Direttorat għall-Interpretazzjoni

L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxu regoli stretti dwar is-sistema lingwistika li hija bbażata fuq il-kunċett tal-“lingwa tal-kawża”.

Il-lingwa tal-kawża hija waħda mill‑24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni u tiġi ddeterminata meta l-kawża tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, il-lingwa tkun dik tal-qorti tar-rinviju, fir-rikorsi diretti, il-lingwa tkun normalment il-lingwa tar-rikorrent. Il-partijiet fil-kawża mbagħad jużaw din il-lingwa fil-komunikazzjonijiet kollha mal-Qorti tal-Ġustizzja u f’kull seduta li tinżamm. Kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni li jintervjeni jew jippreżenta osservazzjonijiet jista’ juża l-lingwa tiegħu stess. Matul is-seduti, l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jistgħu jistaqsu mistoqsijiet bil-lingwa tagħhom stess.

Għaldaqstant, hija meħtieġa interpretazzjoni simultanja waqt is-seduti pubbliċi.

Id-Direttorat għall-Interpretazzjoni jipprovdi interpretazzjoni għas-seduti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali. Huwa għandu madwar 70 interpretu permanenti u juża regolarment interpreti freelance b’esperjenza.

It-timijiet tal-interpreti huma fformati fuq il-bażi ta’

  • il-lingwa tal-kawża
  • il-lingwi tal-Istati Membri kkonċernati
  • il-ħtiġijiet tal-Imħallfin u tal-Avukati Ġenerali
  • il-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe grupp ta’ viżitaturi

In-numru ta’ lingwi użati jvarja minn seduta għall-oħra.

Ir-rwol ta’ interpretu huwa differenti minn dak ta’ ġurist lingwist. Minflok ma jittraduċu testi bil-kelma miktuba, l-interpreti għandhom jgħaddu b’mod preċiż messaġġ mitkellem minn lingwa għal oħra. Huma jaħdmu f’ħin reali sabiex jiżguraw komunikazzjoni tajba bejn il-kelliem u l-persuna li tkun qed tisma’ waqt is-seduti quddiem il-qrati tal-Unjoni.

Għal iktar informazzjoni dwar il-ħidma tad-Direttorat għall-Interpretazzjoni, ara l-paġna tagħna dwar Rakkomandazzjonijiet lill-partijiet fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u s-sit internet tagħna iddedikat għall-Multilingwiżmu.

Sabiex tikkuntattja lid-Direttorat għall-Interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tuża l-posta elettronika fl-indirizz interpretation@curia.europa.eu.