Statistika ġudizzjarja tal-Qorti Ġenerali - 2025

Sena intensa u produttiva

 

Is-sena 2025 kienet, minn diversi aspetti, sena intensa għall-Qorti Ġenerali.

L-ewwel nett, din kienet sena ta’ tibdil: f’Ġunju, żewġ Imħallfin ġodda ngħaqdu mal-Qorti Ġenerali f’pożizzjonijiet li kienu ilhom vakanti minn Ottubru 2024, u mbagħad, f’Settembru, erba’ Mħallfin telqu mill-Qorti Ġenerali u tliet Imħallfin ġodda ngħaqdu magħha b’mandati ta’ sitt snin. B’hekk, żdiedet pożizzjoni vakanti oħra ma’ dik li ilha vakanti minn Ottubru 2024. Il-qorti, li teoretikament hija komposta minn 54 Imħallef, qatt ma operat b’dan in-numru sħiħ sa fejn f’Ġunju kellha 51 Imħallef, bejn Ġunju u Settembru kellha 53 Imħallef u minn Settembru kellha 52 Imħallef.

It-tieni nett, minkejja dan in-numru mnaqqas ta’ Mħallfin, il-Qorti Ġenerali għalqet l-ikbar numru ta’ kawżi li qatt għalqet fl-istorja tagħha matul sena kalendarja waħda. Minkejja numru rekord ta’ kawżi mressqa, hija naqqset il-volum ta’ kawżi pendenti għall-iktar livell baxx li qatt laħqet f’dawn l-aħħar 18‑il sena. Meta ssir korrezzjoni fl-istatistika sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-għoti ta’ sentenza waħda għal 404 kawżi magħquda, it-tul medju tal-proċeduri jonqos b’mod sinjifikattiv ħafna.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li f’Ottubru 2024 bdew jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar tat, matul is-sena, l-ewwel sentenzi tagħha u l-Avukati Ġenerali ppreżentaw l-ewwel konklużjonijiet tagħhom. Il-Qorti Ġenerali rċeviet numru sinjifikattiv ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari ġodda u adattat l-organizzazzjoni tagħha f’dan il-qasam billi ħolqot żewġ awli speċjalizzati li ħadu post l-Awla għad-Deċiżjonijiet Preliminari li kienet inħolqot b’mod tranżitorju sa Settembru 2025.

Nagħtu ħarsa f’iktar dettall lejn din is-sena li kisret kull rekord.

 

Kawżi mressqa: żieda qawwija

In-numri għas-sena 2025 juru li t-tnaqqis storiku fin-numru ta’ kawżi mressqa fl‑2024 (786 kawża ġdida) kien effettivament ir-riżultat ta’ varjazzjoni aleatorja.

B’989 kawża mressqa u b’żieda ta’ +26 % meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, il-Qorti Ġenerali laħqet l-ogħla livell ta’ kawżi ġodda fl-istorja tagħha. Anki jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l‑65 talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fl-oqsma ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali, in-numru ta’ 924 rikors dirett u proċedura partikolari jaqbeż in-numri rreġistrati fl-aħħar ħames snin [1].

Is-sena 2025 kienet l-ewwel sena sħiħa mir-riforma tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li permezz tagħha l-kompetenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali f’ċerti oqsma speċifiċi.

