Maria José Costeira eletta Viċi Presidenta tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea
Wara l-elezzjoni ta’ Savvas Papasavvas bħala President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 1, Maria José Costeira ġiet eletta, mill-Membri l-oħra tal-Qorti Ġenerali, Viċi Presidenta tal-Qorti Ġenerali għall-perijodu bejn it-23 ta’ Settembru 2026 u l-31 ta’ Awwissu 2028.
Curriculum vitae ta’ Maria José Costeira
Imwielda fl-1967 f’Porto, il-Portugall, Maria José Costeira kisbet diploma fid-dritt mill-Fakultà tal-Liġi tal-Universidade de Coimbra (l-Università ta’ Coimbra, il-Portugall) fl-1991 u segwiet, fl-2001, studji postuniversitarji fid-dritt tal-proprjetà intellettwali fil-Fakultà tal-Liġi tal-Universidade de Lisboa (l-Università ta’ Lisbona, il-Portugall).
Avukata staġista mal-Kamra tal-Avukati ta’ Coimbra (il-Portugall) mill-1991 sal-1992, hija daħlet fiċ-Centro de Estudos Judiciários (l-Iskola Nazzjonali tal-Maġistratura, il-Portugall) bħala uffiċjal ġudizzjarju staġista fl-1992. Innominata mħallef fl-1995, hija serviet fil-kariga mat-Tribunal Judicial da Comarca de Cascais (il-Qorti Distrettwali ta’ Cascais, il-Portugall), mat-Tribunal Judicial da Comarca de Ferreira do Zêzere (il-Qorti Distrettwali ta’ Ferreira do Zêzere, il-Portugall) u mat-Tribunal da Pequena Instância Criminal de Lisboa (il-Qorti Kriminali ta’ Lisbona, il-Portugall) mill-1995 sal-1997, mat-Tribunal do Comércio da Comarca de Lisboa (il-Qorti Kummerċjali ta’ Lisbona, il-Portugall) mill-1999 sal-2016, kif ukoll mat-Tribunal da Relação de Coimbra (il-Qorti tal-Appell ta’ Coimbra, il-Portugall) fl-2016. L-attività tagħha fi ħdan il-ġudikatura ma kinitx limitata għat-trattament tal-kawżi iżda kienet ikkaratterizzata wkoll mill-parteċipazzjoni tagħha fir-rappreżentanza tal-korp tal-ġudikatura, fil-kwalità tagħha, mill-2012 sal-2015, ta’ segretarju ġenerali tal-assoċjazzjoni tal-imħallfin Portugiżi, assoċjazzjoni li hija sussegwentement ippresjediet sal-2016.
M. J. Costeira għallmet, bħala professoressa mistiedna, id-dritt tal-proprjetà industrijali, id-dritt tal-kompetizzjoni u d-dritt kummerċjali fil-Fakultà tal-Liġi tal-Universidade de Lisboa, tal-Universidade de Coimbra, tal-Universidade Nova de Lisboa (l-Università Ġdida ta’ Lisbona, il-Portugall), tal-Universidade Católica Portuguesa (l-Università Kattolika Portugiża, il-Portugall), fi ħdan l-Escola de Direito da Universidade do Minho (l-Iskola tad-Dritt fl-Università ta’ Minho, il-Portugall) kif ukoll fiċ-Centro de Estudos Judiciários (l-Iskola Nazzjonali tal-Maġistratura), mill-2003.
Hija nħatret Imħallef fil-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Settembru 2016, fejn M. J. Costeira ġiet fdata minn sħaba l-Imħallfin il-kariga ta’ Presidenta ta’ Awla mit-30 ta’ Settembru 2019 sal-31 ta’ Awwissu 2025. Illum, hija ġiet eletta Viċi Presidenta tal-Qorti Ġenerali.
