Kawżi fundamentali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Ir-rwol ewlieni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa li tiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat b’mod uniformi u li jiġi infurzat fl-Unjoni kollha.
Ħafna mill-ewwel sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxew prinċipji ewlenin li fformaw id-dritt tal-Unjoni. Dawn is-sentenzi kienu meħtieġa sabiex jissolvew il-problemi reali li ċ-ċittadini kienu qed iħabbtu wiċċhom magħhom f’ħajjithom u li l-kumpanniji kienu qed iħabbtu wiċċhom magħhom fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom.
F’sensiela ta’ sentenzi storiċi matul l-istorja tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja saħħet l-effettività tad-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni.
Prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni
Van Gend en Loos
Il-Qorti tal-Ġustizzja tat l-iktar sentenza famuża tagħha f’kawża msejħa Van Gend en Loos (1963).
Qorti Olandiża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-qrati nazzjonali jistgħux huma stess japplikaw leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tipprojbixxi lill-pajjiżi milli jżidu t-tariffi fuq il-kummerċ fl-Unjoni. L-awtoritajiet Olandiżi żiedu t-tariffi fuq ċerti sustanzi kimiċi. Il-kumpannija tat-trasport, Van Gend en Loos, kienet intalbet tħallas dawn it-tariffi ogħla waqt l-importazzjoni ta’ prodotti kimiċi mill-Ġermanja lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, u għaldaqstant kienet ressqet kawża quddiem qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja qablet li l-qorti nazzjonali għandha tapplika d-dritt tal-Unjoni. Dan ħoloq id-duttrina ta’ “effett dirett”. Dan ifisser li l-persuni jistgħu jinvokaw direttament ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni f’tilwim quddiem il-qrati nazzjonali.
Costa vs ENEL
Sena wara, f’Costa vs ENEL (1964), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet prinċipju fundamentali ieħor.
Qorti Taljana talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni u liġi Taljana sussegwenti li kienet innazzjonalizzat impriża tal-elettriku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ kunflitt, id-dritt tal-Unjoni huwa “suprem” u li d-dritt nazzjonali għandu jitwarrab. Dan huwa dak li jissejjaħ id-duttrina ta’ “supremazija” tad-dritt tal-Unjoni.
Flimkien, id-duttrina tal-effett dirett u d-duttrina tas-supremazija huma l-pedamenti tad-dritt tal-Unjoni.
Francovich
Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet issawwar prinċipji importanti tad-dritt tal-Unjoni fis-snin ta’ wara. F’Andrea Francovich et vs Ir‑Repubblika Taljana (1991), hija introduċiet il-prinċipju ta’ “responsabbiltà tal-Istat”.
Grupp ta’ ħaddiema Taljani tilfu s-salarju tagħhom meta l-persuna li timpjegahom falliet. Ġiet adottata Direttiva tal-Unjoni sabiex tipproteġi lill-ħaddiema f’sitwazzjoni bħal din. Madankollu, l-Italja ma kinitx ittrasponiet din id-Direttiva fis-sistema legali nazzjonali tagħha stess. Il-ħaddiema lmentaw li sofrew dannu minħabba f’dan in-nuqqas tal-Italja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li pajjiż tal-Unjoni jista’ jiġi mħarrek minn persuni għal danni kkawżati minn nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni.
Moviment liberu tal-merkanzija
Dassonville
Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-moviment liberu tal-merkanzija fl-Unjoni. Fi Procureur du Roi vs Benoît u Gustave Dassonville (1974), hija stabbilixxiet l-hekk imsejħa “Formula ta’ Dassonville”.
Ir-regoli tal-Unjoni jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu limiti għall-importazzjonijiet f’pajjiżhom minn pajjiżi oħra tal-Unjoni. Ir-regoli jipprojbixxu wkoll kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha “effett ekwivalenti” għal tali limitu. F’dan il-każ, il-Belġju talab ċertifikati ta’ oriġini għall-whisky Skoċċiż. Gustave Dassonville, grossist fi Franza, u ibnu Benoît, li kien imexxi fergħa tan-negozju fil-Belġju, xtraw fliexken tal-whisky “Johnnie Walker” u “Vat 69” fi Franza sabiex ibigħhom fil-Belġju. Peress li l-ebda ċertifikat ta’ dan it-tip ma kien meħtieġ fi Franza, huma ma setgħux jipprovduh. Sussegwentement huma ġew imħarrka fil-Belġju.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli nazzjonali li jirrestrinġu l-kummerċ fl-Unjoni, direttament jew indirettament, għandhom effett ekwivalenti għal limiti fuq l-importazzjonijiet.
Cassis de Dijon
Ir-raġunament f’Dassonville ġie żviluppat f’Rewe-Zentral AG vs Bundesmonopolverwaltung für Branntwein (1979), magħrufa wkoll bħala Cassis de Dijon.