65 talba għal deċiżjoni preliminari ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali fl-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tagħha: 24 minnhom jikkonċernaw is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, 18 jikkonċernaw il-kumpens u l-assistenza tal-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbarkazzjoni jew ta’ dewmien jew kanċellazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport, tmienja jikkonċernaw il-Kodiċi Doganali, sebgħa jikkonċernaw id-dazji tas-sisa, sebgħa oħra jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fin-Nomenklatura Maqgħuda u talba waħda tikkonċerna s-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dan in-numru huwa inqas mill-istimi li kienu saru fil-mument tat-talba leġiżlattiva minkejja li fl-aħħar mill-aħħar ftit kienu l-kawżi li kienu jaqgħu f’dawn l-oqsma speċifiċi li nżammu mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġuni li kienu jikkonċernaw ukoll qasam wieħed jew iktar oħra apparti dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut jew għar-raġuni li kienu jqajmu kwistjonijiet awtonomi ta’ interpretazzjoni tad-dritt primarju, tad-dritt internazzjonali pubbliku, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ta’ min wieħed jiftakar li, fl‑2025, mis‑76 kawża ttrattati mill-mekkaniżmu ta’ “one-stop shop”, kienu biss disgħa li nżammu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tnejn twaqqfu mingħajr ma tkompliet il-proċedura.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu minn 17‑il Stat Membru differenti, minkejja li l-Ġermanja, b’21 rinviju, tikkontribwixxi ħafna għan-numru totali, segwita mill-Awstrija u mill-Polonja, b’seba’ rinviji, u mill-Bulgarija, b’sitta. Ta’ min jgħid li kienu xejn inqas minn 13‑il qorti suprema, minn tlettax‑il Stat Membru differenti, li għamlu rinviji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali.

Fir-rigward tar-rikorsi diretti, ġie osservat tnaqqis żgħir fin-numru ta’ kawżi mressqa fir-rigward tal-kawżi marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (257 kawża meta mqabbla ma’ 268 fl‑2024, jiġifieri ‑4 %). Ta’ min jgħid li n-numru ta’ appelli quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) żdied (+4.6 %), żieda li fil-prattika ġiet innewtralizzata bi tnaqqis fin-numru ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn dawn l-istess bordijiet (‑4.9 %). Ir-rata tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) hija ta’ madwar 10 %, perċentwali li baqgħet stabbli meta mqabbla mas-snin preċedenti. Għandu jiġi osservat li dan il-qasam, li mit‑22 ta’ Settembru 2025 beda jiġi ttrattat minn seba’ awli speċifiċi tal-Qorti Ġenerali, jirrappreżenta kważi 26 % tal-kawżi mressqa fl‑2025. Fost dawn il-kawżi, 236 jikkonċernaw il-qasam tat-trade marks u 19 dak tad-disinni. Tressqu wkoll żewġ kawżi fil-qasam tal-varjetajiet ta’ pjanti kontra deċiżjonijiet adottati mill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO). Il-parti l-kbira (82 %) ta’ dawn il-kawżi huma bejn il-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bordijiet tal-Appell (kawżi inter partes).

Kien hemm żieda sinjifikattiva (109 meta mqabbla ma’ 76 fl‑2024, jiġifieri +43 %) fil-kawżi tas-servizz pubbliku mressqa fl‑2025 abbażi tal-Artikolu 270 TFUE. Dan il-qasam, li mit‑22 ta’ Settembru 2025 beda jiġi ttrattat minn tliet awli speċifiċi tal-Qorti Ġenerali, jirrappreżenta 11 % tal-kawżi kollha mressqa fl‑2025. Ma’ dawn il‑109 rikorsi għandhom jingħaddu wkoll ħmistax‑il rikors li jaqgħu, għall-finijiet tal-assenjazzjoni tagħhom lill-imsemmija tliet awli, fil-qasam “Servizz pubbliku +” fis-sens ta’ definizzjoni ġdida tal-kawżi tas-servizz pubbliku [2], li ma tkoprix biss ir-rikorsi ppreżentati abbażi tal-Artikolu 270 TFUE biss.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, in-numru ta’ kawżi mressqa fl‑2025 kien ta’ erba’ kawżi iktar minn dawk imressqa fl‑2024 (27 kawża), filwaqt li baqa’ ferm inqas min-numri għolja ta’ kawżi li kienu jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali fil-passat. Fl-aħħar nett, bħalma kien il-każ fl‑2023 u fl‑2024, il-kawżi fil-qasam tal-kompetizzjoni kienu ftit, bi tnax‑il kawża ġdida mressqa fl‑2025.

