InfoCuria Ġdida – Mistoqsijiet Frekwenti u Pariri għat-Tfittxija
Pariri u suġġerimenti dwar kif tikseb l-aħjar riżultati mill-magna ta’ tfittxija l-ġdida InfoCuria, li tnediet fit‑12 ta’ Jannar 2026.
L-interface l-ġdida tal-magna ta’ tfittxija InfoCuria tal-Qorti tal-Ġustizzja tnediet fit‑12 ta’ Jannar 2026. Bħalma jiġri ma’ kull servizz ġdid, numru ta’ utenti kkuntattjawna b’mistoqsijiet u feedback.
Il-feedback li nirċievu jgħinna nkomplu ntejbu s-servizz.
Barra mill-għajnuna online, sabiex nipprovdu għajnuna lill-utenti rigward l-iktar problemi komuni, ħloqna din il-lista ta’ tweġibiet għal mistoqsijiet u pariri sabiex tgħin fit-tfittxija bl-użu tal-interface il-ġdid.
Kif tgħaqqad kriterji differenti fi tfittxija waħda
L-interface l-ġdida taħdem b’sistema ta’ filtri li jistgħu jiġu applikati qabel jew wara tfittxija. Għalhekk huwa possibbli li twettaq tfittxija ta’ test u mbagħad, permezz tal-użu tal-filtri, tirfina l-lista tar-riżultati.
Huwa wkoll possibbli li tuża l-filtri direttament, mingħajr ma ddaħħal kelma ta’ tfittxija qabel. Jekk tintgħażel li tagħmel hekk, huwa possibbli wkoll li ssir tfittxija ta’ test wara li jiġu applikati l-filtri.
Għaliex il-filtri disponibbli fit-tabs tat-tliet riżultati huma differenti?
L-interface l-ġdida tipprovdi biss il-filtri li jkunu rilevanti għall-informazzjoni kollha li tkun qed tiġi ppreżentata.
Bħala riżultat, filtri bħal “Tip ta’ dokument” jew “Atti leġiżlattivi ċċitati fid-dokument” jkunu disponibbli biss fit-tab “konklużjonijiet u deċiżjonijiet”, peress li dan it-tab jippreżenta dokumenti.
Bl-istess mod, il-filtru “Tip ta’ proċedura” huwa disponibbli biss fit-tab “Kawżi”.
Tfittxija skont l-att leġiżlattiv u l-ġurisprudenza ċċitata fis-sentenzi u fil-konklużjonijiet
Huwa possibbli li tfittex sentenzi u konklużjonijiet li jiċċitaw biċċa leġiżlazzjoni speċifika jew sentenza speċifika.
Dan jista’ jsir fit-tab “Konklużjonijiet u deċiżjonijiet”, permezz tal-aħħar filtru “Leġiżlazzjoni u ġurisprudenza ċċitata”.
Bħalissa t-tfittxija għandha ssir permezz tan-numru CELEX. Din l-infografika tipprovdi gwida dwar il-kostruzzjoni tan-numri CELEX. Qed jiġu kkunsidrat li tiġi introdotta sistema iktar intuwittiva ta’ tfittxija għal-leġiżlazzjoni ċċitata fil-verżjoni l- li jmiss.
Hekk kif tikteb in-numru CELEX, jiġu proposti diversi għażliet awtomatikament.
Tfittxija għal artikolu speċifiku permezz ta’ CELEX
Numri ta’ artikoli jistgħu jiġu miżjuda wara numru CELEX permezz ta’ ‑A01, pereżempju, għall-Artikolu 1. Tista’ wkoll iżżid subparagrafi, ‑A01P1.
In-numri ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi wkoll jiġu proposti awtomatikament. Jekk ma jiġix propost artikolu, dan ifisser li ma jkun hemm l-ebda riżultat għal dik id-dispożizzjoni partikolari.
Eżempju: Sentenzi u konklużjonijiet li jiċċitaw l-Artikolu 10 tar-Regolament 1215/2012 jinsabu bin-numru CELEX “32012R1215‑A10”.
Tfittxija għal leġiżlazzjoni ċċitata fit-tab “Kawżi”
Il-filtru “leġiżlazzjoni u ġurisprudenza ċċitata” huwa sett ta’ data li, attwalment, japplika biss għal sentenzi, konklużjonijiet u digrieti. Għalhekk, huwa disponibbli biss fit-tab “Konklużjonijiet u deċiżjonijiet”.
Meta ser ikun hemm mod iktar faċli biex tfittex dokumenti li jiċċitaw att leġiżlattiv mingħajr numru CELEX?
L-għan tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tkompli tiżviluppa InfoCuria b’mod kostanti, u t-titjib tal-karatteristiċi tat-tfittxija avvanzata huwa prijorità. Verżjonijiet futuri ser itejbu t-tfittxija avvanzata, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi iktar sempliċi biex tfittex leġiżlazzjoni ċċitata.
