Direttorat għall-Komunikazzjoni
Id-Direttorat għall-Komunikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa responsabbli għal kwalunkwe komunikazzjoni interna u esterna tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Bħala tali, huwa fuq quddiem fl-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja favur it-trasparenza.
Huwa jipprovdi informazzjoni lill-ġurnalisti u lill-pubbliku ġenerali dwar il-ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan isir kemm permezz ta’ komunikazzjoni tal-massa, prinċipalment permezz tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ għodod tal-midja soċjali, kif ukoll fuq bażi individwali permezz tal-posta elettronika u t-telefonati riċevuti mill-Qorti tal-Ġustizzja.
Dan jinkludi żewġ diviżjonijiet, id-Diviżjoni għall-Istampa u għall-Informazzjoni u d-Diviżjoni għall-Pubblikazzjonijiet u għall-Midja Elettronika, li kull waħda minnhom għandha l-oqsma ta’ attività tagħha stess.
Barra minn hekk, timijiet mid-Direttorat kollu jaħdmu flimkien sabiex jamministraw il-kanali tal-midja soċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja, joħolqu u jxerrdu l-kontenut awdjoviżiv tal-Qorti tal-Ġustizzja, magħruf bħala CuriaWebTV, u jorganizzaw avvenimenti bħall-Jum Bibien Miftuħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Diviżjoni għall-Istampa u għall-Informazzjoni
Id-Diviżjoni għall-Istampa u għall-Informazzjoni tamministra l-komunikazzjoni dwar l-attivitajiet ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja u tamministra r-relazzjonijiet mal-midja tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Hija responsabbli wkoll sabiex twieġeb mistoqsijiet mill-pubbliku ġenerali.
Hija tfassal u tqassam stqarrijiet għall-istampa dwar deċiżjonijiet u konklużjonijiet importanti, b’mod partikolari dawk li jkunu interessanti għaċ-ċittadini u/jew għal dawk li jkollhom impatt soċjali jew ekonomiku sinjifikattiv.
Għal iktar informazzjoni dwar kif il-Qorti tal-Ġustizzja tinteraġixxi mal-istampa, ara l-paġna tagħna dwar is-Servizzi għall-midja.
Diviżjoni għall-Pubblikazzjonijiet u għall-Midja Elettronika
Id-Diviżjoni għall-Pubblikazzjonijiet u għall-Midja Elettronika tieħu ħsieb il-politika ta’ pubblikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tamministra wkoll il-komunikazzjoni interna u l-intranet tal-Qorti tal-Ġustizzja b’kollaborazzjoni ma’ dipartimenti oħra.
Hija responsabbli għall-materjal ta’ informazzjoni estern kollu tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż dan is-sit u r-Rapport Annwali. Verżjoni stampata tar-Rapport Annwali u tal-pubblikazzjonijiet l-oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jintalbu, sakemm dawn ikunu disponibbli, permezz tal-formola ta’ kuntatt.
