrieti ta’ tħassir, li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni jew li jintbagħtu lura quddiem il-Qorti Ġenerali). Madankollu, għandu jiġi nnotat li s-sehem tal-kawżi magħluqa mill-awli b’ħames Imħallfin żdied matul is-sena li għaddiet – peress li dawn il-kulleġġi ġudikanti għalqu 298 kawża fl‑2023, kontra 270 is-sena preċedenti – filwaqt li s-sehem tal-kawżi magħluqa mill-Awla Manja, naqset bin-nofs, minn 80 kawża magħluqa minn dan il-kulleġġ ġudikanti fl‑2022 għal 36 kawża biss fl‑2023. Dan l-iżvilupp huwa l-konsegwenza ta’ approċċ iktar selettiv tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kawżi li jeħtieġu l-intervent tal-Awla Manja minħabba, b’mod partikolari, in-numru u l-kumplessità tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda dan huwa spjegat ukoll mill-eżistenza ta’ ġurisprudenza stabbilita sew f’ċerti suġġetti, li tippermetti b’mod iktar faċli milli fil-passat li jintbagħtu quddiem kulleġġ ġudikanti iżgħar, kompost minn 5 Imħallfin.
Fir-rigward tat-tul tal-proċeduri, għandu jiġi osservat li t-tul medju globali tat-trattament tal-kawżi, bit-tipi kollha ta’ kawżi kkunsidrati flimkien, huwa kemxejn inqas minn dak tas-sena preċedenti peress li jammonta għal 16.1 xahar fl‑2023, meta mqabbel ma’ 16.4 xhur fl‑2022. Dan it-tnaqqis huwa prinċipalment dovut għat-tnaqqis tat-tul medju tat-trattament tar-rikorsi diretti (minn 23.5 xhur fl‑2022 għal 20.8 xhur fl‑2023) u, sa ċertu punt, minn dak tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari (minn 17.3 xhur għal 16.8 xhur). It-tul medju tat-trattament tal-kawżi jibqa’ madankollu jiddependi fuq il-kumplessità tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fuq il-mod ta’ għeluq tagħhom, u dan jispjega l-importanza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lit-talba li hija ppreżentat lil-leġiżlatur tal-Unjoni fit‑30 ta’ Novembru 2022 sabiex tittrasferixxi lill-Qorti Ġenerali parti mill-kompetenza li hija teżerċita fil-qasam tad-deċiżjoni preliminari u bl-għan li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli.
III. Il‑kawżi pendenti
Fil‑31 ta’ Diċembru 2023, kienu pendenti 1149 kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri madwar erbgħin kawża addizzjonali meta mqabbla mas-sena preċedenti. Peress li l-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi huma talbiet għal deċiżjoni preliminari (760 kawża) u ta’ appell (289 kawża), l-implimentazzjoni tar-riforma msemmija sa issa ser ikollha inevitabbilment impatt fuq din l-istatistika peress li din ser twassal, meta tidħol fis-seħħ, għat-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tat-talbiet il-ġodda għal deċiżjoni preliminari li jaqgħu taħt ċerti oqsma.
[1] Fl‑2023, il-Kummissjoni ppreżentat rikorsi kontra 6 Stati Membri minħabba nuqqas ta’ adozzjoni jew ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17). Ara l-Kawżi C‑147/23, C‑149/23, C‑150/23, C‑152/23, C‑154/23 u C‑155/23 (rikorsi ppreżentati, rispettivament, kontra r-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja u l-Ungerija).
[2] Ara s-sentenza tat‑18 ta’ April 2023 fil-Kawża C‑1/23 PPU, Afrin (EU:C:2023:296).
[3] Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża C‑107/23 PPU, Lin (EU:C:2023:606).
