Statistika ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja - 2025

Kawżi mressqa

Bħal fis-snin li għaddew, is-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata mit-tressiq ta’ numru sinjifikattiv ta’ kawżi ġodda sa fejn, fl‑2025, ġew irreġistrati 889 kawża fir-Reġistru. Dan in-numru jagħti l-impressjoni li kien hemm tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (2024), li matulha r-Reġistru rreġistra 920 kawża. Madankollu, jekk inqisu l‑65 talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2025 li ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali, wara l-analiżi preliminari prevista fl-Artikolu 93a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verità kienu xejn inqas minn 954 il-kawżi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2025, jiġifieri numru qrib ħafna tar-rekord li ntlaħaq fl‑2019, meta tressqu 966 kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Meta neżaminaw f’iktar dettall it-tip ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2025, naraw, mingħajr sorpriża, li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkostitwixxu l-maġġoranza ta’ dawn il-kawżi l-ġodda. Apparti l‑65 talba msemmija iktar ’il fuq, ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali sa fejn jaqgħu esklużivament taħt wieħed jew iktar mill-oqsma speċifiċi msemmija fl-Artikolu 50b tal-Istatut, matul l‑2025 ir-Reġistru rreġistra 580 talba ġdida għal deċiżjoni preliminari. Dan huwa l-iktar numru għoli matul l-aħħar ħames snin.

Bħal fl‑2024, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula fl‑2025 joriġinaw minn kważi l-Istati Membri kollha, b’numru kunsiderevoli ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qrati Taljani (110 talbiet, li nofshom tressqu matul Frar 2025 waħdu) u mill-qrati Pollakki (63 talba, jiġifieri l-ikbar numru sa mill-adeżjoni ta’ dan il-pajjiż mal-Unjoni Ewropea fl‑2004 lil hawn).

In-numru kbir ta’ rinviji magħmula mill-qrati Taljani huwa dovut, fil-parti l-kbira tiegħu, għad-dubji li dawn il-qrati, affrontati bil-preżentata ta’ numru kbir ħafna ta’ rikorsi minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi kontra miżuri ta’ tneħħija adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, kellhom fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali u, b’mod partikolari, tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini sigur” [1].

Fir-rigward tar-rinviji magħmula mill-qrati Pollakki, kien fuq kollox il-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi li kien fil-mira tal-attenzjoni ta’ dawn il-qrati, tant li iktar min-nofs it-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qrati Pollakki fl‑2025 jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur [2], jew tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur [3].

Filwaqt li n-numru ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qrati Taljani u Pollakki fl‑2025 kien partikolarment għoli, in-numru ta’ talbiet mill-Ġermanja u minn Franza baqa’, mill-banda l-oħra, f’livell baxx ħafna b’61 u bi 17‑il talba, rispettivament, biss. Filwaqt li n-numru ta’ rinviji magħmula mill-qrati Franċiżi huwa wieħed mill-iktar baxxi rreġistrati matul l-aħħar għoxrin sena, nistgħu nosservaw, madankollu, fir-rigward tar-rinviji magħmula mill-qrati Ġermaniżi, li numru minnhom jikkonċernaw preċiżament l-oqsma speċifiċi li fihom il-kompetenza preliminari ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-kumpens u l-assistenza tal-passiġġieri fil-każ li jiġu miċħuda milli jitilgħu abbord jew ta’ dewmien jew kanċellazzjoni ta’ servizzi tat-trasport. B’hekk, mal‑61 talba li ser jiġu ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja stess, għandhom jingħaddu wkoll iktar minn għoxrin talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali għal raġunijiet ta’ kompetenza.

Apparti r-rinviji mill-erba’ Stati msemmija iktar ’il fuq, nistgħu nosservaw il-livell, dejjem għoli, tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qrati Awstrijaċi u Bulgari li, fl‑2025, għamlu, rispettivament, 47 u 42 rinviju, kif ukoll l-ewwel rinviju magħmul minn qorti Brittanika wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, fil‑31 ta’ Diċembru 2020. Ibbażata fuq l-Artikolu 158(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika [4], it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fl‑24 ta’ Ottubru 2025 mill-High Court of Justice (King’s Bench Division) u tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) ta’ dan il-Ftehim, dwar id-drittijiet marbuta mar-residenza u mal-permessi ta’ residenza rrikonoxxuti lill-membri tal-familja dipendenti fuq ċittadini tal-Unjoni jew fuq ċittadini tar-Renju Unit [5].

