Applikazzjonijiet għal stages għas-sessjoni ta’ bejn Marzu u Lulju 2027 issa huma miftuħa
L-applikazzjonijiet huma issa miftuħa għall-programm ta’ stages għas-sessjoni ta’ bejn Marzu u Lulju 2027 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu.
Dan huwa stage mħallas li joffri lill-gradwati l-opportunità li jiksbu kompetenzi professjonali siewja u esperjenza prattika f’waħda mill-istituzzjonijiet ewlenin tal-Unjoni. Stagiaires jaħdmu f’ambjent multilingwi u internazzjonali, jipparteċipaw fl-operat ta’ kuljum tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jiksbu għarfien dirett fix-xogħol tal-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni.
Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-programm ma huwiex limitat għal gradwati fid-dritt. Huma mħeġġa japplikaw kandidati minn firxa wiesgħa ta’ oqsma akkademiċi, li jistgħu jvarjaw minn dritt, xjenza politika, ekonomija u relazzjonijiet internazzjonali għal informatika, inġinerija, arkitettura jew studji arkivistiċi.
Din is-sessjoni ser issir mill-1 ta’ Marzu sal‑31 ta’ Lulju 2027. Il-parteċipanti jistgħu jiġu kkollokati jew
- fl-Uffiċċji tal-Membri, fejn jaħdmu direttament mal-Imħallfin jew mal-Avukati Ġenerali (rwoli iktar legali) jew
- fid-dipartimenti amministrattivi, bħal Traduzzjoni, Baġit, Riżorsi umani, Informatika, Komunikazzjoni, Bini u Sigurtà, u fir-Reġistri.
Stagiaires jirċievu għotja ta’ madwar EUR 2 400 fix-xahar.
Programm ta’ stage inklużiv huwa disponibbli wkoll għal kandidati b’diżabbiltà rrikonoxxuta.
Min jista’ japplika?
L-applikanti
- għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni (jistgħu japplikaw eċċezzjonijiet)
- għandu jkollhom lawrja jew diploma universitarja fi kwalunkwe qasam; għal stages fl-Uffiċċji tal-Membri, huwa meħtieġ li tkun iggradwat fid-dritt, fix-xjenza politika, fl-ekonomija jew f’qasam relatat
- għandu jkollhom għarfien profond ta’ lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni u għarfien tajjeb ta’ lingwa oħra tal-Unjoni; huwa meħtieġ għarfien tajjeb tal-Franċiż jew tal-Ingliż.
- ma kinux diġà f’pożizzjoni jew ma jkunux għadhom ħadu sehem fi stage ta’ tul ta’ iktar minn sitt ġimgħat f’istituzzjoni jew korp tal-Unjoni
Kif tapplika?
Tista’ tissottometti l-applikazzjoni tiegħek permezz tal-EU CV Online. L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni hija l‑15 ta’ Settembru 2026.
Iktar informazzjoni dwar il-programm disponibbli fil-paġna dwar l-istages.
It-taqsima tagħna dwar id-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi iktar informazzjoni dwar ix-xogħol ta’ kull dipartiment individwali.
