L-Indipendenza, l-Imparzjalità u l-Prevenzjoni ta’ Kunflitti ta’ Interess
L-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin huma garanziji fundamentali tas-saltna tad-dritt u tad-dritt għal smigħ xieraq. Bħala l-Istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija suġġetta għal qafas komprensiv maħsub sabiex jissalvagwardja dawn il-prinċipji u sabiex jevita sitwazzjonijiet li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta’ interess.
Dan il-qafas huwa bbażat fuq it-Trattati, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri u għall-ex Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Is-salvagwardji fis-seħħ joperaw f’kull stadju tal-ħajja professjonali ta’ Membru: qabel il-ħatra tiegħu, waqt il-qadi tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu u wara li jħalli l-kariga tiegħu.
Sistema ta’ salvagwardji li tibda tapplika qabel il-ħatra
L-ewwel salvagwardji japplikaw qabel ma persuna tinħatar Imħallef jew Avukat Ġenerali.
Taħt it-Trattati, il-kandidati għandhom jintgħażlu minn fost persuni li ma jkun hemm ebda dubju fuq l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għall-ogħla kariga ġudizzjarja fil-pajjiżi rispettivi tagħhom jew li jkunu Znalec práva.
Qabel il-ħatra, il-kandidati jiġu evalwati mill-bord imwaqqaf taħt l-Artikolu 255 TFUE, Magħmul minn uħud mill-esperti ewlenin li l-indipendenza tagħhom hija ggarantita, il-bord jeżamina l-idoneità tal-kandidati fid-dawl ta’ numru ta’ kriterji, inkluż l-indipendenza, l-imparzjalità, l-integrità u l-imġiba professjonali tagħhom.
Ladarba jinħatru, il-Membri jieħdu ġurament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, waqt seduta pubblika, li jaqdu dmirijiethom b’mod imparzjali u kuxjenzjuż u li josservaw l-obbligi li jitnisslu mill-kariga tagħhom.
Salvagwardji waqt il-kariga
Is-sistema għall-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess tissaħħaħ matul il-kariga ta’ Membru. Hija torbot flimkien miżuri ġenerali ta’ prevenzjoni, salvagwardji marbuta mal-attribuzzjoni tal-kawżi u mekkaniżmi li japplikaw kull fejn sitwazzjoni partikolari tkun teħtieġ eżami b’attenzjoni ikbar.
Mekkaniżmi ġenerali ta’ prevenzjoni
Il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja huma suġġetti għal regoli stretti sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom.
Huma la jista’ jkollhom kariga politika jew amministrattiva u lanqas jeżerċitaw attivitajiet professjonali li ma jkunux dawk li jitnisslu mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom.
Barra minn hekk, il-Membri jistgħu jeżerċitaw attivitajiet esterni li jkollhom x’jaqsmu mill-qrib mal-qadi ta’ dmirijiethom, kemm‑il darba jkunu ġew awtorizzati jagħmlu dan minn qabel. Dawn l-attivitajiet esterni jkopru r-rappreżentanza tal-Istituzzjoni f’ċerimonji u avvenimenti uffiċjali u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ interess Ewropew, bħat-tixrid tad-dritt Ewropew jew fi djalogu ma’ qrati nazzjonali jew internazzjonali. Din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss jekk l-attività tkun kompatibbli mal-obbligu ta’ Membru li jkun kompletament disponibbli għax-xogħol tiegħu fil-Qorti tal-Ġustizzja u mad-dmirijiet tiegħu ta’ indipendenza, integrità u imparzjalità. Il-kompatibbiltà ta’ dawn l-attivitajiet tiġi evalwata mill-ogħla organu deliberattiv tal-qorti kkonċernata, magħmul mill-Membri kollha tagħha.
F’ġieħ it-trasparenza, id-dettalji ta’ kull attività esterna eżerċitata mill-Membri jiġu ppubblikati kull sena fis-sit internet Curia.
Ċittadinanza
Aspett essenzjali tal-kompożizzjoni u tal-funzjonament tal-Qrati huwa li l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali ma jirrappreżentawx lill-Istati Membri tagħhom. Kif jaħilfu solennement fil-ġurament tagħhom, huma għandhom jaqdu dmirijiethom b’mod indipendenti u imparzjali u għandhom iġibu ruħhom fl-interess tal-Unjoni.
Din hija r-raġuni għar-regola, stabbilita fl-Artikolu 18 tal-Istatut, li parti f’kawża ma tistax titlob li tinbidel il-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba ċ-ċittadinanza ta’ Mħallef jew minħabba li ma jkunx hemm Imħallef li jkollu l-istess ċittadinanza ta’ dik il-parti.
Dikjarazzjonijiet ta’ interessi
Meta l-Membri jidħlu fil-kariga tagħhom, huma għandhom jissottomettu dikjarazzjoni ta’ interessi lill-President. Il-Membri għandhom iġeddu din id-dikjarazzjoni kull meta s-sitwazzjoni tagħhom tinbidel u darba kull massimu ta’ tliet snin, mat-tiġdid tal-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Membri huma meħtieġa jiddikjaraw firxa wiesgħa ta’ interessi u attivitajiet, inkluż interessi finanzjarji u immobiljari rilevanti, attivitajiet professjonali ta’ konjuġi jew tas-sieħeb jew sieħba tagħhom, funzjonijiet speċifikati mhux remunerati u pożizzjonijiet jew dekorazzjonijiet onorarji. “Interessi finanzjarji rilevanti” huma t-titoli finanzjarji kollha, bħal ishma, stokkijiet, bonds jew ċertifikati ta’ investiment, b’titolu ta’ proprjetà jew ta’ użufrutt, ħlief holdings amministrati minn terz fuq bażi diskrezzjonali. Id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi jkopru mhux biss l-interessi finanzjarji tal-Imħallef iżda wkoll dawk tal-konjuġi tagħhom, tas-sieħeb jew tas-sieħba tagħhom u ta’ tfal minorenni li jiddependu minnhom.