Bħal fis-snin ta’ qabel, l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u r-rikorsi diretti kienu, meta nħarsu lejn in-numri involuti, it-tieni u t-tielet kategorija ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2025. B’245 kawża, kien hemm tnaqqis żgħir fin-numru ta’ appelli, ta’ appelli dwar miżuri provviżorji u ta’ appelli dwar interventi meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, li matulha n-numru ta’ appelli, jekk inqisu l-kategoriji kollha flimkien, kien ta’ 277 kawża, filwaqt li kien hemm żieda żgħira fil-każ tar-rikorsi diretti. B’hekk, apparti numru żgħir ta’ rikorsi għal annullament u rikors għad-danni wieħed, fl‑2025 ġew ippreżentati, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, 50 rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dawn jinvolvu madwar għoxrin Stat Membru u jikkonċernaw suġġetti varji ħafna bħalma huma l-protezzjoni tal-ambjent, fil-forom kollha tiegħu (il-kwalità tal-ajru, il-kwalità tal-ilma għall-konsum mill-bniedem, it-trattament tal-ilma urban mormi, il-ġestjoni tal-iskart, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-effetti dannużi marbuta mal-espożizzjoni għall-istorbju, il-konservazzjoni tal-habitat naturali …), il-politika soċjali u l-ġlieda kontra l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, kif ukoll it-trasport, it-tassazzjoni u l-moviment liberu tal-kapital. B’hekk, f’Marzu 2025, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rikorsi kontra sitt Stati Membri differenti minħabba l-assenza ta’ adozzjoni jew ta’ komunikazzjoni, minn dawn l-Istati, tal-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2021 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE [6].

Fl-aħħar nett, din il-ħarsa qasira lejn il-kawżi mressqa ma tkunx kompleta jekk ma nsemmux it-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni Ewropea, fil‑21 ta’ Novembru 2025, dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati tal-abbozz ta’ ftehim irrevedut dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Din it-talba, imressqa abbażi tal-Artikolu 218(11) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tkompli fejn ħallew żewġ talbiet preċedenti dwar l-istess suġġett imressqa, rispettivament, f’April 1994 u f’Lulju 2013 u li kienu wasslu, l-ewwel waħda, għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-Komunità sabiex taderixxi mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [7] u, it-tieni waħda, għal konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-imsemmija konvenzjoni mal-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mal-Protokoll Nru 8 dwar dan l-artikolu [8]. Din it-talba għal opinjoni (1/25) tikkonċerna preċiżament it-test li ħareġ min-negozjanti wara li ngħatat din l-opinjoni li kkonstatat l-inkompatibbiltà.

Sabiex nagħlqu din il-ħasra ġenerali lejn il-kawżi mressqa, għandna nosservaw li proporzjon mhux negliġibbli minnhom tressqu flimkien ma’ talba għat-tħaffif tal-proċedura sa fejn talba jew proposta għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza tressqet f’xejn inqas minn 88 kawża, jiġifieri 10 % tal-kawżi kollha mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2025. Il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ġiet effettivament implimentata f’erba’ kawżi matul is-sena li għaddiet [9], filwaqt li ntlaqgħu żewġ talbiet għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa [10], proċedura li ġiet applikata mill-President stess f’kawża sensittiva dwar l-interpretazzjoni ta’ artikoli tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn [11].

 

Kawżi magħluqa

Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja rreġistrat numru kbir ta’ kawżi fl‑2025, is-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata wkoll minn attività ġudizzjarja intensa sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għalqet 774 kawża, jiġifieri numru qrib ħafna dak tas-snin li għaddew (792 kawża magħluqa fl‑2020, 772 fl‑2021, 808 fl‑2022 u 783 fl‑2023). Huwa minnu li dan in-numru huwa kunsiderevolment iżgħar min-numru ta’ kawżi li ngħalqu fl‑2024 (862 kawża), iżda nridu niftakru li dik is-sena kienet ikkaratterizzata mit-tibdil parzjali tal-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ħtieġa, fl-istess ħin, li jingħalqu numru sinjifikattiv ta’ kawżi qabel it-tluq tal-Imħallfin li l-mandat tagħhom kien wasal biex jintemm.