Tfittxija skont in-numru jew l-isem tal-kawża
Il-funzjoni ta’ tfittxija ta’ test tista’ tintuża sabiex issib kawża permezz tan-numru jew tal-isem tagħha. Ir-riżultati jistgħu jittejbu permezz ta’ tfittxija ta’ kelma preċiża bl-użu ta’ virgoletti, jew tas-suġġerimenti proposti awtomatikament.
Jekk qed tfittex kawża li ġiet iċċitata f’kawżi sussegwenti, it-tfittxija tiegħek tista’ tagħti ħafna riżultati. Il-bidla fl-ordni li fiha jiġu ppreżentati r-riżultati għal “Rilevanza” hija ġeneralment biżżejjed biex tissolva l-kwistjoni.
Tfittxija permezz ta’ kriterji avvanzati
L-għan tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tkompli tiżviluppa InfoCuria b’mod kostanti, u t-titjib tal-karatteristiċi tat-tfittxija avvanzata huwa prijorità. Verżjonijiet futuri ser itejbu t-tfittxija avvanzata, u ser jinkludu formola ta’ tfittxija avvanzata bi kriterji multipli. Dan ser jippermetti t-tfittxija ta’ numru ta’ kriterji li bħalissa ma humiex disponibbli bħala kriterji awtonomi, inkluż:
- Numru tal-kawża
- Isem il-kawża
- Leġiżlazzjoni ċċitata (mingħajr il-bżonn ta’ numru CELEX)
- Sors tad-domanda għal deċiżjoni preliminari
- Lingwa tal-kawża
- Kulleġġ ġudikanti
- Imħallef Relatur
- Avukat Ġenerali
Jekk jogħġbok innota li bħalissa huwa possibbli li tagħmel tfittxija b’xi wħud minn dawn il-kriterji permezz ta’ tfittxija ta’ test, b’ċerti limitazzjonijiet. Dawn il-limitazzjonijiet spiss jistgħu jitnaqqsu permezz ta’ bidla fl-ordni li fiha jiġu ppreżentati r-riżultati għal “Rilevanza”.
Lingwa tal-kawża
Il-lingwa tal-kawża tiġi indikata f’kull avviż dwar kawżi ġodda ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, u f’kull sentenza. Tfittxija bil-frażi “Lingwa tal-kawża: l-Ingliż”), bil-virgoletti, ser tagħti għalhekk il-kawżi kollha b’dokument ippubblikat b’dik il-lingwa bħala lingwa tal-proċedura.
Limitazzjoni: Ma ssibx kawżi ġodda li jkunu għad ma għandhomx dokument ippubblikat.
Oriġini ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari – skont il-pajjiż
Għal dawk il-pajjiżi li għandhom lingwa waħda biss, huwa possibbli li tgħaqqad it-tfittxija tal-lingwa tal-kawża deskritta iktar ’il fuq mal-filtru “Tip ta’ proċedura” sabiex issib ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari kollha minn dak il-pajjiż.
Limitazzjoni: Ma ssibx kawżi ġodda li jkunu għad ma għandhomx dokument ippubblikat.
Limitazzjoni: Għal pajjiżi li għandhom lingwa komuni, ir-riżultati juru kawżi minn kull pajjiż li juża dik il-lingwa. Dan jaffettwa l-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza, l-Irlanda (ħlief għal kawżi bl-Irlandiż), Ċipru, il-Lussemburgu, Malta (ħlief għal kawżi bil-Malti), il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija.
Oriġini ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari – skont il-qorti
Għat-tfittxijiet minn qorti speċifika, tfittxija ta’ test fit-tab “Kawżi”, bl-isem tal-qorti tar-rinviju bejn virgoletti, pereżempju “Oberster Gerichtshof” u l-limitazzjoni tar-riżultati permezz tal-filtru “Sors tar-riżultati” li jindika “Data”, ser tipproduċi l-kawżi kollha mressqa minn dik il-qorti.
Limitazzjoni:: it-tfittxija tinkludi wkoll tfittxija fin-“Noti dwar kitbiet akkademiċi”. Kitbiet akkademiċi li jinkludu l-isem tal-qorti fit-titlu tagħhom ser jinstabu wkoll. Dan jikkonċerna b’mod partikolari lill-qrati ogħla u supremi. Bidla fl-ordni li fiha jiġu ppreżentati r-riżultati għal rilevanza jnaqqas din il-problema.
Kulleġġ ġudikanti
Tfittxija ta’ test fit-tab “Kawżi”, bl-isem tal-awla bejn virgoletti, pereżempju “Is-Seba’ Awla’” u l-limitazzjoni tar-riżultati permezz tal-filtru “Sors tar-riżultati” li jindika “Data”, ser turi l-kawżi kollha ta’ dik l-awla.
