Żjara uffiċjali fil-Kroazja

Fil-25 u fis-26 ta’ Mejju 2026, delegazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għamlet żjara uffiċjali fil-Kroazja. Id-delegazzjoni kienet immexxija minn Koen Lenaerts, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, u Thomas van Danwitz, il-Viċi-President, u kienet tinkludi l-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kroazja: l-Imħallef Siniša Rodin u l-Avukat Ġenerali Tamara Ćapeta.

Iż-żjara saret fil-kuntest tar-relazzjonijiet kontinwi u mill-qrib li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm mal-qrati nazzjonali fl-Istati Membri u pprovdiet opportunità sabiex jissaħħaħ iktar id-djalogu ġudizzjarju.

Nhar it-Tnejn 25 ta’ Mejju, il-membri tad-delegazzjoni ltaqgħu fil-Librerija Nazzjonali u tal-Università f’Żagreb, flimkien mal-membri tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja, inkluż il-President tagħha, Mirta Matić; mal-membri tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja, inkluż il-President tagħha, Frane Staničić; mar-rappreżentanti tal-Parlament Kroat; u mal-Prim Ministru tal-Kroazja, Andrej Plenković. Il-parteċipanti ħadu sehem f’numru ta’ sessjonijiet ta’ xogħol, li koprew

  • ir-rwol tal-qrati supremi fl-iżgurar tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi C-554/21 Hann-Invest u C-144/23 Kubera
  • l-Istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura

Wara nofsinhar, id-delegazzjoni żaret il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja, fejn saru preżentazzjonijiet dwar

  • il-mod kif jiġu ttrattati l-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
  • ir-rwol u x-xogħol tal-Avukati Ġenerali

Nhar it-Tlieta 26 ta’ Mejju, il-President Lenaerts, il-Viċi President von Danwitz u l-Imħallef Rodin iltaqgħu mal-Prim Ministru Plenković. Sussegwentement, id-delegazzjoni żaret il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja, fejn iddiskutew il-prassi tal-Qorti Kostituzzjonali rigward il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-relazzjoni bejn id-drittijiet kostituzzjonali u d-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.