Sit internet ġdid
Tfassil mill-ġdid tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: aċċess iktar faċli għal informazzjoni ċara u komprensiva.
Is-sit internet li għadu kif tfassal mill-ġdid huwa punt ta’ riferiment ewlieni għaċ-ċittadini madwar l-Unjoni u lil hinn minnha sabiex jingħaqdu mal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-ħidma tagħha.
Is-sit ġie allinjat mal-istandards tal-internet l-iktar reċenti u l-modernizzazzjoni tiegħu toffri esperjenza ċara u aċċessibbli għall-viżitaturi kollha, kemm jekk ikunu professjonisti legali, riċerkaturi, studenti jew ċittadini li jkunu jixtiequ jsiru jafu iktar dwar il-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sit jiffoka fuq tliet bidliet ewlenin:
- l-arkitettura tal-informazzjoni issa hija intuwittiva u faċli biex tintuża mill-utent;
- id-disinn ġie mmodernizzat, li jagħmel in-navigazzjoni iktar faċli u bi standards għoljin ta’ aċċessibbiltà; u
- il-kontenut inkiteb mill-ġdid b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem, kemm għall-esperti kif ukoll għal dawk li ma humiex esperti.
Il-viżitaturi issa jistgħu jesploraw
- kontenut eżistenti li ġie aġġornat u ssemplifikat, mill-mod kif wieħed iżur il-Qorti tal-Ġustizzja sal-impjiegi
- kontenut ġdid, inkluż gwida dwar il-proċeduri quddiem kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-Qorti Ġenerali, kif ukoll taqsimiet dwar l-istorja tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kellha impatt fuq il-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni, u gwida dwar l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku
- informazzjoni dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-valuri li jmexxuha u l-politiki istituzzjonali tagħha, li jippermettu liċ-ċittadini jifhmu aħjar il-funzjonament intern tal-Qorti tal-Ġustizzja
Is-sit iservi wkoll bħala pont għal żewġ riżorsi sinjifikattivi: id-database tal-ġurisprudenza u l-magna ta’ tfittxija InfoCuria mfassla mill-ġdid, kif ukoll il-pjattaforma awdjoviżiva l-ġdida tal-Qorti tal-Ġustizzja, Curia Web TV.
Disponibbli fl‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni, is-sit Curia jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni kollha l-aċċess għall-informazzjoni bil-lingwa tagħhom stess. Għall-paġni kollha li ma humiex aċċessibbli fil-lingwi kollha, hija disponibbli għodda ta’ traduzzjoni awtomatika.
Bis-saħħa ta’ dan it-titjib, is-sit Curia jafferma mill-ġdid l-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja favur it-trasparenza u l-ftuħ bħala prinċipji fundamentali tal-Unjoni. Huwa joffri lill-pubbliku ħarsa ġenerali iktar ċara tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja u aċċess iktar faċli għall-informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, u b’hekk jgħin sabiex il-ġustizzja Ewropea titqarreb lejn il-pubbliku.
