Direttorat għar-Riżorsi Umani
Id-Direttorat għar-Riżorsi Umani huwa responsabbli għall-aspetti kollha tal-amministrazzjoni tar-riżorsi umani fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan jiżgura li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tuża membri tal-persunal li jkunu debitament ikkwalifikati u kompetenti, minn ambjenti ġeografiċi u kulturali differenti, sabiex twettaq il-missjoni tagħha. Huwa jieħu ħsieb ir-reklutaġġ u l-progressjoni tal-karriera, u jfassal u jimplimenta l-programm ta’ tagħlim u żvilupp tal-persunal. Hija tieħu ħsieb ukoll is-salarji u pagamenti oħra, u timplimenta miżuri sabiex tiżgura l-benesseri tal-persunal u bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Konformement mal-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-opportunitajiet indaqs, id-Direttorat għar-Riżorsi Umani huwa impenjat bis-sħiħ li jippromwovi ambjent tax-xogħol inklużiv u ddiversifikat, fejn il-multilingwiżmu, il-kollaborazzjoni u l-perspettivi differenti jiġu ċċelebrati.
Struttura organizzattiva
Id-Direttorat għar-Riżorsi Umani huwa organizzat f’erba’ diviżjonijiet.
- Selezzjoni ta’ Talenti: Din id-diviżjoni tieħu ħsieb ir-reklutaġġ u s-selezzjoni tal-membri tal-persunal, kif ukoll it-trasferimenti interni u l-mobbiltà. Hija tipprovdi pariri dwar il-karrieri u tamministra l-programm ta’ stages tal-Qorti tal-Ġustizzja.
- Kundizzjonijiet tax-Xogħol: Din id-diviżjoni hija responsabbli għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u għall-assistenza soċjali. Hija tfassal u timplimenta miżuri għas-salvagwardja tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u għall-promozzjoni tal-benesseri tal-persunal. Hija tikkoordina diversi miżuri li jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, ix-xogħol part-time, il-leave parentali u tal-familja.
- Żvilupp tat-Talenti: Din id-diviżjoni tfassal u timplimenta l-programm ta’ taħriġ vokazzjonali. Dan il-programm ikopri b’mod partikolari l-oqsma lingwistiċi, legali, tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-amministrazzjoni. Id-diviżjoni tipprovdi assistenza lil dipartimenti li jkunu għaddejjin minn bidliet organizzattivi kbar. Hija tittratta r-rapporti ta’ evalwazzjoni u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u ta’ promozzjoni.
- Amministrazzjoni tad-Drittijiet: Din id-diviżjoni tamministra d-drittijiet pekunjarji u l-ħlas tas-salarji lill-Membri u lill-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja. Id-diviżjoni tieħu ħsieb ukoll ir-rimborsi tal-missjonijiet imwettqa mill-Membri u mill-membri tal-persunal u tistabbilixxi d-drittijiet għall-pensjoni.