Il-kawżi dwar miżuri restrittivi komplew jalimentaw l-attività tal-Qorti Ġenerali, b’105 kawżi ġodda mressqa fl‑2025 (meta mqabbla ma’ 63 fl‑2024). Is-sehem ta’ dawn il-kawżi jkun ferm ikbar jekk wieħed iqis li, f’ċerti każijiet, minflok ma jippreżentaw rikors ġdid, ir-rikorrenti jikkontestaw miżuri restrittivi ġodda fil-kuntest ta’ rikorsi pendenti, billi jippreżentaw att ta’ adattament tar-rikors konformement mal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-parti l-kbira (84 kawża minn 105) tal-kawżi l-ġodda li jaqgħu f’dan il-qasam jikkonċernaw is-sensiela ta’ miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni fil-kuntest tal-gwerra mibdija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina, inkluż minħabba l-involviment tal-Bjelorussja, is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, is-sostenn militari mill-Iran lir-Russja jew l-attivitajiet ta’ destabbilizzazzjoni ta’ din tal-aħħar immirati lejn l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha. Il-kawżi l-oħra li jaqgħu f’dan il-qasam huma marbuta mas-sitwazzjonijiet fir-Repubblika Għarbija Sirjana (tnax‑il rikors), fir-Repubblika tat-Tuneżija (żewġ rikorsi), fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (sitt rikorsi) u fil-Libja (rikors wieħed). Il-maġġoranza ta’ dawn ir-rikorsi ġew ippreżentati bl-Ingliż (57 rikors) u bil-Franċiż (37 rikors).

Il-kawżi li jikkonċernaw il-politika ekonomika u monetarja, qasam li jinkludi b’mod partikolari d-dritt bankarju, komplew jonqsu ħafna (12‑il rikors ippreżentat u kawża mibgħuta lura fl‑2025, meta mqabbla ma’ 33 kawża mressqa fl‑2024 u 56 fl‑2023). Erba’ kawżi jikkonċernaw l-adozzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall‑2021, tliet kawżi ġodda u l-kawża mibgħuta lura jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tas-sorveljanza prudenzjali, żewġ kawżi jikkonċernaw deċiżjonijiet tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni li jniedi proċedura ta’ riżoluzzjoni u kawża waħda tikkonċerna l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt monetarju tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, ġew ippreżentati żewġ rikorsi kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni mill-Bulgarija tal-euro fl‑1 ta’ Jannar 2026 u kontra r-regolamenti relatati, inkluż dak dwar ir-rata tal-kambju bejn l-euro u l-lev Bulgaru.

Fl‑2025 tressqu seba’ kawżi dwar ir-regolazzjoni tas-swieq u tas-servizzi diġitali. Tliet kawżi jikkonċernaw ir-Regolament dwar is-servizz diġitali (UE) 2022/2065 (bl-Ingliż: Digital Services Act, DSA) u jikkonċernaw l-ammont tat-tariffa ta’ sorveljanza. Erba’ kawżi jikkonċernaw ir-Regolament dwar is-swieq diġitali (UE) 2022/1925 (bl-Ingliż: Digital Markets Act, DMA). Tnejn minnhom jikkonċernaw l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jispeċifikaw il-miżuri li l-operatur għandu jimplimenta bħala kontrollur ta’ aċċess, filwaqt li t-tnejn l-oħra jikkonċernaw l-annullament tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jaqgħu fuq il-kontrolluri ta’ aċċess.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kawżi urġenti, in-numru ta’ talbiet għal miżuri provviżorji baqa’ stabbli fl‑2025, qrib il-livell medju tal-aħħar għaxar snin, b’40 talba mressqa.

 

L-attività tal-qorti: sena rekord

In-numru gross ta’ kawżi magħluqa fl‑2025 huwa ta’ 1 527 iżda, jekk inqisu bħala kawża waħda l‑404 kawżi, essenzjalment identiċi, imressqa f’Ottubru 2023 u maqtugħa f’Diċembru 2025 (T‑620/23 sa T‑1023/23), dan in-numru xorta waħda jkun ta’ 1 124. Dan huwa l-ogħla livell fl-istorja tal-Qorti Ġenerali, nettament ogħla mir-rekord preċedenti ta’ 1 009 kawżi magħluqa li kien intlaħaq fl‑2018. Fuq din il-bażi, iż-żieda meta mqabbla mad‑922 kawża magħluqa fl‑2024 hija ta’ 22 %.

