Sentenza: Kawżi C-523/24 Sociedad Civil Catalana u C-666/24 Associació Catalana de Víctimes d’Organitzacions Terroristes (ACVOT)

Nhar il-Ħamis 16 ta’ Lulju 2026, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-Kawża C-523/24 Sociedad Civil Catalana u fil-Kawża C-666/24 Associació Catalana de Víctimes d’Organitzacions Terroristes (ACVOT).

F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-Liġi Spanjola tal-Amnestija għal Cataluña hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Fl‑2024, Spanja adottat liġi ta’ amnestija għan-normalizzazzjoni istituzzjonali, politika u soċjali f’Cataluña. Hija tat amnestija għal atti li jagħtu lok għal responsabbiltà kriminali u amministrattiva, kif ukoll għal responsabbiltà fejn jidħlu fondi pubbliċi involuti b’rabta mar-referendum illegali fuq l-indipendenza tal-Cataluña li sar f’Ottubru 2017 u mal-proċess ta’ indipendenza tal-Cataluña b’mod iktar wiesa’.

Numru ta’ individwi ġew mixlija li kkawżaw telf finanzjarju lill-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña wara li użaw fondi pubbliċi sabiex jorganizzaw ir-referendum u jippromwovu l-indipendenza tal-Cataluña fuq livell internazzjonali. Individwi oħra ġew mixlija b’reati terroristiċi marbuta mal-moviment tal-indipendenza tal-Cataluña. Żewġ qrati Spanjoli staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ċerti dispożizzjonijiet li jirregolaw l-amnestija humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni taħt it-Trattat FUE, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt it-Trattat UE u l-klassifikazzjoni ta’ atti terroristiċi taħt id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Fil-video qasir li ġej, Koen Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, jispjega s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi. Is-sottotitoli huma disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u jistgħu jiġu attivati billi tikklikkja fuq l-ikona “Sottotitoli”.

Tista’ tikkonsulta wkoll l-istqarrija għall-istampa għal iktar informazzjoni.