Drittijiet tal-istudenti
L-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja, l-għajnuna finanzjarja għal studji barra mill-pajjiż, id-determinazzjoni ta’ liema regoli ta’ pajjiż għall-finanzjament ta’ studenti japplikaw għall-ulied tal-ħaddiema transkonfinali: dawn il-kwistjonijiet kollha kienu s-suġġett ta’ diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Meta qatgħet kawżi bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja għenet sabiex jiġu solvuti l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ li jivvjaġġaw fl-Unjoni sabiex jistudjaw, billi tiżgura trattament ġust fl-aċċess għall-edukazzjoni.
Id-drittijiet tal-istudenti
Peress li iktar u iktar studenti jipparteċipaw fi programmi ta’ tagħlim transkonfinali bħal Erasmus+, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha diversi kawżi dwar id-drittijiet tal-istudenti. Il-kwistjonijiet ewlenin jinkludu:
- Huwa diskriminatorju li jiġi ristrett l-aċċess tal-istudenti għall-universitajiet fi Stati Membri oħra?
- Stat Membru jista’ jirrifjuta għajnuna finanzjarja lil studenti minn Stati Membri oħra?
- L-ulied tal-ħaddiema transkonfinali għandhom drittijiet fl-Istat Membru fejn jaħdmu l-ġenituri tagħhom?
- L-istudenti internazzjonali jistgħu jkunu suġġetti għal rekwiżiti addizzjonali meta jiġu fi Stat Membru sabiex jistudjaw hemmhekk?
Aċċess għall-edukazzjoni terzjarja
Fil-bidu tas-snin 2000, il-Kummissjoni ħadet azzjoni kontra l-Belġju u l-Awstrija li kien qed jagħmluha iktar diffiċli għall-istudenti minn pajjiżi oħra tal-Unjoni biex jkollhom aċċess għall-universitajiet tagħhom. Dawn il-pajjiżi kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ żieda fl-istudenti minn pajjiżi oħra tal-Unjoni, speċjalment minn dawk li jitkellmu l-istess lingwa. L-istudenti barranin kienu obbligati jipprovaw li mhux biss kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ ammissjoni għall-università fil-Belġju jew fl-Awstrija, iżda wkoll il-kriterji ta’ ammissjoni għall-istess taħriġ fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat iż-żewġ pajjiżi fis-sentenzi tal‑2004 (C‑65/03 Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju) u tal‑2005 (C‑147/03 Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din id-diskriminazzjoni tkun tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tkun proporzjonata u ma tkunx intiża għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni.
Eżempju ta’ dan it-tip ta’ ġustifikazzjoni deher iktar tard, meta qorti Belġjana talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha kjarifiki dwar regola tal-Komunità Franċiża tal-Belġju. Din ir-regola kienet tillimita n-numru ta’ studenti minn Stati Membri oħra li setgħu jirreġistraw għal ċerti korsijiet mediċi universitarji. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk din it-tip ta’ restrizzjoni tiddiskrimina indirettament kontra l-istudenti abbażi tan-nazzjonalità, hija tista’ tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa, għall-Istati Membri, li jipproteġu s-saħħa pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat lill-qorti Belġjana tevalwa jekk ir-restrizzjoni setgħetx iżżid in-numru ta’ gradwati disponibbli għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura tas-saħħa fil-Komunità Franċiża jew jekk miżuri inqas restrittivi setgħux jilħqu l-istess għan (C‑73/08 Bressol et).
Finanzjament għall-istudju u boroż ta’ studju għall-istudenti
Dany Bidar kien student Franċiż li kien ilu jgħix u jmur l-iskola fir-Renju Unit għal tliet snin. Huwa mbagħad kompla jistudja fil-University College London. It-talba tiegħu għal self lill-istudenti ġiet miċħuda peress li ma kienx ikkunsidrat bħala “stabbilit” fir-Renju Unit. Fl‑2005, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jirrifjuta self jew boroż ta’ studju lil studenti li jgħixu fl-Istat Membru u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jirrisjedu hemmhekk. Madankollu, sabiex jiġi evitat li l-istudenti barranin isiru piż mhux raġonevoli fuq pajjiż, jistgħu jiġu imposti kundizzjonijiet. Tali kundizzjoni tista’ tkun li l-istudent ikun għex f’dan il-pajjiż għal ċertu żmien qabel ma jkun studja hemm. Dan juri livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru. Madankollu, peress li dak iż-żmien kien impossibbli għal student barrani li jikseb l-istatus ta’ “stabbilit” meta kien student, din ir-regola kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (C‑209/03 Bidar).