Minkejja żieda mingħajr preċedent fin-numru ta’ kawżi ġodda, il-Qorti Ġenerali b’hekk irnexxielha tnaqqas l-istokk ta’ kawżi pendenti għal 1 167, jiġifieri l-iktar livell baxx mill‑2007 lil hawn. Ir-rata ta’ bidla fl-istokk, jew ta’ għeluq ta’ proċessi (“clearance rate”), li tirrifletti bħala perċentwali r-relazzjoni bejn il-kawżi magħluqa u l-kawżi mressqa, hija, bħala numru gross, ta’ 154 u, jekk jiġu esklużi l‑404 kawżi msemmija iktar ’il fuq, ta’ 114. Meta ssir l-istess korrezzjoni fl-istatistika, it-tul teoretiku ta’ żmien li jdumu n-numru ta’ kawżi pendenti (“disposition time”), ibbażat fuq ir-relazzjoni bejn il-kawżi pendenti u l-kawżi magħluqa, huwa ta’ 379 jum, jiġifieri l-iqsar tul fl-istorja kollha tal-Qorti Ġenerali. Meta jitqiesu t-tul tal-proċeduri bil-miktub u, f’numru kunsiderevoli tal-każijiet, iż-żmien meħtieġ sabiex jinkisbu t-traduzzjonijiet tal-atti proċedurali, dan ifisser li l-Qorti Ġenerali issa qiegħda f’pożizzjoni li tittratta l-parti l-kbira tal-kawżi hekk kif ikunu lesti għad-deliberazzjoni, mingħajr ma jkollha għalfejn teżamina fl-ewwel lok il-kawżi li jkunu fl-istokk tal-kawżi pendenti. Dan ifisser ukoll li, minħabba l-ħidma b’ritmu kontinwu, ser ikun diffiċli li fl‑2026 jingħalqu daqstant kawżi.

L-isforzi min-naħa tal-Membri u tal-membri tal-persunal tal-Qorti Ġenerali, bl-appoġġ tal-membri tal-persunal tal-Istituzzjoni, ippermettew li jitnaqqas b’mod sinjifikattiv ħafna t-tul tal-proċeduri. It-tul gross ta’ 18.9 xhur ma jirriflettix dan it-titjib minħabba l-piż li għandhom fl-istatistika l‑404 kawżi essenzjalment identiċi msemmija iktar ’il fuq, li fihom il-proċedura damet iktar mill-medja. Madankollu, jekk dawn il-kawżi jitqiesu bħala kawża waħda, it-tul medju tal-proċedura naqas minn 18.5 xhur għal 16‑il xahar.

Għandu jiġi rrilevat li:

  • il-perċentwali tal-kawżi maqtugħa permezz ta’ kulleġġi ġudikanti b’ħames Imħallfin, inkluża l-Awla għad-Deċiżjonijiet Preliminari, hija, meta titqies id-data grossa, ta’ 35.6 %, iżda, wara l-korrezzjoni fl-istatistika marbuta mal‑404 kawżi identiċi, ta’ 12.5 %, li hija inqas minn dik fl‑2024 (20.2 %) u fl‑2023 (13.6 %);

 

  • 8 % tal-kawżi nqatgħu permezz ta’ kulleġġi ġudikanti bi tliet Imħallfin, perċentwali li titla’ għal 82.7 % bid-data kkoreġuta, meta mqabbla ma’ 75.4 % fl‑2024;

 

  • żewġ kawżi nqatgħu mill-Awla Manja, komposta minn ħmistax‑il Imħallef, u, għall-ewwel darba, żewġ kawżi nqatgħu mill-Awla Intermedja maħluqa fl‑2024, li hija komposta minn disa’ Mħallfin;

 

  • ebda kawża ma ġiet deċiża minn Imħallef Uniku, meta mqabbla ma’ erbgħa fl‑2024 u disgħa fl‑2023;

 

  • il-proċeduri għal miżuri provviżorji magħluqa fl‑2025 kienu 39, jiġifieri f’livelli qrib dawk tas-snin preċedenti (42 fl‑2024 u 40 fl‑2023);

 

  • 4 % tal-kawżi magħluqa fl‑2025 inqatgħu permezz ta’ sentenza, perċentwali li tinżel għal 46.2 % bid-data kkoreġuta sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑404 kawżi essenzjalment identiċi. Fi 78.4 % tal-kawżi maqtugħa permezz ta’ sentenza nżammet seduta għas-sottomissjonijiet orali, perċentwali din li tinżel għal 61.7 % bid-data kkoreġuta.

