Standards tal-Etika għall-Membri u għall-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea titlob l-ogħla standards ta’ integrità u ta’ diskrezzjoni minn dawk kollha li jaħdmu magħha. Dawn l-istandards japplikaw għall-Imħallfin, għall-Avukati Ġenerali u għar-Reġistraturi kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien il-“Membri” tagħha. L-istandards jibqgħu japplikaw ukoll wara li l-Membru jitlaq mill-Qorti tal-Ġustizzja. Standards daqstant ieħor għoljin japplikaw ukoll għall-membri tal-persunal tagħha.
Dawn l-istandards tal-etika huma miġbura f’għadd ta’ dokumenti vinkolanti, bħat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni. Dawn ir-rekwiżiti kollha ġew implimentati permezz ta’ żewġ Kodiċijiet ta’ Kondotta adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hemm Kodiċi għall-Membri u ieħor għall-membri tal-persunal. Flimkien, dawn huma l-pedament tal-qafas etiku tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Membri
Il-Kodiċi ta’ Kondotta
Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri jiġbor u jiċċara l-obbligi u l-istandards imposti fuq il-Membri mit-Trattat, mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli ta’ Proċedura. Il-Kodiċi jistipula li l-Membri għandhom jiddedikaw ruħhom bis-sħiħ għall-ħidma tagħhom fil-Qorti tal-Ġustizzja. Huma għandhom jaġixxu b’indipendenza, b’integrità, b’dinjità u b’imparzjalità sħiħa, kif ukoll b’lealtà u b’diskrezzjoni sħiħa. Dan japplika kemm għall-Membri kurrenti kif ukoll għal dawk f’xi żmien kienu Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Kodiċi fil-prattika
Indipendenza, integrità u dinjità
Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-Membri, huma ma jistgħux ifittxu jew isegwu struzzjonijiet mill-Istati Membri jew minn istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni. Ma jistgħux jaċċettaw rigali li jkunu jistgħu jwaqqgħu dubju fuq l-indipendenza tagħhom. Ma jistgħux jaġixxu jew jesprimu ruħhom b’mod li jwaqqa’ dubju fuq l-indipendenza, l-integrità jew id-dinjità tal-kariga tagħhom.
Imparzjalità u kunflitti ta’ interess
Huma għandhom jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess, sew jekk ikun jeżisti tassew u sew jekk ikun jidher li jeżisti. F’dan is-sens, huma ma jistgħux jipparteċipaw fil-kawżi li fihom jista’ jkollhom interess jew fejn qabel ikunu aġixxew għal xi waħda mill-partijiet.
Sabiex tiġi żgurata trasparenza ikbar f’dan ir-rigward, meta l-Membri jidħlu fil-kariga tagħhom, huma għandhom jippreżentaw lill-President dikjarazzjoni tal-interessi li telenka l-assi finanzjarji tagħhom. Din l-informazzjoni, flimkien mal-curriculum vitae tal-Membru, tiġi ppubblikata fit-taqsima tal-Membri tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Membri għandhom iġeddu din id-dikjarazzjoni kull darba li tinbidel is-sitwazzjoni tagħhom u darba kull massimu ta’ tliet snin, mat-tiġdid tal-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Attivitajiet esterni
Jekk Membru jkun jixtieq jieħu sehem f’attività esterna, huwa għandu jikseb l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Qorti tiegħu.
Din l-approvazzjoni tikkonċerna tipi differenti ta’ attivitajiet li huma marbuta mill-qrib max-xogħol tagħhom fil-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż:
- Attivitajiet li fihom il-Membru jirrappreżenta uffiċjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja f’avveniment jew ċerimonja.
- Attivitajiet li fihom il-Membru jmexxi ’l quddiem l-interess Ewropew. Dawn jistgħu jkunu:
- Parteċipazzjoni f’konferenza, f’seminars jew fi kwalunkwe attività li tippromwovi d-dritt tal-Unjoni jew id-djalogu ġudizzjarju;
- Tagħlim;
- Parteċipazzjoni f’laqgħa għal stedina ta’ persuna pubblika, jew li tattendi għaliha persuna pubblika; jew
- Riċeviment ta’ titolu, unur jew dekorazzjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tippubblika lista annwali ta’ dawn l-attivitajiet. Il-lista tinkludi wkoll, fejn jagħti l-każ, l-ispejjeż sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-attività awtorizzata tal-Membru.
- Lista ta’ attivitajiet esterni tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja matul is-sena li għaddiet.
- Lista ta’ attivitajiet esterni tal-Membri tal-Qorti Ġenerali matul is-sena li għaddiet.
- Listi tas-snin l-oħra.
Wara li jħallu l-kariga tagħhom
Il-Kodiċi jibqa’ japplika għall-Membri anki wara li jitilqu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawk li f’xi żmien kienu Membri għandhom ikomplu jaġixxu b’integrità, b’dinjità, b’lealtà u b’diskrezzjoni.
Wara li jħallu l-kariga tagħhom, huma ma jistgħux ikunu involuti
- f’kawżi li kienu pendenti fil-Qorti tal-Ġustizzja meta ħallew il-kariga tagħhom
- f’kawżi li jkun ċar li jkollhom x’jaqsmu mal-kawżi li huma jkunu ppresjedew fil-Qorti tal-Ġustizzja
- f’kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala rappreżentant ta’ parti, għal perijodu ta’ 3 snin
Iktar informazzjoni
Għal iktar informazzjoni dwar il-garanziji tal-indipendenza ġudizzjarja applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-paġna tagħna dwar l-Indipendenza, l-Imparzjalità u l-Prevenzjoni tal-Kunflitti ta’ Interess.
Membri tal-Persunal
Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja jitlob imġiba eżemplari, li tosserva l-ogħla standards etiċi u l-valuri li fuqhom hija bbażata l-ġustizzja Ewropea.
Bħall-Membri, il-membri tal-persunal għandhom jaġixxu b’indipendenza, b’imparzjalità, b’integrità u b’lealtà. Huma għandhom jevitaw ukoll kwalunkwe kunflitt ta’ interess. Kull attività esterna għandha tiġi approvata mill-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-membri tal-persunal għandhom jevitaw li jagħmlu ħsara lill-awtorità, lid-dinjità jew lill-impressjoni pubblika tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità tiġi protetta, b’mod partikolari fl-użu tat-teknoloġija jew tal-media soċjali.
Huma għandhom jittrattaw lill-kollegi u lil kwalunkwe persuna li tikkuntattja lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċivili u jevitaw kull imġiba mhux xierqa, insolenti jew diskriminatorja.
L-istess bħall-Membri, l-obbligu li jżommu l-kunfidenzjalità u d-diskrezzjoni jibqa’ japplika anki wara li jkunu telqu mill-Qorti tal-Ġustizzja, u dawk li f’xi żmien kienu membri tal-persunal għandhom juru sens ta’ tattika u onestà meta jaċċettaw ċerti funzjonijiet jew benefiċċji. Minħabba n-natura speċjali tax-xogħol tagħhom, il-Kodiċi jipprevedi wkoll regoli speċifiċi għall-amministraturi u għal dawk li jaħdmu direttament mal-Imħallfin.