F’sentenza tal‑2008, fir-rigward ta’ student Ġermaniż fil-Pajjiżi l-Baxxi li l-għotja ta’ manteniment tiegħu ġiet annullata, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li r-rekwiżit li l-istudenti jkunu għexu fil-pajjiż għal ħames snin qabel il-bidu tal-istudji tagħhom kien xieraq (C‑158/07 Förster).
Ftit snin wara, il-Kummissjoni ppreżentat rikors kontra l-Awstrija minħabba regoli li kellhom l-effett li l-istudenti Awstrijaċi jħallsu inqas għat-trasport pubbliku. L-Awstrija tat benefiċċju ta’ tariffi tat-trasport imnaqqsa lill-ulied li l-ġenituri tagħhom kienu jirċievu allowances tal-familja fl-Awstrija, rekwiżit li jiġi ssodisfatt ħafna iktar faċilment mill-Awstrijaċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan kien joħloq diskriminazzjoni (C‑75/11 Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija).
Fl‑2011, żewġ qrati Ġermaniżi staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar żewġ studenti Ġermaniżi li lilhom kien ġie miċħud il-finanzjament għal kors ta’ studju komplet barra mill-pajjiż, peress li ma setgħux juru li kienu għexu fil-Ġermanja għal tliet snin qabel dan. Iż-żewġ studenti twieldu fil-Ġermanja, għexu barra mill-pajjiż għal diversi snin mal-ġenituri tagħhom u marru lura l-Ġermanja ftit snin qabel l-istudji tagħhom. Madankollu, wieħed irritorna l-Ġermanja biss sentejn u 8 xhur qabel u l-ieħor ma setax jipprova li kien ilu fil-Ġermanja għal tliet snin. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-finanzjament tal-istudenti jiġi suġġett għal kundizzjoni waħda b’dan il-mod imur kontra l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dan jeskludi inġustament lill-istudenti li, minkejja li ma kinux jissodisfaw din il-kundizzjoni, kien għad kellhom rabtiet soċjali u ekonomiċi b’saħħithom mas-soċjetà Ġermaniża (C‑523/11 Prinz).
Ulied ħaddiema transkonfinali
Filwaqt li r-rekwiżiti ta’ residenza jistgħu jintużaw sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà għall-finanzjament tal-istudenti, dawn jistgħu jaffettwaw negattivament lill-ulied ħaddiema transkonfinali. Dawn l-ulied jgħixu f’pajjiż wieħed, iżda l-ġenituri tagħhom jaqsmu fruntiera nazzjonali sabiex jaħdmu u jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’dak il-pajjiż l-ieħor.
Fl‑2009, il-Kummissjoni ppreżentat rikors kontra l-Pajjiżi l-Baxxi għar-raġuni li huma biss l-istudenti li kienu ilhom jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal mill-inqas tlieta mis-sitt snin preċedenti li setgħu jibbenefikaw minn finanzjament għal studji barra mill-pajjiż. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kundizzjoni ta’ residenza kienet wisq esklużiva u kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta (C‑542/09 Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi).
Ftit snin wara, qorti Lussemburgiża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk Stat Membru jistax jirrifjuta boroż ta’ studju lil ulied ħaddiema transkonfinali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li dan it-tip ta’ kundizzjoni jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta. Madankollu, sabiex jiġi evitat it-“turiżmu ta’ boroż ta’ studju”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-boroż ta’ studju jistgħu jkunu suġġetti għall-kundizzjoni li l-ġenitur ikun ħadem fl-Istat Membru għal ċertu perijodu minimu ta’ żmien (C‑20/12 Giersch et).
Studenti internazzjonali
Fl‑2013, qorti Ġermaniża talbet kjarifiki dwar każ li kien jinvolvi ċittadin Tuneżin li l-applikazzjoni tiegħu għal viża Ġermaniża bħala student ġiet miċħuda diversi drabi, minkejja li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissjoni u ma kienx jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà jew għas-saħħa pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Istati Membri għandhom jaċċettaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jixtiequ jibqgħu iktar minn tliet xhur għal skopijiet ta’ studju sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni tal-Unjoni. L-impożizzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali tipperikola l-isforzi tal-Unjoni sabiex tiżgura l-mobbiltà tal-istudenti internazzjonali u tistabbilixxi l-Unjoni bħala ċentru globali għall-edukazzjoni (C‑491/13 Mohamed Ali Ben Alaya vs Il‑Ġermanja).
Konklużjoni
Dawn is-sentenzi juru b’mod kollettiv l-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreżerva d-drittijiet taż-żgħażagħ u li tavvanza l-mobbiltà tal-istudenti madwar l-Unjoni.
