Interpretazzjoni simultanja matul is-seduti – Rakkomandazzjonijiet lill-partijiet fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Is-seduti fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiġu interpretati fil-lingwi meħtieġa fl-Awla. Il-ħidma ma’ interpreti tista’ tkun differenti mill-kundizzjonijiet standard matul is-seduti fil-qrati nazzjonali. Din il-paġna tipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-partijiet fil-kawża dwar il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-ħidma mal-interpreti.

L-interpreti għandhom rwol essenzjali fl-ambjent multilingwi uniku tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huma jgħinu lill-konsulenti legali jikkomunikaw b’mod ċar u mexxej mal-Imħallfin, mal-Avukati Ġenerali u mal-parteċipanti l-oħra matul is-seduti.

Hemm xi fatturi li l-konsulent legali għandu jieħu inkunsiderazzjoni fil-ħidma ma’ interpreti.

X’għandek tagħmel bħala konsulent legali fil-każ ta’ interpretazzjoni

L-interpreti jippreparaw minn qabel għal kull seduta u jistudjaw il-kawża fil-fond. Madankollu, insostenn tax-xogħol tagħhom u sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-interpretazzjoni, inti għandek:

  1. Evita li taqra test b’mod mgħaġġel: Il-qari mgħaġġel ta’ test bil-miktub jagħmel l-interpretazzjoni diffiċli. Tkellem liberament, b’ritmu naturali u regolari, sabiex l-interpreti jkunu jistgħu jaħdmu b’mod iktar effiċjenti.
  2. Aqsam minn qabel it-testi bil-miktub: Jekk ser taqra test bil-miktub li tkun ħejjejt, ibgħat dan minn qabel permezz ta’ messaġġ elettroniku, fejn possibbli, lid-Direttorat għall-Interpretazzjoni fuq interpretation@curia.europa.eu. Dan jgħin lill-interpreti jippreparaw għas-seduta. Waqt is-seduta nnifisha, huwa biss dak li attwalment inti tgħid meta tkun qed tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkun suġġett għal interpretazzjoni. Naturalment, dan it-test jitqies li huwa dokument ta’ xogħol użat biss mill-interpreti u ma jiġix żvelat lil oħrajn, inklużi l-Imħallfin u l-partijiet l-oħra fil-kawża.
  3. Ipprovdi noti ta’ referenza: Anki noti miktubin bl-idejn b’referenzi jkunu utli. Dejjem tista’ tgħaddi kopja lill-interpreti eżatt qabel is-seduta.
  4. Iċċita b’mod ċar: Żgura ruħek li ċ-ċitazzjonijiet, ir-referenzi, iċ-ċifri, l-ismijiet u l-akronimi jiġu kkwotati b’mod ċar u bil-mod.
  5. Naqqas l-interferenzi: Qabel ma titkellem, jekk jogħġbok neħħi l-kuffji tas-smigħ tiegħek, baxxi l-volum u żommhom ’il bogħod mill-mikrofonu sabiex tiġi evitata kull tip ta’ interferenza.
  6. Itfi l-mezzi ta’ komunikazzjoni mobbli tiegħek: Itfi kompletament il-mezzi ta’ komunikazzjoni mobbli kollha sabiex jiġu evitati kull forma ta’ distrazzjoni u interruzzjoni.

Tista’ tikkuntattja wkoll lid-Direttorat għall-Interpretazzjoni permezz tal-posta elettronika fuq interpretation@curia.europa.eu jew bit-telefon fuq + 352 4303‑1.