Politika tal-lingwa tas-sit

Il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq kull sforz sabiex tiżgura disponibbiltà wiesgħa tal-informazzjoni tagħha billi tagħmel is-sit Curia aċċessibbli fl‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Il-parti l-kbira ta’ dan is-sit huwa disponibbli fl‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Din il-paġna tispjega x’inhu disponibbli b’liema lingwi.

Politika ġenerali

L-għan ta’ dan is-sit huwa li jipprovdi kemm jista’ jkun kontenut fl‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni. Għalkemm dan jibqa’ prijorità, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-limitazzjonijiet prattiċi tar-riżorsi disponibbli tagħha. Għalhekk, f’ċerti ċirkustanzi, l-informazzjoni ssir pubblika biss f’numru limitat ta’ lingwi.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-fehim, jekk paġna ma tkunx ġiet tradotta, it-traduzzjoni awtomatika tkun disponibbli permezz tal-buttuna tat-traduzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiżgurax il-kwalità tat-traduzzjonijiet awtomatiċi pprovduti. Dawn huma maħsuba biss bħala għajnuna għall-fehim.

Paġni ta’ informazzjoni

Il-paġni ta’ informazzjoni prinċipali kollha tas-sit Curia huma disponibbli fl‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni. Dawn il-paġni jinkludu dawk li jiddeskrivu x-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-mod kif hija organizzata u tiffunzjona, kif ukoll informazzjoni dwar il-Membri.

Meta fin-navigazzjoni tiegħek fis-sit ikun hemm paġna li teżisti fil-lingwa li għażilt din tintwera awtomatikament b’din il-lingwa.

Atti proċedurali

Id-dokumenti kollha neċessarji għall-preparazzjoni u għall-preżentata ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma disponibbli fl‑24 lingwa kollha tal-Unjoni.

Paġni ta’ informazzjoni

Minħabba ż-żmien qasir bejn l-abbozzar u t-tqegħid ta’ informazzjoni kurrenti fis-sit tagħna, ma huwiex possibbli li tiġi pprovduta traduzzjoni umana. Madankollu, it-traduzzjoni awtomatika hija disponibbli permezz tal-buttuna tat-traduzzjoni.

Sentenzi u Konklużjonijiet

Il-parti l-kbira tas-sentenzi u tal-konklużjonijiet kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti Ġenerali jiġu tradotti u jkunu disponibbli fis-sit internet fl‑24 lingwa kollha.

Madankollu, ċerti sentenzi ma jiġux tradotti. Dawn huma sentenzi mogħtija f’kawżi li ma jqajmux kwistjonijiet partikolarment kumplessi jew importanti.

Sentenzi li ma jiġux tradotti fil-lingwi kollha jkunu disponibbli fis-sit internet fil-lingwa tal-kawża u fil-lingwa li fiha nkitbet, li normalment ikun il-Franċiż.

Liema deċiżjonijiet jiġu tradotti fil-lingwi kollha?

Il-Qorti tal-Ġustizzja

Mill‑1 ta’ Mejju 2004, bħala regola ġenerali, ikunu disponibbli fil-lingwi kollha:

  • Sentenzi mogħtija f’Seduta Plenarja u mill-Awla Manja
  • Sentenzi mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari
  • Sentenzi mogħtija f’kawżi li ma jkunux proċedura għal deċiżjoni preliminari iżda li fihom ikunu ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali
  • Opinjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE

Il-Qorti Ġenerali

Mix-xahar ta’ Settembru 2005, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kulleġġ ġudikanti kkonċernat, jiġu tradotti:

  • Sentenzi tal-Awla Manja
  • Sentenzi tal-Awli b’ħames Imħallfin
  • Ċerti sentenzi tal-Awli bi tliet Imħallfin, bil-kulleġġ ġudikanti kkonċernat jiddeċiedi każ b’każ

Liema kawżi huma disponibbli biss fil-lingwa tal-kawża u bil-Franċiż?

Il-Qorti tal-Ġustizzja

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kulleġġ ġudikanti kkonċernat, bħala prinċipju, ma jiġux tradotti:

  • Sentenzi mogħtija f’kawżi li ma jkunux proċedura għal deċiżjoni preliminari minn Awli bi tliet jew b’ħames Imħallfin li jagħtu deċiżjoni mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali
  • Digrieti

F’okkażjonijiet rari, deċiżjoni preliminari mogħtija minn Awla komposta minn tliet jew ħames imħallfin ma tiġix tradotta. Minn Settembru 2011, l-Awla tista’ tiddeċiedi li ma tittraduċix tali sentenzi.

Il-Qorti Ġenerali

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, is-sentenzi li ġejjin ma jiġux ippubblikati fil-Ġabra:

  • Ċerti sentenzi tal-Awli bi tliet Imħallfin, bil-kulleġġ ġudikanti kkonċernat jiddeċiedi każ b’każ
  • Sentenzi tal-Qorti Ġenerali mogħtija minn Imħallef uniku
  • Digrieti li jinkludu evalwazzjoni ġudizzjarja bħall-għeluq ta’ kawża jew l-għeluq ta’ talba għal miżuri provviżorji

Stqarrijiet għall-istampa

Il-parti l-kbira tal-istqarrijiet għall-istampa jkunu disponibbli fis-sit internet mill-inqas bil-lingwa tal-kawża, bil-Franċiż u/jew bl-Ingliż. L-għażla tal-lingwi tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-interess tal-kawża.

Riżorsi oħra fis-sit

Numru kbir ta’ riżorsi fis-sit internet huma disponibbli fl‑24 lingwa kollha. Dawn jinkludu

  • il-Panorama tas-sena
  • is-Selezzjoni Annwali tal-Iktar Sentenzi Importanti
  • Dokumenti Tematiċi dwar il-Ġurisprudenza

Għal raġunijiet ta’ trasparenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi wkoll firxa wiesgħa ta’ riżorsi legali oħra. Ħafna drabi dawn ikunu riżorsi li jkunu tħejjew għall-ħtiġijiet interni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn id-dokumenti jkunu disponibbli fil-verżjonijiet lingwistiċi eżistenti.

Fost dawn ir-riżorsi hemm:

  • ir-Repertorju tal-Ġurisprudenza tad-Dritt Komunitarju (bil-Franċiż)
  • il-Bulettin tal-Ġurisprudenza ta’ kull Xahar (Franċiż u Ingliż)
  • Noti ta’ riċerka (bil-Franċiż u fil-parti l-kbira bl-Ingliż)
  • Deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali ta’ interess għad-dritt tal-Unjoni (disponibbli bil-lingwi pprovduti mill-qorti nazzjonali)
  • Atti ta’ konferenzi u avvenimenti (disponibbli bil-lingwa oriġinali tal-preżentazzjoni)