Curia Web TV: il-pjattaforma awdjoviżiva l-ġdida tal-Qorti tal-Ġustizzja
Tnedija ta’ Curia Web TV, pjattaforma awdjoviżiva pubblika ġdida sabiex tippromwovi l-ftuħ u t-trasparenza.
Permezz ta’ programmi multilingwi li jinvolvuk, Curia Web TV tqarreb lejn il-pubbliku d-dritt tal-Unjoni u l-ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod informattiv u aċċessibbli.
Il-pjattaforma l-ġdida għandha t-taqsima speċifika tagħha fis-sit Curia. Il-programmi jsegwu l-kalendarju ġudizzjarju u jinkludu
- xandira diretta ta’ sentenzi u ta’ konklużjonijiet
- trażmissjoni ta’ seduti b’mod differit
- briefings li jispjegaw il-problemi legali ta’ seduti speċifiċi li jkunu għaddejjin
- videos qosra li fihom il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja jippreżentaw sentenzi reċenti li jistabbilixxu prinċipji
Minbarra l-aħbarijiet ġudizzjarji, Curia Web TV tintroduċi wkoll tliet programmi speċjalizzati ġodda li ser jixxandru regolarment minn fuq il-pjattaforma.
- Cour de Citoyens (Il-Qorti taċ-ċittadini) hija sensiela edukattiva li tispjega l-kompożizzjoni, il-kompetenza u l-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’eżempji konkreti ta’ kif is-sentenzi tagħha jinfluwenzaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum.
- Open Court (Qorti miftuħa) tinkludi intervisti minn wara l-kwinti mal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jagħtu indikazzjonijiet dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja.
- Bright (Dawl) tenfasizza r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma ta’ interess partikolari għaċ-ċittadini b’lingwaġġ sempliċi b’format qasir u animat.
Il-programmi jiġu prodotti fil-lingwi uffiċjali differenti tal-Unjoni u jiġu ssottotitolati fl-oħrajn, li jiżgura l-aċċessibbiltà għal kulħadd. Il-kontenut ser jiġi kondiviż ukoll fil-kontijiet tal-midja soċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Bit-tnedija ta’ Curia Web TV, il-Qorti tal-Ġustizzja żżid it-trasparenza u tqajjem kuxjenza dwar il-ħidma tagħha, filwaqt li tipprovdi materjal awdjoviżiv ta’ kwalità għoli liċ-ċittadini, lill-edukaturi u lill-midja. Hija toffri mod ġdid u attraenti għall-iskoperta tad-dritt tal-Unjoni u tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja.
