Gwida għall-midja
Id-Diviżjoni għall-Istampa u għall-Informazzjoni hija l-punt ta’ kuntatt għall-midja li tkun trid issir taf iktar dwar il-ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija toffri ħafna servizzi mfassla speċifikament għall-istampa sabiex jipprovdu informazzjoni essenzjali u f’waqtha.
Jekk jogħġbok innota li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda kelliem uffiċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkomunika biss permezz tad-deċiżjonijiet uffiċjali tagħha.
Lil min għandek tikkuntattja
Id-Diviżjoni għall-Istampa u għall-Informazzjoni għandha numru ta’ uffiċjali għall-istampa, b’kull uffiċjal għall-istampa responsabbli għall-midja ta’ Stat Membru wieħed jew iktar tal-Unjoni jew lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Id-dettalji ta’ kuntatt ta’ kull uffiċjal għall-istampa jinsabu f’din il-paġna.
Servizzi għall-istampa offruti mill-Qorti tal-Ġustizzja
Flimkien, id-Diviżjoni toffri diversi servizzi li jgħinu lill-professjonisti tal-midja.
- L-istqarrijiet għall-istampa jiġbru fil-qosor il-punti ewlenin tas-sentenzi u tal-konklużjonijiet. Dawn jistgħu jkopru wkoll ċerti avvenimenti, bħal udjenzi solenni jew żjarat uffiċjali. L-istqarrijiet għall-istampa huma disponibbli fis-sit Curia, permezz ta’ applikazzjoni, u permezz ta’ RSS feed.
- Newsletters iħabbru l-avvenimenti ewlenin li ġejjin, bħall-għoti ta’ sentenzi u ta’ konklużjonijiet, kif ukoll seduti f’kawżi importanti ġimgħa jew diversi ġimgħat qabel ma effettivament dawn jinżammu. Ġeneralment ikun fihom espożizzjoni fil-qosor tal-fatti tal-kawżi mħabbra.
- Aġġornamenti permezz tal-posta elettronika: Il-ġurnalisti jistgħu jikkuntattjaw membru tad-Diviżjoni għall-Istampa u għall-Informazzjoni u jitolbu li jiġu inklużi fil-lista tat-tqassim bil-posta elettronika tal-istqarrijiet għall-istampa u tal-aġġornamenti tal-aġenda tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal iktar informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, ara l-politika tagħna dwar il-protezzjoni tad-data.
- Mistoqsijiet magħmula permezz tas-sit Curia: Il-ġurnalisti jistgħu wkoll jikkuntattjaw membru tad-Diviżjoni għall-Istampa u għall-Informazzjoni billi jagħżlu l-opzjoni “stampa” fuq il-formola ta’ kuntatt fis-sit Curia. It-tweġiba tintbagħat fl-indirizz tal-posta elettronika tagħhom li jkunu indikaw fil-formola ta’ kuntatt.
- L-aġenda tal-Qorti tal-Ġustizzja: L-aġenda tal-Qorti tal-Ġustizzja tkopri perijodu ta’ ħames ġimgħat. Hija tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar is-seduti skedati u dwar l-għoti tas-sentenzi u tal-konklużjonijiet.
- It-test sħiħ tas-sentenzi u tal-konklużjonijiet: It-testi sħaħ tas-sentenzi u tal-konklużjonijiet ikunu disponibbli fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit Curia, ġeneralment mill-12:00 CET fil-jum tal-għoti tagħhom.
- Organizzazzjoni ta’ intervisti: Il-ġurnalisti jistgħu jissottomettu talbiet għal intervista mal-Imħallfin u mal-Avukati Ġenerali permezz tal-membru kompetenti tad-Diviżjoni għall-Istampa u għall-Informazzjoni.
- Spjegazzjonijiet u kjarifiki: L-uffiċjali għall-istampa huma disponibbli sabiex jipprovdu spjegazzjonijiet jew kjarifiki dwar it-terminoloġija legali u kwistjonijiet legali relatati mad-deċiżjonijiet tal-Qrati.
- Midja soċjali: Il-kontijiet tal-midja soċjali tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkondividu aġġornamenti dwar deċiżjonijiet ewlenin u ċerti avvenimenti istituzzjonali.
Parteċipazzjoni fis-seduti u fis-sentenzi
Il-parti l-kbira tas-seduti u tal-għoti ta’ sentenzi huma pubbliċi. Il-ġurnalisti huma mistiedna jattendu personalment fil-Qorti tal-Ġustizzja. Ċerti sentenzi u seduti jixxandru wkoll b’mod dirett. Għal iktar dettalji, ara l-paġna tagħna dwar l-parteċipazzjoni f’seduta.
Il-ġurnalisti li jkunu jridu jipparteċipaw f’seduta jew fl-għoti ta’ sentenza għandhom jitolbu akkreditazzjoni minn qabel billi jissottomettu l-formola ta’ akkreditazzjoni.
Sala għall-Istampa tinsab għad-dispożizzjoni tal-ġurnalisti akkreditati.
Jekk jogħġbok innota li s-seduti ma jistgħux jiġu rreġistrati u li l-użu ta’ apparati elettroniċi fl-Awla huwa strettament ipprojbit.
Xandir u midja awdjoviżiv
Huwa possibbli li l-għoti ta’ sentenza jew il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jiġu rreġistrati. Huwa wkoll possibbli li jiġi rreġistrat l-avviż fil-bidu ta’ seduta. Madankollu, is-seduti ma jistgħux jiġu rreġistrati.
L-iffilmjar jew ir-reġistrazzjoni tas-sentenzi huwa possibbli biss bl-awtorizzazzjoni minn qabel tad-Diviżjoni għall-Istampa u għall-Informazzjoni.
Il-fotografi u l-operaturi tal-kameras ma jistgħux jiċċaqalqu fl-Awla sabiex jieħdu ritratti. Lanqas ma jista’ jintuża l-flash.
Fil-każ ta’ interess medjatiku kbir, in-numru ta’ kameras fl-Awla jitnaqqas u jiġi organizzat ġbir ta’ riżorsi fil-forma ta’ media pool.
Ritratti u materjal awdjoviżiv
Ritratti mill-arkivji u ritratti minn għoti ta’ sentenzi partikolari u minn avvenimenti speċifiċi jkunu disponibbli fil-paġna multimedjali tal-Qorti tal-Ġustizzja u permezz ta’ Europe by Satellite, is-servizz awdjoviżiv tal-Kummissjoni Ewropea. Jekk jogħġbok aqra l-avviż tagħna dwar id-drittijiet tal-awtur qabel ma tuża dan il-materjal.
