Konklużjonijiet: Kawża C 250/25 Like Company
It-Tlieta, 3 ta’ Novembru 2026, Maciej Szpunar, Avukat Ġenerali Ewlieni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża C‑250/25 Like Company.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Ewlieni Szpunar eżamina jekk l-irkupru u l-użu mill-ġdid ta’ pubblikazzjoni tal-istampa minn chatbot ibbażat fuq LLM sabiex jiġġenera tweġiba għal utent jikkostitwixxux “riproduzzjoni” u “komunikazzjoni lill-pubbliku” taħt id-dritt tal-Unjoni.
Google Gemini huwa “chatbot” immexxi mill-Intelliġenza Artifiċjali (IA) ibbażat fuq mudelli lingwistiċi kbar (LLM), networks newrali kumplessi mħarrġa fuq ammonti kbar ħafna ta’ testi, ta’ spiss miġbura mill-internet, sabiex jiġu ġġenerati tweġibiet b’lingwaġġ naturali. Permezz ta’ teknoloġija msejħa “Ġenerazzjoni Awmentata mill-Irkurpu”, huwa jista’ jirkupra informazzjoni mill-internet f’ħin reali u jiġġenera sunti ta’ kontenut online, inklużi l-aħħar aħbarijiet.
Taħt id-dritt tal-Unjoni, il-pubblikaturi tal-istampa għandhom id-dritt esklużiv li “jirriproduċu” u “li jqegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” l-pubblikazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-użu online tagħhom. Huma jsostnu li chatbots immexxija minn LLM jiksru d-drittijiet u l-interessi tagħhom billi jiġġeneraw sunti bbażati fuq artikli tal-aħbarijiet “miġbura” mis-siti web tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni jew kumpens, u billi potenzjalment jiżvijjaw lill-qarrejja mill-artikli oriġinali u jnaqqsu d-dħul tal-pubblikatur.
Like Company hija operatur Ungeriż ta’ diversi portali tal-web li fuqhom hija tippubblika artikli ta’ informazzjoni. Hija sostniet li l-LLM ta’ Gemini ġew imħarrġa fuq artikli mis-sit web tagħha u li ċ-chatbot seta’ jipproduċi sunti ta’ dawn l-artikli fuq talba u adixxiet lil qorti bil-kwistjoni. Il-qorti Ungeriża adita bil-kawża għaldaqstant staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dan l-użu ta’ materjal minn servizz tal-IA bħal Gemini jikkostitwixxix “riproduzzjoni” u “komunikazzjoni lill-pubbliku” taħt id-dritt tal-Unjoni.
Fil-video qasir li ġej, l-Avukat Ġenerali Ewlieni Szpunar jispjega l-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża. Is-sottotitoli huma disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u jistgħu jiġu attivati billi tikklikkja fuq l-ikona “Sottotitoli”.
Tista’ tikkonsulta wkoll l-istqarrija għall-istampa għal iktar informazzjoni.
