Dħul fil-kariga tar-Reġistratur il-ġdid tal-Qorti tal-Ġustizzja
Wara r-riżenja ta’ Alfredo Calot Escobar, li kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja mis‑6 ta’ Ottubru 2010, Vittorio Di Bucci nħatar mill-Imħallfin u mill-Avukat Ġenerali bħala r-Reġistratur tal‑Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Settembru 2026, għal perijodu ta’ sitt snin, jiġifieri mit‑8 ta’ Ottubru 2026 sas‑7 ta’ Ottubru 2032.
Fl-okkażjoni tat-teħid tal-ġurament u tad-dħul fil-kariga ta Vittorio Di Bucci, illum ser tinżamm seduta solenni fis-sede tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Is-seduta solenni ser tiġi trażmessa b’mod dirett fis-sitta ta’ filgħaxija fis-sit aċċessibbli fuq din il-link:
Curia Web TV.
Vittorio Di Bucci
Imwieled fl‑1963 f’Asti (l-Italja), V. Di Bucci beda l-istudji fid-dritt fl-Università degli Studi di Torino (l-Università ta’ Torino, l-Italja), fejn kiseb master fid-dritt fl‑1986. Huwa kompla l-istudji tiegħu fl-université de Nancy II (l-Università ta’ Nancy II, Franza) u, fl‑1988, kiseb diploma ta' studji approfonditi fid-dritt Komunitarju.
Fl‑1987, V. Di Bucci daħal fis-servizz tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala ġurista lingwista fid-diviżjoni tat-traduzzjoni Taljana. Fl‑1988, huwa ġie rreklutat mill-Imħallef G. Federico Mancini bħala référendaire fl-uffiċċju tiegħu, kariga li huwa okkupa sal‑1991. Huwa reġa’ kien référendaire mal-Imħallef Mancini bejn l‑1994 u l‑2000.
Bejn l‑1991 u l‑1994, V. Di Bucci għamel parti mill-grupp “Trasport, ambjent, konsumaturi” tas-Servizz Legali tal-Kumissjoni Ewropea, istituzzjoni li huwa ngħaqad magħha mill-ġdid fl‑2000 bħala membru tal-grupp “Għajnuna mill-Istat u antidumping” tas-Servizz Legali tagħha. Bejn l‑2007 u l‑2010, huwa kien membru, sussegwentement konsulent legali tal-grupp “Kompetizzjoni”. Fl‑2010, huwa nħatar konsulent legali prinċipali tal-grupp “Għajnuna mill-Istat u antidumping” u okkupa din l-istess funzjoni mal-grupp “Dritt kummerċjali” mill‑2014 sal‑2023.
Fil‑5 ta’ Ġunju 2023, V. Di Bucci ġie elett Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, kariga li huwa eżerċita sas-7 ta’ Ottubru 2026.
Huwa l-awtur ta’ pubblikazzjonijiet dwar id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fuq il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, l-għajnuna mill-Istat u d-dritt bankarju tal-Unjoni.