Id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi huma element importanti fil-qafas ta’ prevenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-għan tagħhom huwa li jgħinu fl-identifikazzjoni u fil-prevenzjoni ta’ kull sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interess jew li oġġettivament tista’ tidher li tagħti lok għal kunflitt ta’ interess, b’rabta mal-ipproċessar ta’ kawża. Għalhekk, huma jservu ta’ mekkaniżmu sew għat-trasparenza u sew għall-prevenzjoni.
Attribuzzjoni tal-kawżi u rikużi
Bħala salvagwardja inizjali ta’ indipendenza ġudizzjarja, fl-attribuzzjoni tal-kawżi, il-President tal-Qorti kkonċernata jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi sabiex jevita kull kunflitt ta’ interess.
Din l-evalwazzjoni ssir fil-kuntest speċifiku ta’ kull kawża, billi jiġu pparagunati l-interessi inkwistjoni fit-tilwima ma’ dawk iddikjarati mill-Membri. L-imsemmija evalwazzjoni taqa’ fl-iskop usa’ tal-analiżi li jagħmel il-President, mhux biss sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-imparzjalità tal-ġustizzja iżda wkoll sabiex il-piż tax-xogħol jitqassam bl-aħjar mod fost il-Membri. Din l-analiżi sfaċċettata tinvolvi eżami preliminari tat-tilwima abbażi ta’ dokumenti proċedurali (li huma kunfidenzjali), konoxxenza tajba tal-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ kull Membru u panorama tal-portafoll tal-Qorti. Għalhekk, din l-analiżi, minnha nnifisha, torbot mill-qrib mal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, pjuttost milli mal-funzjonament amministrattiv tagħha.
Filwaqt li l-attribuzzjoni tal-kawżi hija stadju importanti fl-applikazzjoni prattika tas-salvagwardji tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunflitti ta’ interess, ir-rikuża ta’ Membru suġġett għal kunflitt ta’ interess tista’ ssir, f’kull waqt tal-proċeduri, mill-President minn rajh, mill-Membru nnifsu, jew minn parti fil-kawża.
Il-Membri għandhom tabilħaqq id-dmir li jgħarrfu lill-President kull meta jqisu li ċirkustanza partikolari tista’ żżommhom milli jipparteċipaw fit-trattament ta’ kawża. Bl-istess mod, fejn il-President iqis li Membru ma għandux jieħu sehem f’kawża għal raġuni jew oħra, il-President għandu jgħarraf lil Membru b’dan. Dawn il-mekkaniżmi jiżguraw li kull kwistjoni li jkun hemm imnejn tqum tkun tista’ tiġi indirizzata f’kull stadju tal-proċeduri.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-Membru kkonċernat ma jipparteċipax fit-trattament tal-kawża.
Obbligi wara li jħallu l-kariga
Is-salvagwardji li jipproteġu l-indipendenza u l-imparzjalità jkomplu japplikaw anki wara li Membru jħalli l-kariga.
Ex Membri jibqgħu marbuta bl-obbligi li jitnisslu mill-kariga ġudizzjarja tagħhom, inkluż id-dmir ta’ integrità u ta’ diskrezzjoni.
Il-Kodiċi ta’ Kondotta jistabbilixxi wkoll restrizzjonijiet speċifiċi maħsuba sabiex jevitaw li jkun hemm sovrappożizzjoni bejn il-funzjonijiet ġudizzjarji li kellu qabel Membru u l-attivitajiet professjonali li jkollu wara li jħalli l-kariga. Għal tliet snin wara li jħallu l-kariga tagħhom, ex Membri ma jistgħux jaġixxu bħala rappreżentanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għall-kawżi li jkunu pendenti waqt il-kariga tagħhom jew li jkollhom x’jaqsmu b’mod dirett ma’ kwistjonijiet li huma jkunu ttrattaw bħala Mħallef jew Avukat Ġenerali, japplikaw iktar restrizzjonijiet.
Dawn id-dispożizzjonijiet jgħinu sabiex tinżamm il-fiduċja fl-indipendenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-integrità tal-proċess ġudizzjarju tagħha.
Sistema komprensiva ta’ salvagwardji
Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi regolarment ir-regoli u l-prassi interni tagħha fid-dawl ta’ aspettattivi fejn jidħlu t-trasparenza u l-fiduċja pubblika, li kulma jmur jinbidlu.
Il-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tiddependix minn mekkaniżmu wieħed. Hija tiġi żgurata permezz ta’ qafas komprensiv li jgħaqqad rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, obbligi etiċi, restrizzjonijiet fuq attivitajiet esterni, dikjarazzjonijiet ta’ interessi, salvagwardji fejn tidħol l-attribuzzjoni tal-kawżi, dmirijiet ta’ rikuża fejn jixraq u restrizzjonijiet li japplikaw wara li Membru jħalli l-kariga tiegħu.
Flimkien, dawn is-salvagwardji huma maħsuba sabiex jipproteġu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u sabiex iżommu l-fiduċja pubblika fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
