Direttorati għat-Traduzzjoni Ġuridika
Id-dipartiment għat-traduzzjoni ġuridika tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa responsabbli għall-bżonnijiet kollha ta’ traduzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Huwa maqsum f’żewġ direttorati – id-Direttorat għat-Traduzzjoni Ġuridika A u d-Direttorat għat-Traduzzjoni Ġuridika B. Id-diviżjonijiet lingwistiċi huma maqsuma bejn iż-żewġ direttorati.
Id-diretturi jieħdu ħsieb l-24 diviżjoni tal-lingwa kollha, li jkopru l-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni:
- il-Bulgaru
- il-Kroat
- iċ-Ċek
- id-Daniż
- l-Olandiż
- l-Ingliż
- l-Estonjan
- il-Finlandiż
- il-Franċiż
- l-Irlandiż
- il-Ġermaniż
- il-Grieg
- l-Ungeriż
- it-Taljan
- il-Latvjan
- il-Litwan
- il-Malti
- il-Pollakk
- il-Portugiż
- ir-Rumen
- is-Slovakk
- is-Sloven
- l-Ispanjol
- l-Isvediż
Il-politika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-multilingwiżmu tirriżulta mill-obbligi tagħha skont ir-regoli proċedurali taż-żewġ qrati.
Kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni tista’ tintuża bħala lingwa tal-kawża u d-diviżjonijiet għat-traduzzjoni għandhom jiżguraw li d-dokumenti ta’ kull kawża jiġu tradotti għall-Franċiż, il-lingwa tad-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, u għal kwalunkwe lingwa oħra meħtieġa għall-kawża. Huma jittraduċu wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali fil-lingwi kollha għall-pubblikazzjoni. Sabiex kull lingwa tkun tista’ tiġi tradotta fil-lingwi l-oħra kollha, jeżistu 552 kombinazzjoni ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni.
Għal iktar informazzjoni dwar id-dokumenti tradotti, ara l-paġni tagħna dwar:
It-testi li għandhom jiġu tradotti huma dokumenti legali tekniċi ħafna, għaldaqstant id-dipartiment jimpjega biss persuni gradwati fid-dritt li jkollhom ukoll għarfien profond ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni minbarra l-lingwa materna tagħhom. Huma jissejħu “ġuristi lingwisti”. Jekk tixtieq issir ġurist lingwist jew taħdem għall-Qorti tal-Ġustizzja bħala traduttur freelance, jekk jogħġbok ara:
Għal iktar informazzjoni dwar il-ħidma tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni Ġuridika, ara s-sit internet tagħna iddedikat għall-Multilingwiżmu.