Il-Ġermanja rrifjutat li l-likur “Cassis de Dijon” jiġi importat minn Franza u jinbiegħ fil-Ġermanja, peress li ma kienx jissodisfa l-istandards Ġermaniżi dwar il-kontenut tal-alkoħol. Sabiex tinbiegħ fil-Ġermanja bħala likur, xarba kellha jkollha kontenut ta’ alkoħol ta’ iktar minn 25 %. Cassis de Dijon kellha biss kontenut ta’ alkoħol ta’ 16 %. Rewe-Zentral, supermarket Ġermaniż, ilmentat dwar din ir-regola quddiem qorti nazzjonali, li mbagħad għamlet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kwalunkwe prodott immanifatturat u mibjugħ legalment f’pajjiż tal-Unjoni jrid jiġi awtorizzat fis-suq ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni. Dan huwa magħruf bħala l-prinċipju ta’ “rikonoxximent reċiproku”.
Moviment liberu tal-persuni
Grzelczyk
Minbarra r-rikonoxximent tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat ukoll il-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni, pereżempju fil-kawża Rudy Grzelczyk vs Centre Public d’Aide Sociale d’Ottignies-Louvain-la-Neuve (2001).
Student Franċiż residenti fil-Belġju pprovda għall-bżonnijiet tiegħu matul l-ewwel tliet snin tal-istudji tiegħu u talab għal allowance minimu għall-għixien matul ir-raba’ sena tiegħu. Madankollu, huwa ġie rrifjutat din l-allowance minħabba li kien barrani. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li dan kien trattament inġust, peress li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti liċ-ċittadini d-dritt għal ugwaljanza fit-trattament taħt il-liġi, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.
Ruiz Zambrano
Għaxar snin wara, f’Ruiz Zambrano (2011), il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat il-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni.
Din il-kawża kienet tikkonċerna żewġ ulied imwielda fil-Belġju ta’ nazzjonalità Belġjana. Il-ġenituri tagħhom kellhom in-nazzjonalità Kolombjana. Il-ġenituri ġew mhedda bi tkeċċija, li kien ikollu wkoll l-effett li t-tfal ikollhom jitilqu mill-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pajjiżi tal-Unjoni għandhom jagħtu permess ta’ residenza u permess ta’ xogħol lil ġenituri minn pajjiżi terzi ta’ wlied minorenni u finanzjarjament dipendenti li jkunu ċittadini ta’ dak il-pajjiż. Ir-rifjut tagħhom ta’ dawn id-drittijiet iċaħħad lil uliedhom mit-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni. Din il-kawża saħħet l-idea li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni testendi ċerti drittijiet mhux biss għall-persuna, iżda wkoll għall-membri tal-familja tagħha.
Drittijiet individwali
International Handelsgesellschaft
Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet individwali f’Internationale Handelsgesellschaft (1970).
Kumpanija Ġermaniża, Internationale Handelsgesellschaft, ikkontestat is-sistema ta’ liċenzji għall-esportazzjoni agrikola tal-Unjoni. Hija sostniet li s-sistema ta’ liċenzji kienet tostakola d-dritt tagħha għal-libertà ta’ impriża, kif iggarantit mill-kostituzzjoni Ġermaniża.
Il-qorti Ġermaniża li quddiemha tressaq ir-rikors staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Unjoni Ewropea kinitx obbligata tosserva ċerti standards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. L-Imħallfin ikkonkludew li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonferma.
Defrenne
Dan il-prinċipju ġie żviluppat ulterjorment fis-sentenza Defrenne (1976).
Ħostess tal-ajru, G. Defrenne, ħarrket lill-persuna li kienet timpjegaha, il-kumpannija tal-ajru Belġjana SABENA, sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija kienet ġarrbet f’termini ta’ salarju u ta’ drittijiet oħra li jirriżultaw minn inugwaljanza fit-remunerazzjoni tal-membri nisa u rġiel tal-ekwipaġġ tal-ajru li jeżerċitaw funzjonijiet identiċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni għal irġiel u nisa jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali f’kawżi bejn persuni u dawk il-persuni li jimpjegawhom. G. Defrenne setgħet tuża d-dritt tal-Unjoni fil-kawża tagħha kontra l-kumpannija tal-ajru li timpjegaha quddiem il-qorti nazzjonali tagħha sabiex tiżgura l-ugwaljanza tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol.
Konklużjoni
Dawn is-sentenzi importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja influwenzaw ħafna l-evoluzzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini. Dawn juru l-impenn tal-Unjoni għall-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-Istat tad-dritt, filwaqt li jsawru l-panorama legali għall-Istati Membri kollha u għaċ-ċittadini tagħhom.
