Database tal-ġurisprudenza InfoCuria u għodda ta’ tfittxija ġodda

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea nediet verżjoni aġġornata ta’ InfoCuria, id-database tal-ġurisprudenza u l-magna tat-tfittxija tagħha.

Din il-pjattaforma l-ġdida, ċara, intuwittiva u faċli biex tintuża mill-utent, tipprovdi aċċess dirett għal firxa wiesgħa ta’ dokumenti u ta’ data relatati max-xogħol tal-Qorti.

Permezz tal-magna ta’ tfittxija aġġornata, l-utenti jistgħu jsibu kollox, minn sentenzi, konklużjonijiet u digrieti għal atti proċedurali, sunti tal-kawżi u stqarrijiet għall-istampa. InfoCuria tinkludi wkoll data rilevanti dwar il-kuntest ta’ kawża, inklużi klassifikazzjonijiet tal-kawżi, referenzi għall-atti u għad-deċiżjonijiet iċċitati, kif ukoll kliem gwida li jiffaċilita l-fehim u l-eżami tad-dritt tal-Unjoni.

Il-pjattaforma l-ġdida toffri esperjenza ta’ tfittxija simili għall-magni tat-tfittxija online l-iktar użati, li tkopri kemm it-test sħiħ kif ukoll il-metadata tad-dokumenti. Karatteristiċi bħal suġġerimenti awtomatiċi, tfittxija approssimattiva, operaturi Booleani, filtri, irfinar tar-riżultati u enfasi fit-test jagħmlu l-kisba tal-informazzjoni mixtieqa iktar rapida u faċli.

Din il-pjattaforma l-ġdida għandha tiġi aġġornata regolarment hekk kif il-Qorti tistinka sabiex ittejjeb is-servizz li tipprovdi. Qed tiġi żviluppata interfaċċa ta’ tfittxija avvanzata adattata għall-professjonisti legali li għandha titnieda dalwaqt. Din tippermetti riċerki b’diversi kriterji, inklużi filtri skont il-qorti tar-rinviju, it-tip ta’ proċedura, l-eżitu tal-kawża, il-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Avukat Ġenerali jew l-Imħallef Relatur ikkonċernat. Il-verżjonijiet sussegwenti tal-magna tat-tfittxija għandhom jindikaw ukoll kontenut ieħor fis-sit internet, inklużi riżorsi legali siewja bħal dokumenti tematiċi, noti ta’ riċerka u bulettini ta’ kull xahar.

InfoCuria issa hija disponibbli fl‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni, u dan jippermetti lill-utenti jfittxu u jinnavigaw fis-sit bil-lingwa tal-għażla tagħhom.

Permezz ta’ din il-modernizzazzjoni, il-Qorti tagħmel il-ġurisprudenza tagħha iktar aċċessibbli u l-attivitajiet tagħha iktar faċli sabiex jiġu segwiti, li tagħti liċ-ċittadini, lir-riċerkaturi u lill-professjonisti legali mod aħjar kif jinvolvu ruħhom mad-dritt u mal-ġustizzja tal-Unjoni.

Skopri x’għandha x’toffri l-magna tat-tfittxija il-ġdida!