Barra minn hekk, niftakru li, fil-mument li fih qegħdin jinkitbu dawn il-linji, il-kulleġġ tal-Imħallfin kien għadu mhux komplet sa fejn Imħallef li telaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fi Frar 2024 kien għadu ma ġiex issostitwit, filwaqt li Mħallef ieħor, li miet f’Ġunju 2024 waqt li kien fil-kariga, ġie effettivament issostitwit sena wara, f’Ġunju 2025. Dawn il-fatturi ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda inevitabbilment għandhom impatt fuq il-produttività tal-qorti.

Fid-dawl tal-proporzjon tagħhom fost il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex sorprendenti li r-rinviji għal deċiżjoni preliminari u l-appelli jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-kawżi magħluqa mill-qorti sa fejn fl‑2025 il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet 561 kawża għal deċiżjoni preliminari u 156 appell, jiġifieri iktar minn 92 % tat-total tal-kawżi magħluqa s-sena li għaddiet.

Bħal fis-snin ta’ qabel, is-sentenzi reġgħu kienu l-mod prinċipali li bih inqatgħu l-kawżi fl‑2025. B’hekk, fis-sena li għaddiet ingħataw 447 sentenza, filwaqt li d-digrieti li jagħlqu l-istanza b’mod li ma huwiex permezz ta’ tħassir tal-kawża, ta’ riferiment lill-Qorti Ġenerali jew ta’ digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni jirrappreżentaw inqas minn 20 % tal-kawżi magħluqa. Madankollu, in-numru ta’ dawn id-digrieti (116) kien proporzjonalment ogħla għall-appelli milli għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari. Filwaqt li d-digrieti adottati abbażi tal-Artikoli 53 u/jew 99 tar-Regoli tal-Proċedura kienu jirrappreżentaw biss 12 % tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari magħluqa fl‑2025, id-digrieti adottati jew abbażi tal-Artikoli 170a u 170b, jew abbażi tal-Artikoli 181 jew 182 tar-Regoli tal-Proċedura, kienu jirrappreżentaw 35 % tal-appelli kollha magħluqa s-sena li għaddiet.

Fir-rigward tal-appelli magħluqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑2025, għandna nsemmu fuq kollox it-tnaqqis fir-rata ta’ annullament tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Filwaqt li din ir-rata kienet ta’ madwar 20 % fl‑2022, fl‑2023 u fl‑2024, din effettivament niżlet għal 15 % fl‑2025. Mill‑156 appell maqtugħ is-sena li għaddiet, 24 biss minnhom taw lok għall-annullament tas-sentenza jew tad-digriet appellati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-maġġoranza tal-każijiet (19), il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-attività tal-Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli, għandna nsemmu li matul is-sena li għaddiet ġew ammessi żewġ appelli, li l-ewwel wieħed minnhom kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni l-ġdid tal-Artikolu 58a tal-Istatut, kif jirriżulta mir-riforma leġiżlattiva tal‑2024. B’mod konkret, dan kien appell ippreżentat minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-appell, li ġie ppreżentat f’Diċembru 2024, ġie ammess parzjalment fid‑29 ta’ April 2025 u attwalment jinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [12].

Meta neżaminaw id-data dwar il-mod kif ingħalqu l-kawżi, nosservaw li n-numru u l-perċentwali ta’ kawżi maqtugħa b’konklużjonijiet naqas matul is-sena li għaddiet. B’hekk, fl‑2025, 239 kawża maqtugħa bbenefikaw mill-kjarifika li joffru l-konklużjonijiet ta’ Avukat Ġenerali, numru dan li jirrappreżenta 31 % tan-numru totali ta’ kawżi magħluqa fl‑2025, filwaqt li n-numru ta’ kawżi magħluqa maqtugħa b’konklużjonijiet kien jammonta għal 336 kawża fl‑2024 u għal 283 kawża fl‑2023, jiġifieri, rispettivament 39 u 36 % tan-numru totali ta’ kawżi magħluqa f’dawn is-snin. Dan it-tnaqqis jista’ jkun dovut, parzjalment, għat-trasferiment tal-kompetenza preliminari lill-Qorti Ġenerali li issa hija mistennija tuża, min-naħa tagħha, il-konklużjonijiet ta’ Avukat Ġenerali sabiex taqta’ l-kawżi li jiġu ttrasferiti lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda huwa dovut fuq kollox għall-assenza ta’ punti ta’ liġi verament ġodda fl-oqsma l-oħra, li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tuża b’mod iktar estensiv il-possibbiltà, prevista fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut, li taqta’ l-kawżi mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Kif jirriżulta mit-tabelli segwenti, matul l‑2025 kienu biss l-oqsma tal-enerġija u tal-moviment liberu tal-persuni li fihom verament żdied in-numru ta’ kawżi maqtugħa b’konklużjonijiet meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.

