Kif tista’ ssir ġurist lingwist fil-Qorti tal-Ġustizzja
Il-ġuristi lingwisti huma ġuristi speċjalizzati fit-traduzzjoni ġuridika. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea timpjega madwar 600 ġurist lingwist. Il-parti l-kbira minnhom huma membri tal-persunal permanenti rreklutati f’kompetizzjonijiet ġenerali organizzati mill-EPSO. Sabiex issir ġurist lingwist ta’ lingwa speċifika, għandek bżonn tkun iggradwat fid-dritt fl-Istat Membru tal-lingwa inkwistjoni, ikollok għarfien perfett ta’ dik il-lingwa u għarfien tajjeb ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni. Kull lingwa għandha d-diviżjoni speċifika tagħha fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja.
Sabiex issir ġurist lingwist
Ġurist lingwist huwa responsabbli għat-traduzzjoni tat-testi ġuridiċi, inklużi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali, fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.
L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) jorganizza kompetizzjonijiet għall-ġuristi lingwisti skont il-ħtiġijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-avviżi tal-kompetizzjonijiet jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni.
X’għandi bżonn sabiex napplika?
B’mod ġenerali, ir-rekwiżiti ma jvarjawx ħafna minn kompetizzjoni għal oħra għal kull lingwa. Madankollu, dawn jistgħu jiġu adattati għall-pajjiż partikolari kkonċernat mill-kompetizzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tad-diviżjoni tal-lingwa.
Sabiex tkun eliġibbli għal dan ir-rwol, trid tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi, li huma komuni għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni. Madankollu, għandek tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti minimi li ġejjin.
- Tkun iggradwat fid-dritt fl-Istat Membru tal-lingwa tal-kompetizzjoni.
- Ikollok għarfien perfett tal-lingwa tal-kompetizzjoni.
- Ikollok għarfien ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni.
Jekk jogħġbok innota li l-ġuristi lingwisti għandhom responsabbiltà kbira. Jeħtieġ li jkollhom ħiliet legali u lingwistiċi ta’ livell għoli, ikunu kapaċi jaħdmu malajr u taħt pressjoni, u jkunu lesti jadattaw għall-bidliet, inkluż il-progress teknoloġiku, u jkomplu jitgħallmu matul il-karriera tagħhom.
Kif issir is-selezzjoni?
Wara proċedura sabiex tiġi ddeterminata l-ammissibbiltà tal-kandidati, tintalab tikkompleta t-testijiet bil-miktub.
It-testijiet bil-miktub jinvolvu t-traduzzjoni u r-reviżjoni ta’ testi ġuridiċi minn żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni tal-għażla tiegħek fil-lingwa tal-kompetizzjoni. Dawn it-traduzzjonijiet għandhom isiru mingħajr l-użu ta’ dizzjunarju.
Jekk tintgħażel, tiżdied ma’ lista ta’ riżerva. Dan ifisser li tista’ tiġi mistieden għal intervista għal pożizzjoni hekk kif jinqalgħu l-ħtiġijiet u l-pożizzjonijiet isiru disponibbli għal-lingwa tiegħek.
