Référendaires fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea
L-elementi essenzjali
- Post :
- Il-Lussemburgu
- Grad :
- AD 8-14
- Tip ta’ kuntratt :
- Membru tal-persunal temporanju
Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”) qiegħda tniedi sejħa permanenti għal kandidaturi bil-għan li tiġi stabbilita database li tiġbor fiha diversi kandidaturi u li tkun tista’ tintuża meta jkun hemm bżonn li jiġu rreklutati référendaires bħala membri tal-persunal temporanju jew bħala membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt 1 assenjati mal-Membri tal-Qorti Ġenerali 2.
F’ħidma mill-qrib ħafna mal-Imħallfin imsemmija iktar ’il fuq u taħt is-superviżjoni tagħhom, ir-référendaires huma responsabbli għat-tħejjija tad-dokumenti marbuta mat-trattament ġudizzjarju tal-kawżi li fihom dawn l-Imħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom bħala relatur jew ġudikant.
Il-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati jeħtieġu, b’mod partikolari:
- taħriġ ġuridiku komplet attestat minn diploma universitarja fid-dritt;
- konoxxenza approfondita tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari f’wieħed jew iktar mill-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll konoxxenza tajba tar-regoli proċedurali u tat-teknika kontenzjuża;
- kapaċità tajba ta’ analiżi u ta’ sinteżi fir-rigward ta’ kwistjonijiet tad-dritt kumplessi;
- kapaċità ta’ tfassil ta’ testi legali bil-Franċiż (livell minimu ta’ B2.1 fil-Franċiż huwa meħtieġ) 3;
- kapaċità sodisfaċenti fl-użu tal-għodda tal-informatika u tad-databases legali;
- kapaċità tajba ta’ komunikazzjoni ma’ persuni li jkollhom taħriġ legali differenti kif ukoll ftuħ kulturali u lingwistiku.
Għalkemm ma humiex neċessarji, jikkostitwixxu vantaġġ għall-pożizzjoni inkwistjoni:
- esperjenza professjonali f’pożizzjoni simili fi ħdan qorti jew fi ħdan uffiċju ta’ avukati, struttura governattiva, istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea;
- konoxxenza tajba ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni
Il-pożizzjoni ta’ référendaire tirrikjedi disponibbiltà kbira, kapaċità konkreta ta’ ħidma f’tim kif ukoll livell għoli ta’ responsabbiltà, ta’ rigorożità, ta’ organizzazzjoni u ta’ diskrezzjoni.
Jekk inti interessat f’eventwali reklutaġġ fi ħdan il-Qorti Ġenerali u tqis li tissodisfa l- kundizzjonijiet meħtieġ, tista’ tippreżenta l-kandidatura tiegħek permezz tal-applikazzjoni: EU CV online: https://curia.europa.eu/apply.
Il-fatt li kandidat jippreżenta kandidatura għal din is-sejħa permanenti għal kandidaturi ma huwiex garanzija li l-kandidat ser jissejjaħ għal intervista jew li ser issirlu offerta għal impjieg fi ħdan il-Qorti Ġenerali.
Fil-każ ta’ pożizzjoni vakanti, il-Membri tal-Qorti Ġenerali ser ikunu jistgħu jikkonsultaw id- database u jagħżlu l-kandidat jew il-kandidata li l-profil tiegħu jew tagħha jikkorrispondi għar-rekwiżiti meħtieġa għall-pożizzjoni li jkollha timtela. F’dan il-każ, il-persuna kkonċernata ser tiġi kkuntattjata, permezz ta’ ittra elettronika jew bit-telefon, direttament mill-uffiċċju tal-Membru.
Id-data ser tibqa’ attiva għal perijodu ta’ sitt xhur jew għal perijodu iqsar jekk tħassar iċ-CV online tiegħek qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Ladarba jiskadi dan it-terminu, inti tista’ tiddeċiedi li tattiva mill-ġdid id-data tiegħek jekk tixtieq li l-profil tiegħek jinżamm fid- database. Ladarba d-data tiegħek issir inattiva, il-profil tiegħek ma jkunx jista’ jibqa’ jiġi kkonsultat, u lanqas ma jkun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni f’tiftix anonimu, u inti biss ikollok aċċess għal din id-data sabiex tattivaha mill-ġdid. Wara tnax-il xahar mingħajr attività, id-data titħassar kompletament mid-database.
L-għan tal-ġbir, il-modalitajiet ta’ pproċessar u t-tul taż-żamma tad-data personali tal- kandidati permezz ta’ din l-applikazzjoni huma spjegati fid-dettall fl-avviż li jinsab anness.
1 Il-membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt jissostitwixxu lir-référendaires li ma jkunux jistgħu jaqdu l- funzjonijiet tagħhom minħabba mard jew minħabba leave tal-maternità.
2 L-uffiċjali jistgħu jiġu assenjati fl-interess tas-servizz. Fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ référendaire li jkun assenti minħabba leave tal-mard jew tal-maternità, l-uffiċjali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-uffiċċju kkonċernat.
3 Skont il-livell tal-Franċiż tal-kandidati magħżula, jiġi propost programm ta’ taħriġ u ta’ perfezzjonament lingwistiku.
X’noffru
- Ambjent multikulturali
- Remunerazzjoni attraenti u allowances
- Taħriġ kontinwu
- Ċentru sportiv