Fir-rigward tat-tqassim tal-kawżi maqtugħa skont il-kulleġġ ġudikanti, kienu l-Awli bi tliet Imħallfin, li qatgħu xejn inqas minn 352 kawża fl‑2025, li taw l-ikbar numru ta’ deċiżjonijiet. Min-naħa tagħhom, l-Awli b’ħames Imħallfin qatgħu 225 kawża matul l-istess sena, filwaqt li n-numru ta’ kawżi maqtugħa mill-Awla Manja kien ta’ 35. Dan in-numru jirrappreżenta tnaqqis pjuttost kunsiderevoli meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, li matulha dan il-kulleġġ ġudikanti qata’ 75 kawża. Kif diġà għidna iktar ’il fuq, din id-differenza hija dovuta għan-numru kbir ta’ deċiżjonijiet mogħtija qabel it-tibdil parzjali tal-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’Ottubru 2024, li kienu jinkludu, b’mod partikolari, sentenza li qatgħet ħmistax-il rikors marbut mal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tat-trasport.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tul medju tal-proċeduri, dan kien ta’ 16.7 xhur, meta jitqiesu t-tipi kollha ta’ kawżi, tul li kien ta’ 17.7 xhur fis-sena ta’ qabel. It-tnaqqis fit-tul tal-proċeduri jikkonċerna t-tipi kollha ta’ kawżi peress li naqas minn 17.2 xhur għal 16.9 xhur għall-kawżi għal deċiżjoni preliminari, minn 21.5 xhur għal 20 xahar għar-rikorsi diretti u minn 18.4 xhur għal 15.1 xhur għall-appelli.

 

Kawżi pendenti

Il-konsegwenza loġika tal-iżbilanċ bejn in-numru ta’ kawżi mressqa matul is-sena li għaddiet u n-numru ta’ kawżi magħluqa hija li n-numru ta’ kawżi pendenti fil‑31 ta’ Diċembru 2025 kien ogħla minn dak li kien is-sena ta’ qabel. Fil-fatt, minn 1 207 kawżi fis-sena ta’ qabel, dan żdied għal 1 322 kawża. Il-kawżi għal deċiżjoni preliminari u l-appelli, b’772 kawża u b’443 kawża rispettivament, għadhom jifformaw il-parti predominanti tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 

[1]    ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60.

[2]    ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU L 17, 19.1.2023, p. 100.

[3]    ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66, rettifiki fil-ĠU L 207, 11.8.2009, p. 14, fil-ĠU L 199, 31.7.2010, p. 40 u fil-ĠU L 234, 10.9.2011, p. 46.

[4]    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

[5]    Kawża C‑682/25, Crossryn.

[6]    ĠU L 438, 8.12.2021, p. 1. Dawn ir-rikorsi, irreġistrati bin-numri C‑207/25, C‑208/25, C‑210/25, C‑212/25, C‑213/25 u C‑215/25, ġew ippreżentati, rispettivament, kontra l-Finlandja, il-Bulgarija, Spanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall.

[7]    Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat‑28 ta’ Marzu 1996 (EU:C:1996:140).

[8]    Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454).

[9]    Dawn huma l-Kawżi C‑135/25 PPU, Kachev (li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Mejju2025, EU:C:2025:366), C‑219/25 PPU, Kamekris (li tat lok għas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2025, EU:C:2025:456), C‑313/25 PP, Adrar (li tat lok għas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2025, EU:C:2025:647) u C‑712/25 PPU, Rastochev (li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2026, EU:C:2026:101).

[10]   Ara l-Kawżi C‑280/25, Lin II, u C‑440/25, Ebilum.

[11]   Kawża C‑195/25, Framholm (li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2025, EU:C:2025:904).

[12]   Kawża C‑881/24 P, SC vs Eulex Kosovo (digriet tad-29 ta’ April 2025, EU:C:2025:313).