Regoli ta’ Mġieba Etika għall-Membri u għall-Membri tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea teżiġi l-ogħla standards ta’ integrità u ta’ diskrezzjoni minn dawk kollha li jaħdmu magħha. Dawn ir-regoli japplikaw għall-Imħallfin, għall-Avukati Ġenerali u għar-Reġistraturi kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa flimkien bħala l-“Membri” tagħha. Ir-regoli jibqgħu japplikaw ukoll wara li l-Membru jkun telaq mill-Qorti tal-Ġustizzja. Standards daqstant għoljin japplikaw ukoll għall-membri tal-persunal tagħha.

Dawn ir-regoli ta’ mġieba etika huma miġbura f’għadd ta’ dokumenti vinkolanti, bħat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, bħall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u bħar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni. Dawn ir-rekwiżiti kollha ġew implimentati permezz ta’ żewġ Kodiċijiet ta’ Kondotta adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hemm Kodiċi għall-Membri u ieħor għall-membri tal-persunal. Flimkien, dawn huma l-pedament tal-qafas etiku tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Membri

Il-Kodiċi ta’ Kondotta

Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri jiġbor u jiċċara l-obbligi u l-istandards imposti fuq il-Membri mit-Trattat, mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli ta’ Proċedura. Il-Kodiċi jistipula li l-Membri għandhom jiddedikaw ruħhom bis-sħiħ għall-ħidma tagħhom fil-Qorti tal-Ġustizzja. Huma għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa, b’integrità, b’dinjità u b’imparzjalità, kif ukoll b’lealtà u b’diskrezzjoni. Dan japplika kemm għall-Membri attwali kif ukoll għal dawk li kienu Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kodiċi fil-prattika

Indipendenza, integrità u dinjità

Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-Membri, huma ma jistgħux ifittxu jew isegwu struzzjonijiet mill-Istati Membri jew minn istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni. Huma ma jistgħux jaċċettaw rigali li jkunu jistgħu jpoġġu f’dubju l-indipendenza tagħhom. Huma ma jistgħux jaġixxu jew jesprimu ruħhom b’mod li jpoġġi f’dubju l-indipendenza, l-integrità jew id-dinjità tal-kariga tagħhom.

Imparzjalità u kunflitti ta’ interess

Huma għandhom jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess reali jew ipperċepit. Għal dan il-għan, huma ma jistgħux jipparteċipaw fil-kawżi li fihom huma jista’ jkollhom interess jew fejn preċedentement huma jkunu aġixxew għal waħda mill-partijiet.

Sabiex tiġi żgurata trasparenza ikbar f’dan ir-rigward, meta l-Membri jibdew jaqdu dmirijiethom, huma għandhom jippreżentaw lill-President dikjarazzjoni tal-interessi li telenka l-assi finanzjarji tagħhom. Din l-informazzjoni, flimkien mal-curriculum vitae tal-Membru, tiġi ppubblikata fit-taqsima tal-Membri tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Membri għandhom iġeddu din id-dikjarazzjoni kull darba li s-sitwazzjoni tagħhom tevolvi u ma’ kull tiġdid ta’ 3 snin tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Attivitajiet Esterni

Jekk Membru jkun jixtieq jipparteċipa f’attività esterna, huwa għandu jikseb l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Qorti tiegħu.

Din l-approvazzjoni tikkonċerna tipi differenti ta’ attivitajiet li jkunu marbuta mill-qrib max-xogħol tagħhom fil-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż:

  • Attivitajiet li fihom il-Membru jirrappreżenta uffiċjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja f’avveniment jew ċerimonja.
  • Attivitajiet li fihom il-Membru jkun qed iservi l-interess Ewropew. Dawn jistgħu jkunu:
    • Parteċipazzjoni f’konferenza, f’seminars jew fi kwalunkwe attività li tippromwovi d-dritt tal-Unjoni jew id-djalogu ġudizzjarju;
    • Tagħlim;
    • Parteċipazzjoni f’laqgħa fuq stedina ta’, jew li fiha jipparteċipa, persunaġġ pubbliku; jew
    • Għoti ta’ titolu, unur jew dekorazzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tippubblika lista annwali ta’ dawn l-attivitajiet. Fejn applikabbli, il-lista għandha tinkludi wkoll l-ispejjeż imġarrba mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-attività awtorizzata tal-Membru.

Wara li jitilqu mill-kariga tagħhom

Il-Kodiċi jibqa’ japplika għall-Membri anki wara li jitilqu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawk li kienu Membri huma meħtieġa jkomplu jaġixxu b’integrità, b’dinjità, b’lealtà u b’diskrezzjoni.

Wara li jitilqu mill-kariga tagħhom, huma ma jistgħux ikunu involuti fi

  • kawżi li kienu pendenti fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-mument meta huma telqu mill-kariga tagħhom
  • kawżi li jkunu manifestament konnessi mal-kawżi li huma jkunu ttrattaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
  • kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala rappreżentant ta’ parti, għal perijodu ta’ 3 snin

Membri tal-Persunal

Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja jeżiġi mġieba eżemplari, li tosserva l-ogħla standards etiċi u l-valuri li fuqhom hija bbażata l-ġustizzja Ewropea.

Bħall-Membri, il-membri tal-persunal għandhom jaġixxu b’indipendenza, b’imparzjalità, b’integrità u b’lealtà. Huma għandhom jevitaw ukoll kwalunkwe kunflitt ta’ interess. Kull attività esterna għandha tiġi approvata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-membri tal-persunal għandhom jevitaw li jippreġudikaw l-awtorità, id-dinjità jew l-immaġni tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità tiġi protetta, b’mod partikolari fil-kuntest tal-użu tat-teknoloġija jew tal-midja soċjali.

Huma għandhom jittrattaw lill-kollegi u lil kwalunkwe persuna li tikkuntattja lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċivili u jevitaw imġieba mhux xierqa, offensiva jew diskriminatorja.

L-istess bħall-Membri, l-obbligu ta’ kunfidenzjalità u ta’ diskrezzjoni jibqa’ japplika anki wara li jkunu telqu mill-Qorti tal-Ġustizzja, u dawk li kienu membri tal-persunal għandhom juru dan b’diskrezzjoni u b’onestà meta jaċċettaw ċerti funzjonijiet jew benefiċċji. Minħabba n-natura partikolari tax-xogħol tagħhom, il-Kodiċi jipprevedi wkoll regoli speċifiċi għall-amministraturi u għal dawk li jaħdmu direttament mal-Imħallfin.