Imħallef Relatur u Avukat Ġenerali
Tfittxija ta’ test fit-tab “Kawżi”, bil-kunjom tal-Imħallef jew tal-Avukat Ġenerali bejn virgoletti, pereżempju “van der Woude” u l-limitazzjoni tar-riżultati permezz tal-filtru “Sors tar-riżultati” li jindika “Data”, issib il-kawżi kollha fejn dik il-persuna kienet jew Imħallef Relatur jew Avukat Ġenerali.
Limitazzjoni: jekk dak il-Membru kien kemm Imħallef kif ukoll Avukat Ġenerali, mhux possibbli li jiġu sseparati l-kawżi fejn aġixxa fil-kwalità ta’ Mħallef minn dawk fejn aġixxa fil-kwalità ta’ Avukat Ġenerali.
Limitazzjoni: it-tfittxija tinkludi wkoll tfittxija fin-“Noti dwar kitbiet akkademiċi”. Jekk il-Membru inkwistjoni kiteb artiklu akkademiku dwar kawża, dan jiġi inkluż fil-lista tar-riżultati. Bidla fl-ordni li fiha jiġu ppreżentati r-riżultati għal rilevanza jnaqqas din il-problema.
Konsultazzjoni tas-sentenzi u tad-dokumenti l-oħra
Id-disinn tas-sit li jipprovdi konsultazzjoni fuq in-naħa tal-lemin tal-iskrin tad-dokument (preview), għandu l-għan li jgħin lill-utenti jevalwaw jekk id-dokument ikunx tassew utli qabel ma jinfetaħ fi skrin sħiħ. Dan jevita li jkollok diversi tabs miftuħa jew li jkollok tmur lura u ’l quddiem bejn id-dokumenti u l-lista tar-riżultati.
Sabiex tiftaħ dokument fi skrin sħiħ, agħfas fuq il-buttuna tat-tniżżil:
tipprovdi aċċess għal pop‑up li turi l-lingwi u l-formati kollha disponibbli. Il-ftuħ ta’ verżjoni HTML minn dan l-iskrin jiftaħ id-dokument f’tab ġdida.
Fil-verżjonijiet futuri ser jiġi kkunsidrat titjib sabiex tmur mill-preview lejn it-test sħiħ.
Stampar ta’ dokumenti
Il-verżjonijiet HTML tad-dokumenti mhux dejjem jiġu stampati korrettament mill-perspettiva ta’ skrin sħiħ għas-sentenzi.
Sabiex tiżgura stampar korrett, jekk jogħġbok uża l-buttuna tal-istampar ħdejn il-menu tal-lingwa fil-modalità “Preview” tad-dokument.

Esportazzjoni ta’ listi tar-riżultati
Il-listi tar-riżultati jistgħu jiġu esportati. Permezz taż-żieda fin-numru tar-riżultati murija fuq kull paġna sal-massimu ta’ 100, huwa possibbli li jiġu esportati 100 riżultat f’daqqa kemm fil-format .csv kif ukoll fil-format .xlsx.
Meta nagħfas fuq l-ikona ta’ Eur‑lex għas-sentenzi, nara skrin vojt.
Fis-sit ta’ InfoCuria jkun hemm informazzjoni disponibbli qabel ma din tiġi ppubblikata fuq Eur‑lex. Jekk il-link inkwistjoni jkun għal dokument ġdid, dan jista’ jiġri.
Jekk id-dokument mhux ġdid, jekk jogħġbok ikkuntattjana u agħtina l-link u d-dokument li pprovajt taċċessa sabiex inkunu nistgħu nikkoreġu l-link nieqes.
Meta ser jkun hemm disponibbli verżjoni b’għodod ta’ tfittxija avvanzati?
L-għan tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tkompli tiżviluppa InfoCuria b’mod kostanti, u t-titjib tal-karatteristiċi tat-tfittxija avvanzata huwa prijorità. Bħalissa qed titħejja verżjoni ġdida tal-interface. Din il-verżjoni l-ġdida tinkludi formola ta’ tfittxija avvanzata bi kriterji multipli. Il-pubblikazzjoni ta’ din il-verżjoni bħalissa hija prevista għar-rebbiegħa 2026.
Għal iktar informazzjoni ara Żviluppi fil-futur qarib għall-magna ta’ tfittxija InfoCuria.
X’ġara lill-feeds RSS?
Il-feeds RSS għas-sentenzi u għall-konklużjonijiet ma humiex iktar eżistenti.
Il-feeds RSS għall-istqarrijiet għall-istampa ġew ittrasferiti lejn is-sit il-ġdid. Tista’ ssib iktar dettalji fil-paġna RSS.
Għal dawk li jixtiequ jkollhom feeds RSS personalizzati, dan is-servizz huwa offrut minn Eur‑lex.
