Trasparenza
It-trasparenza hija waħda mill-valuri ewlenin tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija wkoll prinċipju fundamentali tal-Unjoni, li jiżgura l-ftuħ u l-aċċess tal-informazzjoni għall-pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tagħmel disponibbli informazzjoni ddettaljata dwar il-kawżi kollha fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tagħha. Regoli stretti dwar it-trasparenza japplikaw ukoll għad-dipartimenti amministrattivi u għall-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Introduzzjoni
It-trasparenza hija minquxa fl-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaħdmu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ.
L-Artikolu 15 jiggarantixxi wkoll li, taħt ċerti kundizzjonijiet, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tqis ukoll dan il-prinċipju u adottat deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti amministrattivi tagħha.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-għan li tagħmel disponibbli kemm jista’ jkun informazzjoni f’dan is-sit.
Kawżi
Il-ħidma ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex koperta mir-regoli tal-Unjoni dwar it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti. Madankollu, dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja topera b’mod sigriet.
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija ddedikata għaż-żamma ta’ livell għoli ta’ trasparenza fit-twettiq tax-xogħol tagħha. Hija għandha l-għan li tagħmel disponibbli kemm jista’ jkun informazzjoni dwar kull kawża.
Bħala regola ġenerali, l-informazzjoni kollha disponibbli għall-pubbliku dwar kawża tinsab fid-database tal-ġurisprudenza. Din tinkludi
- informazzjoni dwar il-kawża nnifisha, bħan-numru ta’ identifikazzjoni tal-kawża, l-isem tal-kawża, id-data tal-preżentata tar-rikors u l-lingwa tal-kawża
- talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa wara l‑1 ta’ Lulju 2018
- avviżi tar-rikorsi, inklużi l-argumenti ewlenin
- osservazzjonijiet u sottomissjonijiet tal-partijiet u tal-Istati Membri ppreżentati fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari (disponibbli wara l-għeluq tal-kawża, sakemm l-awtur ma joġġezzjonax)
- konklużjonijiet
- digrieti
- sentenzi
Barra minn hekk, is-seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja normalment ikunu avvenimenti pubbliċi. L-iktar seduti importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja jixxandru fis-sit internet tagħna u jkunu disponibbli għal xahar wara s-seduta.
Għal iktar informazzjoni dwar kif tista’ ssegwi kawża, ara l-paġna tagħna dwar l-informazzjoni pubblika dwar il-kawża.
Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja
Informazzjoni dwar l-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-Reġistraturi tal-Qorti tal-Ġustizzja, magħrufa bħala “Membri” tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija wkoll suġġetta għal ċerti rekwiżiti ta’ trasparenza. Dawn huma stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri.
Il-curriculum vitae ta’ kull Membru jinsab fit-taqsima tal-Membri tas-sit tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Iktar informazzjoni dwar il-Membri hija disponibbli wkoll, inkluż
- dikjarazzjoni finanzjarja li telenka l-assi finanzjarji ta’ kull Membru
- l-attivitajiet esterni ta’ kull Membru, inklużi l-ispejjeż ta’ kull attività għall-Qorti tal-Ġustizzja
Għal iktar informazzjoni, ara l-paġna tagħna dwar il-Kondotta.
Aċċess għal dokumenti amministrattivi
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti fil-kuntest tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha. Ix-xogħol amministrattiv tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa xogħol li ma huwiex marbut direttament ma’ kawża.
Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat deċiżjoni li tiddefinixxi r-regoli ta’ aċċess għal pubbliku għal dawn id-dokumenti.
Iktar informazzjoni dwar dan u dettalji dwar kif għandha tiġi ppreżentata talba għal aċċess għal dokumenti amministrattivi jinsabu fil-paġna tagħna dwar l-Aċċess għal dokumenti amministrattivi.
Arkivji storiċi
Hemm regoli speċifiċi dwar dokumenti li għandhom iktar minn 30 sena.
L-arkivji storiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma amministrati mill-Istitut Universitarju Ewropew (EUI) f’Firenze. Għal iktar informazzjoni dwar dan ara: Arkivji Storiċi.
