Reġistratur tal-Qorti Ġenerali

Reġistratur tal-Qorti Ġenerali

L-elementi essenzjali

Post :
Il-Lussemburgu
Skadenza :
12/11/2026
Grad :
Il-Membri
Tip ta’ kuntratt :
Il-Membri

Il-Qorti Ġenerali hija waħda miż-żewġ qrati li jiffurmaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-kompitu tagħha jikkonsisti, minn naħa, f’li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, il-kontenzjuż ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jirrifletti l-attivitajiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet u korpi. Min-naħa l-oħra, sa minn Ottubru 2024, il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza wkoll sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari ppreżentati skont l-Artikolu 267 TFUE f’ċerti oqsma speċifiċi.

Konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 254 tat-Trattat dwar Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali sejra dalwaqt taħtar ir-Reġistratur tagħha.

Din il-ħatra ssir għal perijodu ta’ sitt snin mid-data ta’ meta jibda jaqdi l-funzjonijiet, li għandu preferibbilment isir f’Jannar 2027. L-istatus tiegħu u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-Reġistratur huma rregolati mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kif ukoll mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 (1).

NATURA TAL-KARIGA

Ir-Reġistratur huwa responsabbli għal dipartiment ta’ madwar 75 uffiċjal u membru tal-persunal. Il-kariga tiegħu teżiġi kapaċità ta’ tmexxija pprovata u murija b’esperjenza rilevanti f’dan il-qasam.

Ir-Reġistratur jassisti lill-membri tal-Qorti Ġenerali fl-atti kollha li jaqgħu taħt il-kompitu tagħhom.

Ir-Reġistratur jiżgura l-amministrazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontabbiltà tal-Qorti Ġenerali taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali u flimkien mad-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Reġistratur għandu l-kustodja tas-siġilli u r-responsabbiltà għall-arkivji. Huwa jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari l-Ġabra tal-Ġurisprudenza, u x-xandir fuq l-Internet ta’ dokumenti dwar il-Qorti Ġenerali.

Taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali, ir-Reġistratur huwa inkarigat li jirċievi, li jibgħat u li jżomm id-dokumenti kollha, kif ukoll li jsiru n-notifiki meħtieġa skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

KOMPETENZI MEĦTIEĠA

Il-kandidati:

  • għandhom ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,
  • għandu jkollhom taħriġ legali sħiħ iċċertifikat b’lawrea universitarja kif ukoll konoxxenza approfondita tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-funzjonament tal-qrati tagħha,
  • għandu jkollhom 15-il sena esperjenza professjonali, li parti sinjifikattiva minnhom tkun f’karigi ta’ responsabbiltà ta’ livell għoli,
  • għandu jkollhom konoxxenza tajba ħafna tal-lingwa Franċiża u dik Ingliża. Konoxxenza ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea tiġi apprezzata.

PREŻENTAZZJONI TA’ KANDIDATURI

Il-kandidaturi għandhom jaslu fis-Segretarjat tal-President tal-Qorti Ġenerali, permezz tal-posta elettronika biss, fl-indirizz elettroniku Secretariat_President-Tribunal@curia.europa.eu, sa mhux iktar tard mit-12 ta’ Novembru 2026 .

Il-kandidaturi għandhom jinkludu (i) curriculum vitae li tagħti l-informazzjoni kollha dwar in-nazzjonalità, il-kwalifiki universitarji, il-konoxxenzi lingwistiċi, l-impjiegi attwali u preċedenti kif ukoll l-esperjenza ġudizzjarja u internazzjonali potenzjali tal-kandidati, u (ii) espożizzjoni qasira dwar il-viżjoni tal-kandidat dwar l-eżerċizzju tal-pożizzjoni vakanti (massimu ta’ 5 paġni).

Il-kandidaturi ser jiġu eżaminati minn Kumitat ta’ Selezzjoni li ser jistabbilixxi lista ta’ kandidati li huwa jqis xierqa sabiex jeżerċitaw il-kariga ta’ Reġistratur. Din il-lista ser tintbagħat lill-Qorti Ġenerali, li tista’ tistieden lill-kandidati magħżula għal intervista u li ser taħtar lir-Reġistratur konformement mal-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

L-ipproċessar tad-data personali tiegħek, meħtieġ sabiex jiġu evalwati l-ħiliet tiegħek għall-kariga ta’ Reġistratur, huwa rregolat mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Huma biss il-persuni involuti fl-ipproċessar tal-kandidatura tiegħek, jiġifieri l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali kif ukoll il-President u l-persuni li jassistuh, li ser jaċċedu għad-data tiegħek. Għal informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-kontrollur (Secretariat_President-Tribunal@curia.europa.eu) jew lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data (Dataprotectionofficer@curia.europa.eu).


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 tad-29 ta' Frar 2016 li jiddetermina l-emolumenti ta' persuni f'karigi pubbliċi għolja tal-UE (ĠU 2016, L 58, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/300/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

Applika issa