 

In-numru ta’ seduti għas-sottomissjonijiet orali fl‑2025 kien ta’ 232 (232 ukoll fl‑2024, 286 fl‑2023) f’689 kawża li fihom inżammet seduta (300 fl‑2024 u 419 fl‑2023).

Fl‑2025 inżammu tliet seduti bil-videokonferenza (tnejn fl‑2024 u ebda waħda fl‑2023).

Jidher utli li tiġi enfasizzata xi data li tikkonċerna t-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali, kompetenza li tkopri l-kawżi mressqa wara l‑1 ta’ Ottubru 2024. Fl‑2025, il-Qorti Ġenerali qatgħet sittax‑il kawża, ħdax permezz ta’ digriet u ħamsa permezz ta’ sentenza, filwaqt li ż-żewġ Imħallfin eletti sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali f’dawn il-kawżi ppreżentaw sitt konklużjonijiet. It-tul medju tal-proċedura kien ta’ 6.2 xhur, valur dovut għat-tul qasir ta’ ċerti proċeduri li fihom il-qorti tar-rinviju rtirat it-talba tagħha wara ftit żmien. Fir-rigward tal-kawżi maqtugħa permezz ta’ sentenza, it-tul medju tal-proċedura kien ta’ 10.9 xhur, tul li jibqa’ qasir ħafna anki jekk jitqies li l-ħames sentenzi mogħtija ngħataw mingħajr ma nżammet seduta u mingħajr ma ġew ippreżentati konklużjonijiet.

Mill‑1 167 kawża pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Diċembru 2025, 276 (23.7 %) jikkonċernaw il-proprjetà intellettwali, 125 (10.7 %) il-miżuri restrittivi, 164 (14.1 %) il-qasam “Servizz pubbliku +” u 88 (7.5 %) id-dritt istituzzjonali. Apparti dawn l-oqsma, li jirrappreżentaw madwar nofs il-kawżi pendenti, il-bqija tal-kawżi jikkonċernaw numru kbir ta’ oqsma differenti, xhieda għal darba oħra tal-varjetà kbira ta’ oqsma mressqa għall-eżami tal-Qorti Ġenerali.

Finalment, il-Qorti Ġenerali kisbet riżultati pożittivi wara l-ewwel sena ta’ ħidma mid-dħul fis-seħħ tar-riforma li wasslet għat-trasferiment tal-kompetenza preliminari fir-rigward ta’ ċerti oqsma. Permezz tal-miżuri organizzattivi u istituzzjonali li implimentat u permezz tar-ritmu ta’ xogħol intensiv tagħha, il-Qorti Ġenerali wriet il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi u li tantiċipa l-bżonnijiet sabiex tiggarantixxi trattament effikaċi tal-kawżi li jaqgħu fil-kompetenza tagħha.

 

 

[1]    Għall-finijiet ta’ dawn il-kummenti, is-sensiela ta’ 404 kawżi bl-Ispanjol essenzjalment identiċi ((T‑620/23 sa T‑1023/23) imressqa fl-2023 u maqtugħa fl-2025 qiegħda titqies bħala kawża waħda.

[2]    Dawn huma, sa mit‑23 ta’ Settembru 2023, kawżi li jkollhom l-oriġini tagħhom fir-relazzjoni ta’ impjieg bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha u, sa mit‑22 ta’ Settembru 2025, ma’ dawn il-kawżi huma inklużi dawk li jkollhom l-oriġini tagħhom fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni u l-membri jew ex membri tagħhom, kif ukoll il-persuni li jeżerċitaw jew li eżerċitaw mandat fi ħdan l-imsemmija istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni.